Archive for January, 2014

Diskors lis-Saċerdoti ta’ Mons. Isqof Mario Grech

Kif nara l-Knisja lokali llum

 

Diskors tal-Awguri lis-Saċerdoti
Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu, 18 ta’ Jannar 2014

 

“Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?” (Salm 137:4). Dan mhux biss it-tinwiħ tal-Lhud fl-eżilju f’xatt ix-xmajjar ta’ Babel, imma hija wkoll il-karba ta’ diversi Nsara f’pajjiżna li fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom bħal jissuspettaw li t-tempju, li hu l-għamara t’Alla fost il-bnedmin, qed jiġġarraf u li kull ma jmur l-Insara qed isiru minoranza f’art barranija.

Titwila ħafifa lejn l-istili ta’ ħajja li ġmielhom qed jaqbdu l-art, il-bidla fil-mentalità u fl-attitudnijiet, ċerti żviluppi li qed iseħħu fis-socjetà, il-produzzjonijiet tal-liġijiet li qed ikollna eċċ., tindika biċ-ċar li mhux biss għaddejja bidla mgħaġġla, imma wkoll li d-din Nisrani mhux popolari daqskemm jidher, u li l-appartenenza lejn il-Knisja qed tonqos bil-ħodon. Irridu nammettu li għadd ta’ drabi aħna poplu reliġjuż fl-apparenza u l-prattika reliġjuża aktar hija riżultat ta’ konvenjenza milli espressjoni ta’ konvinzjoni. Barra minn hekk, il-Knisja ma għadhiex l-unika kattedra tat-tagħlim, iktar u iktar tal-etika u l-morali għax fis-socjetà hawn agenziji oħra, reliġjuzi u lajci, li joffru l-prodott tagħhom u għalhekk il-Kattoliċi ma għadhomx ikantaw solo imma f’kor ta’ vuċijiet varji u ħafna drabi dissonanti. F’dan il-kuntest ġie li smajt Insara, anke presbiteri, jistaqsu: “Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?”.

Il-messaġġ tiegħi lil dawn l-insara huwa wieħed pożittiv u kollu tama kif kienet il-komunikazzjoni li għamel Ġeremija lil-Lhud fl-eżilju meta qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, lill-itturufnati li jien itturufnajt minn Ġerusalemm lejn Babilonja: ‘Ibnu djar u għammru fihom; ħawwlu ġonna u kulu frotthom; iżżewwġu n-nisa u nisslu subien u bniet; agħżlu nisa għal uliedkom u żewwġu lill-bniet tagħkom, biex jildu subien u bniet. Oktru hemm, u tonqsux fl-għadd. Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom” (Ġer. 29:5-7). Continue reading >>

Divorzjati li jerġgħu jiżżewġu - Suġġett għas-Sinodu li ġej

Traduzzjoni mit-Taljan ta’ artiklu ta’ Mons. Isqof Mario Grech li deher fil-ħarġa ta’ Ottubru 2013 tar-rivista “Missione Oggi”:

http://www.laikos.org/MG_Divorzjati_Ott-2013.htm

Bullettin tal-Ħadd - 19 ta’ Jannar 2014

Niżżel kopja tal-Bullettin minn hawn:

bullettin-2014-jan19.jpg

Ir-Riforma tas-Saħħa u l-Foqra: Intervent ta’ Mons. Isqof Mario Grech

IR-RIFORMA TAS-SAĦĦA U L-FOQRA

Intervent waqt Dibattitu Nazzjonali dwar ir-Riforma fis-Servizz tas-Saħħa
organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ

Kamra tal-Kummerċ, il-Belt Valletta
Il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar 2014


Meta qegħdin nitkellmu dwar is-servizz tas-saħħa fis-soċjetà tagħna, fil-fehma tiegħi, qegħdin nittrattaw dwar id-deheb nazzjonali.

L-ewwel nett għaliex iċ-ċittadini morda għandhom ikunu l-għożża tan-Nazzjon. Il-kobor tal-pajjiż ma jitkejjilx minn dak li hemm maħżun fit-teżor, jew minn kemm tkun sejra tajjeb l-ekonomija, imma nazzjon ikun kbir daqskemm jagħraf irawwam u jħares ċiviltà umana fejn id-dinjità ta’ kull persuna hija miżmuma ’l fuq. Huwa fatt magħruf li soċjetà hija umana daqskemm jirnexxilha tagħti attenzjoni liż-żgħir, lill-fqir u lill-emarġinat. Fost dawn hemm il-morda li huma l-ifqar fost il-fqar.

Barra minn hekk, il-persuna marida ħafna drabi hija risorsa għal dawk li jkunu madwarha, għaliex jekk il-mard jgħakkes lill-bniedem fiżikament, jimmaturah spiritwalment fis-sens li l-bniedem marid jaf imur għal dak li huwa essenzjali u neċessarju. Huwa minnu li xi drabi l-mard ma jħallikx tirraġuna; imma huwa minnu wkoll li s-sodda tal-mard hija skola ta’ għerf.

Imma l-argument dwar is-servizzi tas-saħħa jqarribna letteralment lejn id-deheb, għaliex meta nħallu l-liġi tas-suq tiddetta l-kwalità u l-metodu tal-kura, minn servizz eminentament uman, isir negozju. Filwaqt li s-soċjetà għandha tħossha midjuna lejn dawk l-operaturi sanitari li huma replika tas-Sammaritan it-tajjeb għax taw ħajjithom biex jikkuraw lill-morda, huwa fatt magħruf li xi wħud, meta messew mal-qasam tas-saħħa (kliniċi, professjoni medika, industrija farmaċewtika, riċerkaturi etċ), sabu “bir tad-deheb”. Fejn qabel it-tabib kien jaqdi lil marid biex jerġa’ jieħu s-saħħa, illum hemm każi fejn il-marid qiegħed hemm biex it-tabib isir aktar b’saħħtu ekonomikament. Ftit ġimgħat ilu, waqt li kien qed jagħmel l-orazzjoni akkademika fl-okkażjoni ta’ waħda miċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni, il-Professur Nikolai J. Attard osserva li: “medical and pharmaceutical disciplines (are) today a multi-million euro business. While acknowledging the role of industry in promoting research, one must also caution against relentless drive in improving its economic profile on the stock market …. Many times we observe initiatives that are defintely not focused on the patient’s well being …. Many dentists subscribe to this idea and view osseointegration as a fast and guaranteed way of lining their pockets”. 

Imbagħad Prof. Attard ikompli jistaqsi: “Aren’t we all aware of the pricing of medications, or of interventions that are exorbitantly priced, or of recent events where companies sugar-coated their research with profound implications on the well-being of patients?” Continue reading >>

Divorziati risposati - Tema per un prossimo Sinodo

Artiklu ta’ Mons. Isqof Mario Grech fil-ħarġa ta’ Ottubru 2013 tar-Rivista “Missione Oggi”

Niżżel l-artiklu (bit-Taljan) minn hawn:
divorziati-risposati-tema-per-un-prossimo-sinodo-missione-oggi-ott-2013.pdf

Bullettin tal-Ħadd - 12 ta’ Jannar 2014

Niżżel kopja tal-bullettin minn hawn:

bullettin-2014-jan12.jpg

Il-Kor Laudate Pueri jagħmel ġieħ lid-Djoċesi tagħna bil-kant tiegħu fil-Quddiesa Papali tal-Epifanija

Rapport: Francesco Pio Attard
Ritratti: Adrew Formosa, Centro Televisivo Vaticano

il-kor-laudate-pueri-fil-vatikan-ctv.jpg

il-kor-laudate-pueri-fil-vatikan.jpg

Il-Kor Laudate Pueri tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, mid-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex, kanta fil-Liturġija Solenni mmexxija mill-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, nhar it-Tnejn 6 ta’ Jannar 2014, Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.

Il-Kor, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo, hu magħmul minn madwar ħamsin element, ħafna minnhom żgħażagħ u fil-parti l-kbira tagħhom nisa.  Dan jagħmlu l-ewwel kor b’ilħna femminli li flimkien mal-Kappella Pontifiċja Sistina anima Quddiesa tal-Papa fil-Vatikan.  Il-leader tal-kor Għawdxi, Dr Maria Frendo, kantat ukoll is-Salm Responsorjali.

Iż-żewġ korijiet, taħt id-direzzjoni ta’ Mons. Massimo Palombella SDB, laqgħu l-Papa fil-purċissjoni tad-dħul bl-antifona maestuża Tu es Petrus taċ-ċelebri Lorenzo Perosi.  Waqt il-Quddiesa tkantat ukoll il-famuża antifona tal-Epifanija Surge et Illuminare Hierusalem, kompożizzjoni ta’ Pier Luigi da Palestrina.  Il-Quddiesa, li fiha l-Papa għamel omelija sabiħa dwar id-Dawl veru tal-Epifanija li hu Kristu, intemmet bl-eżekuzzjoni ta’ interpretazzjoni l-ġmiel tagħha tal-innu Adeste Fideles.  Il-Quddiesa xxandret diretta fuq l-istazzjon televiżiv tal-Vatikan.

F’messaġġ ċkejken li tefa’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook nhar it-Tnejn wara nofs in-nhar, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, li akkumpanja l-Kor f’Ruma u kien fost il-konċelebranti mal-Papa, kiteb hekk: “Għadni kif smajt lill-Papa Franġisku jgħid l-Angelus u ftit wara jsellem lill-Kor tagħna Laudete Pueri u jroddilhom ħajr għas-sehem tagħhom meta dalgħodu ssieħbu mal-Cappella Sistina biex janimaw il-Quddiesa li l-Papa qaddes illum, festa tal-Epifanija!  Dan il-leħen tal-Papa jikkompleta l-vuċijiet tal-Kor li mlew b’melodija kollha ħlewwa l-Bażilika ta’ San Pietru dalgħodu.  Din hija ġrajja unika fin-nisġa tal-istorja tal-Kor, tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, tad-Djoċesi tagħna u tal-Knisja f’pajjiżna.  Huwa ta’ sodisfazzjon pastorali kbir għalija li nara mhux biss it-talent mużikali ta’ dan il-kor, imma wkoll x’kapaċi toffri esperjenza ta’ komunità ekkleżjali.  Il-kant sagru huwa ‘stilla’ ċkejkna li tarmi d-dija bħal dik il-kewkba li mexxiet lill-Maġi biex isibu lil Ġesù f’Betlehem.  Grazzi”.

Lejlet din l-okkażjoni prestiġjuża u memorabbli, il-membri tal-Kor u l-familjari tagħhom kellhom udjenza privata mal-Papa Franġisku quddiem ir-residenza tiegħu ta’ Santa Marta fil-Vatikan, fejn kien preżenti wkoll Mons. Alfred Xuereb, Segretarju Privat tal-Papa, li f’żgħożitu wkoll kien membru tal-Kor.

Il-kor Għawdxi ta wkoll kunċert ta’ mużika sagra fil-parroċċa pontifiċja ta’ Sant’Anna, fil-Belt tal-Vatikan, nhar is-Sibt 4 ta’ Jannar.  Barra l-Isqof Grech, akkumpanjaw ukoll il-Kor Laudate Pueri f’Ruma Mons. Pawlu Cardona, Arċipriet ta’ San Ġorġ, u Mons. Dr Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu u fundatur tal-Kor.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex twassal fit-tmiem proġett tal-Unjoni Ewropea ta’ Pannelli Fotovoltajiċi

Media Release - 7 ta’ Jannar 2014

ERDF 285: Gozo Diocese’s continued contribution to Eco-Gozo concept

F’dawn l-aħħar snin il-Kurja ta’ Għawdex kienet impenjata biex tinstalla pannelli fotovoltajiċi fuq binjiet tal-Knisja fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett, li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-Knisja f’Għawdex qed tikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu l-emmisjonijiet permezz ta’ enerġija rinovabbli li qed tkun iġġenerata mix-xemx, kif ukoll qed jiġu ffrankati spejjeż ta’ konsum ta’ dawl. Skop ieħor ta’ dan il-proġett huwa li joħloq għarfien tal-potenzjal ambjentali li jeżisti f’ pajjiżna.

Huwa stmat li dawn il-pannelli sejrin jiġġeneraw 33,072 kWh fis-sena li permezz tagħhom l-atmosfera ser tibbenefika billi jiġu ffrankati bejn wieħed u ieħor 28,441kg ta’ CO2. Dan kollu jikkontribwixxi għal arja aktar nadifa fl-ambjenti li ngħixu fihom.

Dan il-proġett ta’ installazzjoni ta’ sistemi ta’ fotovoltajiċi, li beda fl-2012 u qed jara tmiemu f’dawn il-ġranet, jiswa €39,850 u tliet entitajiet Għawdxin – is-Sorijiet tal-Klarissi, il-Lumen Christi Media Centre kif ukoll iċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Lawrenz –  fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex, qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ dan il-proġett, id-Djoċesi ta’ Għawdex trid tilħaq żewġ għanijiet importanti: dak li tkun ta’ eżempju billi tkompli tadotta miżuri ta’ enerġija rinovabbli biex tikkumbatti t-tibdil fil-klima u wkoll li tkompli tikkontribwixxi għall-kunċett ta’ Eko-Għawdex.

Dan il-proġett jaqa taħt OP1 – Investiment fil-Kompetittività għall-Kwalità ta’ Ħajja Aħjar (ERDF).

erdf285-saint-lawrence-parish-centre.jpg

erdf285-poor-clares-convent.jpg

erdf285-lumen-christi-media-centre.jpg