Rapport: Francesco Pio Attard
Ritratti: Adrew Formosa, Centro Televisivo Vaticano
Il-Kor Laudate Pueri tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, mid-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex, kanta fil-Liturġija Solenni mmexxija mill-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, nhar it-Tnejn 6 ta’ Jannar 2014, Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.
Il-Kor, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo, hu magħmul minn madwar ħamsin element, ħafna minnhom żgħażagħ u fil-parti l-kbira tagħhom nisa. Dan jagħmlu l-ewwel kor b’ilħna femminli li flimkien mal-Kappella Pontifiċja Sistina anima Quddiesa tal-Papa fil-Vatikan. Il-leader tal-kor Għawdxi, Dr Maria Frendo, kantat ukoll is-Salm Responsorjali.
Iż-żewġ korijiet, taħt id-direzzjoni ta’ Mons. Massimo Palombella SDB, laqgħu l-Papa fil-purċissjoni tad-dħul bl-antifona maestuża Tu es Petrus taċ-ċelebri Lorenzo Perosi. Waqt il-Quddiesa tkantat ukoll il-famuża antifona tal-Epifanija Surge et Illuminare Hierusalem, kompożizzjoni ta’ Pier Luigi da Palestrina. Il-Quddiesa, li fiha l-Papa għamel omelija sabiħa dwar id-Dawl veru tal-Epifanija li hu Kristu, intemmet bl-eżekuzzjoni ta’ interpretazzjoni l-ġmiel tagħha tal-innu Adeste Fideles. Il-Quddiesa xxandret diretta fuq l-istazzjon televiżiv tal-Vatikan.
F’messaġġ ċkejken li tefa’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook nhar it-Tnejn wara nofs in-nhar, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, li akkumpanja l-Kor f’Ruma u kien fost il-konċelebranti mal-Papa, kiteb hekk: “Għadni kif smajt lill-Papa Franġisku jgħid l-Angelus u ftit wara jsellem lill-Kor tagħna Laudete Pueri u jroddilhom ħajr għas-sehem tagħhom meta dalgħodu ssieħbu mal-Cappella Sistina biex janimaw il-Quddiesa li l-Papa qaddes illum, festa tal-Epifanija! Dan il-leħen tal-Papa jikkompleta l-vuċijiet tal-Kor li mlew b’melodija kollha ħlewwa l-Bażilika ta’ San Pietru dalgħodu. Din hija ġrajja unika fin-nisġa tal-istorja tal-Kor, tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, tad-Djoċesi tagħna u tal-Knisja f’pajjiżna. Huwa ta’ sodisfazzjon pastorali kbir għalija li nara mhux biss it-talent mużikali ta’ dan il-kor, imma wkoll x’kapaċi toffri esperjenza ta’ komunità ekkleżjali. Il-kant sagru huwa ‘stilla’ ċkejkna li tarmi d-dija bħal dik il-kewkba li mexxiet lill-Maġi biex isibu lil Ġesù f’Betlehem. Grazzi”.
Lejlet din l-okkażjoni prestiġjuża u memorabbli, il-membri tal-Kor u l-familjari tagħhom kellhom udjenza privata mal-Papa Franġisku quddiem ir-residenza tiegħu ta’ Santa Marta fil-Vatikan, fejn kien preżenti wkoll Mons. Alfred Xuereb, Segretarju Privat tal-Papa, li f’żgħożitu wkoll kien membru tal-Kor.
Il-kor Għawdxi ta wkoll kunċert ta’ mużika sagra fil-parroċċa pontifiċja ta’ Sant’Anna, fil-Belt tal-Vatikan, nhar is-Sibt 4 ta’ Jannar. Barra l-Isqof Grech, akkumpanjaw ukoll il-Kor Laudate Pueri f’Ruma Mons. Pawlu Cardona, Arċipriet ta’ San Ġorġ, u Mons. Dr Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu u fundatur tal-Kor.