Sintesi tal-Omelija waqt l-għoti tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof
Bażilika tal-Viżitazzjoni, l-Għarb, Għawdex
Il-Ħadd 29 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
L-GĦOQOD TAL-ĦAJJA
Meta nqis kemm “għoqod” fiha l-ħajja, insib interessanti ħafna dak li Ġesù jgħid lil Pietru: “Nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16:19). Dan ifisser li Ġesù wegħedna li ser jgħinna biex “ngħaqqdu” jew “inħollu” id-diversi “rabtiet” li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Fil-fatt f’din is-soċjetà li ġiet imfissra bħala waħda “fluwida” fejn ma jeżisti xejn sod li tista’ sserraħ fuqu, ma niżbaljawx jekk nimpenjaw ruħna biex fejn naraw il-ħtieġa ma nikkuntentawx b’rabta ċoff li tista’ tinħall faċilment, imma nagħmlu rabta għoqda li tibqa’.
Nagħti xi eżempji. Għaliex spiss jiġri li wieħed jagħti kelma imma mbagħad ma jżommhiex? Kemm-il darba tisma’ min jilmenta li xi ħadd ikun wegħdu impenn, imbagħad dik il-wegħda tinkiser, bħal fil-każ li t-tekniku jagħti appuntament imma mbagħad ma jirrispettahx u jħalli lil min jistennieh għalxejn. Bħal donna ħadna l-libertà li nistgħu nqarrqu b’xulxin. Għandna bżonn ta’ ftit aktar awto-dixxiplina biex meta nagħtu kelma, inżommuha u hekk wieħed ikun jista’ joqgħod fuq kelmtna.
Illum dieħla l-mentalità li ż-żwieġ huwa rabta ċoff u wieħed huwa ħieles li jħoll dan iċ-ċoff kull xħin ifettillu. F’ħaġa daqshekk importanti kemm għall-istess individwi relatati biż-żwieġ u kemm għall-ġid komuni, jiswa ħafna li meta tnejn jiżżewġu, jorbtu r-rabta taż-żwieġ b’għoqda li ma tinħallx. Il-ħsieb stess li r-rabta taż-żwieġ hija faċli biex tinħall, jaffettwa fin-negattiv l-istabbiltà tal-koppja miżżewġa.
Imbagħad irid ikollna wkoll il-ħila li nħollu l-għoqod tal-ħajja. L-esperjenza tixhdilna li meta jitħabblulna l-“ħbula”, minħabba nuqqas ta’ ħsieb jew għax inħallu l-emozzjonijiet imexxuna, spiss naslu biex il-kobba tkompli titħabbel u jinħolqu l-għoqod. Mhux darba jew tnejn jiġrilna li aħna nkomplu ngħaqqdu l-istess għoqod. Hemm persuni li ilhom snin miksurin u jġorru f’qalbhom rabja għal xulxin propju għaliex ma għarfux ineħħu l-għoqda li għandhom fuq l-istonku kontra xulxin. Hemm familji li ilhom żmien imħabblin għax ma jistgħux isibu tarf tal-għoqod li għandhom. Hemm relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddimhom li huma stirati propju għax fin-negozjati ta’ bejniethom jiltaqgħu mal-għoqod. Jeżistu kwistjonijiet antiki bejn grupp u ieħor, bejn soċjetà u oħra, u oħrajn, li mhux lakemm isibulhom tarfhom għaliex maż-żmien trabbew l-għoqod. F’qagħdiet bħal dawn, hemm bżonn ta’ persuni mogħnija b’għerf prattiku u b’ħafna mħabba li jgħinu biex jinħallu dawk l-għoqod. Kemm tkun isbaħ il-ħajja kieku jirnexxielna nħollu d-diversi għoqod li għandna!
Ġesù wegħedna li jagħtina l-“imfietaħ tas-Smewwiet”, fi kliem ieħor il-qawwa tal-grazzja tiegħu, biex aħna nkunu nistgħu “norbtu” fis-sod dak li għandu jkun marbut, u ngħinu biex jinħallu dawk il-għoqod jew jitneħħew dawk l-ingroppi li qegħdin imermru r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Din l-għajnuna għandha isem: hija l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Insejħu lill-Ispirtu Divin biex jieqaf magħna biex ma nibżgħux inħaddmu dawn “l-imfietaħ tas-Smewwiet” ħalli sew meta “norbtu” u sew meta “inħollu”, aħna ngħinu lill-bniedem ikun ħieles. Għaliex meta huwa ħieles, il-bniedem kapaċi minn rajh “jintrabat”; min-naħa l-oħra, meta l-bniedem “jinħall” minn dak li huwa piż, huwa jikseb aktar libertà.