Nitlob maħfra

Stqarrija tal-Kurja ta’ Għawdex dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni mwaqqfa mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech biex tinvestiga allegazzjonijiet ta’ abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fuq minorenni f’Lourdes Home.

English Version click here

3 ta’ April 2008pressreleaselogo.jpg

Għawdex – Lourdes Home

 

Nitlob maħfra

Fl-24 ta’ April 2006 waqqaft Kummissjoni biex tinvestiga allegazzjonijiet ta’ abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fuq tfal fiż-żmien li huma għaddew f’Lourdes Home, immexxija mis-Sorijiet Dumnikani. Il-ħidma tal-Kummissjoni kellha l-iskop li tgħinni fil-Ministeru Pastorali tiegħi.

Ftit tal-ġimgħat ilu l-Kummissjoni ppreżentat ir-Rapport tagħha. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li f’xi każijiet partikulari kien hemm imġieba mhux tajba fir-rigward ta’ tfal li qatt ma kellha sseħħ. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll xi rakkomandazzjonijiet li jiżguraw li abbużi bħal dawn qatt ma jerġgħu jseħħu.

Jien ikkuntattjajt immedjatament lis-Superjura Ġenerali tas-Sorijiet Dumnikani u tajtha istruzzjoni biex twettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, biex hekk ikun eskluż li jirrepetu ruħhom dawn l-abbużi.

Napprezza ħafna l-ħidma siewja mwettqa b’imħabba kbira u b’dedikazzjoni f’din id-Dar minn numru kbir ta’ Sorijiet tul is-snin kollha li ilha mwaqqfa b’risq mijiet ta’ tfal u l-familji tagħhom. Is-Sorijiet komplew jagħmlu dan ix-xogħol anke meta l-għajnuna mill-istituzzjonijiet soċjali kienet nieqsa. Ħafna tfal, illum adulti, jixhdu li huma rċevew imħabba u attenzjoni f’din id-Dar. Ġenwinament nittama u nirrikmanda li din id-Dar tkompli toffri dan is-servizz lill-Knisja u lis-soċjetà.

Iżda fl-istess ħin irrid nuri d-dispjaċir tiegħi għal dak kollu li kien ta’ ħsara għal dawn it-tfal. Jien nitlob maħfra lil dawk li batew minħabba din l-imġieba. Il-Knisja tixtieq takkumpanja lil dawn il-persuni li kienu mweġġgħa minħabba din l-imġieba. Jien diġà ħtart tim ta’ esperti biex jakkumpanjaw lil dawn il-persuni fit-triq biex itaffu l-uġiegħ. Diġà għamilt kuntatti mal-persuni involuti u se nsegwi dan il-proċess mill-viċin.

+ Mario Grech
Isqof

Ara wkoll:

Stqarrija għall-Istampa ta’ meta Mons Isqof Mario Grech waqqaf din il-Kummissjoni (24 ta’ April 2006); nota storika qasira dwar Lourdes Home; interventi reċenti ta’ Mons Isqof dwar dan is-suġġett (żewġ omeliji u Ittra Ċirkulari); u Messaġġ tal-Papa Benedittu XVI lill-parteċipanti fl-Assemblea Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju “Cor Unum”.