Archive for July, 2011

L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-komunità parrokkjali tal-Għarb

Fl-okkażjoni tal-festa li saret ilbieraħ, il-Ħadd 3 ta’ Lulju 2011, fil-parroċċa tal-Għarb, Għawdex, ad unur tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fil-knisja parrokkjali u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Il-Volontarjat – sinjal pożittiv ta’ żminijietna

Fis-“sinjali taż-żminijiet” nistgħu naqraw x’inhu l-“kredu” tas-soċjetà, għaliex dawn is-sinjali huma rifless tal-valuri li tkun tħaddan is-soċjetà. Jekk naslu biex naqraw tajjeb dawn is-sinjali ta’ żminijietna, anke meta s-sħab iswed jaħbat idallam il-ħajja, xorta jirnexxilna naslu biex niskopru għadd ta’ sinjali li jqawwu fina t-tama dwar il-ġejjieni tas-soċjetà u tal-Knisja!

Fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, huwa dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju biex tkun tista’ twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja! Għalina li nemmnu f’Alla, ċerti fenomeni li hawn madwarna jixhdu li Alla huwa preżenti u qed jaħdem fl-istorja tagħna llum. Continue reading >>