Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu (20 ta’ Marzu 2008), fil-Katidral ta’ Għawdex, Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni Solenni flimkien mas-saċerdoti tad-Djocesi li ġeddew il-wegħdiet tas-saċerdozju tagħhom u li fiha sar ukoll it-tberik taż-żjut tal-morda, tal-katekumeni u tal-Griżma. Huwa għamel din l-omelija:
IL- MIDLUKA BIŻ-ŻEJT TAL-FERĦ
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dalgħodu tissejjaħ “il-quddiesa tal-Griżma”. Din il-Griżma hija d-dilka li ssir permezz taż-żjut li ser inbierek u nikkonsagra minn hawn u ftit mumenti oħra. Għalhekk illum iż-żejt, li għandu tifsira u qawwa partikulari, jieħu ċ-ċentru ta’ din il-liturġija. Fid-dinja, iż-żejt jintuża għal ħafna affarijiet. F’każi estremi u koroh, iż-żejt jintuża biex iqabbad in-nar; hemm min ixerred iż-żejt biex in-nar jikber, jinfirex u jeqred. Sfortunatament minn dawn il-persuni għandna anke llum!
Iż-żejt fil-ħajja tan-nisrani
Imma fil-kuntest tal-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja nisranija, iż-żejt huwa wżat biex ikunu midluka dawk li ser jagħmlu diversi esperjenzi fil-ħajja: dawk li għandhom storja ta’ fidi imma għadhom imtaqqlin bid-dubju u qegħdin ifittxu l-verità, jiġifieri l-katekumeni. Iż-żejt jintuża meta dawk li jitwieldu mill-ġdid permezz tal-magħmudija jirċievu d-dilka tal-konsagrazzjoni lil Alla. Iż-żejt jintuża fuq l-adolexxenti li jirċievu s-sagrament tal-Konfermazzjoni u hekk, waqt li jiġu kkonfermati fil-fidi, ikunu mqawwija biex jagħtu xhieda għal Kristu. Iż-żejt jintuża meta hemm il-sofferenza u l-mard. San Ġakbu jgħidilna: “Jekk hemm xi ħadd f’nofskom li huwa marid, dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Mulej biex jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej” (Ġak 5,15). Qed nirreferri għad-dilka tal-morda. Imma ż-żejt nużawh ukoll għall-konsagrazzjoni presbiterali ta’ dawn l-irġiel li hawn madwari (is-saċerdoti). Hija tradizzjoni antika ħafna li fi ħdan il-poplu Lhudi sa minn żmien it-Testment il-Qadim, li l-bniedem li kien ikun magħżul minn Alla kien jiġi kkonsagrat bid-dilka taż-żejt. Din it-tradizzjoni, li taf il-bidu tagħha lil Mosè, kif insibu fl-Eżodu - fejn Mosè huwa qabad iż-żejt imħawwar bil-fwejjaħ u sawbu fuq ras Aronne. Is-salm 132 jgħid li ż-żejt baqa’ nieżel mal-leħja tiegħu u ċappas it-tonka tiegħu. Din id-dilka li tinżel fuq il-persuna kollha kemm hi tfisser li l-Ispirtu ta’ Alla jippossedi lil dik il-persuna: il-bniedem midluk biż-żejt fl-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu m’għadux tiegħu nnifsu imma jsir il-bniedem ta’ Alla.
Is-saċerdot ikkonsagrat biex iħabbar il-Bxara it-Tajba
Dalgħodu għandna għalfejn nirringrazzjaw lil Alla għaliex f’Għawdex il-Knisja hija mżejna b’dawn is-saċerdoti u li, minkejja l-umanità u d-djgħufija tagħhom, huma bnedmin ta’ Alla. Ser nieħu l-figura ta’ Mosè biex ngħinkom tifhmu x’inhuma l-effetti taż-żejt li bih ġejna kkonsagrati aħna s-saċerdoti, u dan nagħmlu fid-dawl tal-liturġija tal-Kelma tal-lum.
Fl-ewwel qari smajna li l-Mulej jikkonsagra lil Isaija ħalli jdewwi l-qalb miksura, biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u lill-ħabsin il-ftuħ il-ħabs … biex ifarraġ lill-imniktin, biex iferraħ ‘il dawk li jibku f’Sijon, u lil dawn jagħtihom kuruna flok irmied, żejt il-ferħ flok ilbies tal-viżtu (Is 61). Dan kollu jgħodd għalina saċerdoti, il-midlukin tal-Mulej. Aħna ġejna kkonsagrati u midlukin biex inkunu nistgħu nfarrġu lil min huwa qalbu maqtugħa, infejqu lil min huwa mkisser, inlibbsu kuruna flok ma nxerrdu l-irmied, insawbu ż-żejt tal-ferħ minflok ma nlibbsu l-ilbies tal-viżtu!
Jekk dan kien jgħodd fi żmien il-profeta Isaija u ġie attwalizzat fil-ħajja ta’ Kristu meta huwa qara s-silta tal-Vanġelu tal-lum u qal: ‘Din il-kitba twettqet illum’ (Lq 4,21), ma taħsbux li dan jgħodd għalina llum? Inħarsu lejn is-soċjetà ta’ madwarna u lejn l-insara tagħna tal-lum u naraw kemm huwa meħtieġ li jkollna ministri li jxerrdu ż-żejt tal-ferħ fil-qlub ta’ tant bnedmin. Din kienet is-sejħa ta’ Mosè li kien imsejjaħ biex ifarraġ ‘il-poplu Lhudi li kien fl-iskjavitù billi jroddlu il-ħelsien. Għeżież ħuti fis-saċerdozju, intom ukoll, kull wieħed minnkom, tistgħu tirrakkontaw esperjenzi straordinarji li għamel Alla fil-qalb tal-bniedem permezz tal-ministeru tagħkom!
Kanali biex jasal iż-żejt tal-ferħ
Għandi f’moħħi ċerti esperjenzi u ċerti istituzzjonijiet li għandna fid-Djoċesi illi bil-preżenza tagħkom is-saċerdoti u bil-preżenza tas-sorijiet u lajċi, huma istituzzjonijiet li proprju jgħinu biex jasal dan iż-żejt tal-ferħ. Għandna istituzzjonijiet li ilhom magħna ħafna snin u oħrajn ġodda. Qed nireferri għad-dar tat-tfal li għandna f’Lourdes Home, dar li nixtieqha tibqa’ taħdem, għaliex il-ġid li sar ma’ ħafna tfal bil-ħidma siewja li wettqu s-saċerdoti u r-reliġjużi f’dik id-dar b’sagrifiċċji personali kbar huwa kbir. Għandna d-dar “Arka” li wkoll hija barka kemm għall-persuni b’diżabilità kif ukoll għall-familji tagħhom li, bil-ħidma bla waqfien ta’ ħafna lajċi u bil-ħidma partikulari ta’ saċerdot li jmexxi din id-dar flimkien mas-sehem ta’ saċerdoti, iħossu ż-żejt tal-ferħ jissawwab fihom. Inrodd ħajr lil Alla għall-ħidma moħbija u siewja li jwettaq fl-“OASI” is-saċerdot responsabli flimkien ma’ saċerdoti oħra u lajċi. Għandna id-“Dar Ġużeppa Debono” li toffri kenn lil min hu favur il-ħajja. Għandna l-Oratorju Don Bosco fejn, bil-preżenza ta xi saċerdoti u lajċi l-Knisja toffri żejt ta’ ferħ lil ħafna adolexxenti u żgħażagħ permezz ta’ formazzjoni alternattiva. Dawn id-djar huma dawk il-kanali li minnhom jissawwab iż-żejt tal-ferħ.
Imma jiena nimmaġina li bħal Mosè anke aħna, għalkemm imsejħa biex insawwbu dan iż-żejt tal-ferħ, ikun hemm waqtiet li fihom aħna li nsegwu l-bniedem batut naħbtu naqtgħu qalbna, nirrikonoxxu d-djgħufija tagħna u nkuni rridu min isawwab iż-żejt tal-ferħ fi qlubna. Ftakru x’għamel Mosè. Sa mill-bidu tas-sejħa tiegħu minn Alla, Mosè mill-ewwel beda joħloq id-diffikultajiet. Lil Alla qallu li kellu diffikultà biex jitkellem, imma Alla bagħtlu min jgħinu. X’ħin ġie biex jitlob ħalli l-poplu jirbaħ il-gwerra kontra Għamalek, Mosè ma pperseverax fit-talb, tant li kellhom ikunu Aronne u Ħur li żammewlu jdejh ‘il fuq ħalli t-talba tiegħu tippersevera u jkun jista’ jissawab iż-żejt tal-paċi f’dik ir-realtà. Dan kollhu jseħħ fil-ħajja tagħna għaliex aħna bnedmin bil-limiti u d-djgħufija tagħna. Imma f’waqtiet bħal dawn, jekk niżbaljaw għandna nkunu umli biżżejjed li nduru lejn Alla u lejn min inkunu weġġajna bl-iżball tagħna u nitolbuh jagħdirna filwaqt li nagħmlu ħilitna biex ma niżbaljawx iktar.
Iż-żejt tal-viġilanza
Imma fl-istess ħin huwa importanti li nirrikorru għal żejt ieħor, li huwa dak tal-viġilanza. Hawnhekk tiġini f’moħħi l-parabbola ta’ l-għaxar xebbiet, il-ħamsa għaqlin u l-ħamsa boloh. L-għaqlin kellhom żejt biżżejjed fil-kus ħalli setgħu jishru biex jiltagħqu ma’ l-għarus. Aħna ġejna kkonsagrati imma l-possibiltà li dan iż-żejt jinxef qegħda hemm. Jekk iż-żejt tal-ferħ jinxef, ma nkunux nistgħu nxerrduh fuq il-poplu ta’ Alla. Kif ser inkattru dan iż-żejt li hemm fuqna?
Proprju billi nkunu rġiel li nishru u noqogħdu fil-preżenza ta’ Alla; billi ningħataw iktar għat-talb milli għall-attività! Jiena jiġini f’moħħi dak li Ġetro qal lil Mosè: “Int oqghod quddiem Alla f’isem il-poplu u ressaq quddiemu kull ma jinqala’.” (Eż 18,19) Bħal Mosè jeħtiġilna ż-żejt tat-talb u tal-pjetà li jkun jikkonsisti f’kollokwju ta’ interċessjoni, ta’ tgergir u ta’ smigħ fiduċjuż. Dan ngħidu lili nnifsi u ngħidu lilkom, ħuti fis-saċerdozju! Biex jiena nagħti l-qawwa ma jfissirx li jiena rrid inkun qawwi; biex jien inkebbes it-tama, ma jfissirx li jien ma jkolli ebda biża’; biex innissel il-ferħ, ma jfissirx li jien ma jistax ikolli mumenti ta’ niket! Anke jekk jien inkun dgħajjef nista’ nagħti l-qawwa. Biex jiena nagħti ċ-ċertezza ma jfissirx li ma jkollix dubji. Biex jiena ngħin lil ħaddieħor jimxi ma jfissirx li jiena m’iniex marid u m’għandix il-ġerħat tiegħi. Niftakru x’jgħid l-Imgħallem tagħna meta applika għalih ix-xbieha tar-“ragħaj midrub” (Mk 14,27) u dak li tgħabba bil-mard tagħna (Mt 8,17). Mela huwa ragħaj midrub li għandu fuqu l-ġrieħi tagħna. In-nuqqas ta’ qawwa u l-mard ma jeżentaniex milli aħna nwettqu s-sejħa li għamlilna l-Mulej u li aħna kkonsagrati għaliha; anzi, aktar għandu jistimulana biex filwaqt li noqogħdu fil-preżenza tiegħu u niftħu d-djalogu mingħajr waqfien, inpoġġu l-fiducja tagħna fiH biss. Meta aħna nirċievu mingħandu dan iż-żejt tal-ferħ, imbagħad inkunu nistgħu nxerrduh fuq l-oħrajn.
Iż-żejt tal-profezija
Il-poplu ta’ Alla f’pajjiżna għandu bżonn ta’ ilħna profetiċi. Anke hawnhekk irridu noqogħdu attenti, għaliex huwa faċli li jekk joqosna ż-żejt tal-profezija nippriedkaw lilna nfusna u mingħalina nkunu qegħdin nagħtu glorja lil Alla, imma fil-fatt inkunu qegħdin insallbu lil Alla! Għalhekk huwa importanti li naħżnu dan iż-żejt tal-profezija. L-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud jgħid li Mose “żamm iebes daqs li kieku kien qed jara lil Alla li ma jidhirx” (Lhud 11,27). Ħafna min-nies tagħna llum jaraw biss dak li jidher u jlellex. Dan huwa l-gwaj ta’ żmienna! Il-preżenza tagħna fis-soċjetà tal-lum trid tgħin lill-bniedem jara dak li ma jidhirx, jiġifieri lil Alla. Mosè, li kien midluk biż-żejt tal-ferħ - u mbagħad din id-dilka għaddiha lil Aronne u baqgħet għaddejja fuq is-saċerdoti - , seta’ jaqra dak li ma jidhirx u jkun profeta. Jekk aħna rridu nagħtu servizz lill-poplu ta’ Alla ma nistgħux nabdikaw minn din il-missjoni profetika. Kif aħna l-Isqfijiet għednilkom fl-ittra pastorali tar-Randan, ma nistgħux id-dlam insejħulu dawl, id-dawl insejħulu dlam, u l-ħelu nsejħulu morr!
Għeżież presbiteri, dan li qed ngħid għalikom ngħidu għalija bħala responsabbli mill-Knisja f’Għawdex u bħala ħukom il-kbir. Jiena nassigurakom quddiem il-poplu ta’ Alla li la qatt għamilt u lanqas ser nagħmel xi ħaġa kontra l-kuxjenza tiegħi li b’xi mod tista’ tferikom jew tnaqqsilkom il-qawwa taż-żejt tal-ferħ biex intom tkunu l-ikkonsagrati tal-Mulej fil-Knisja u fid-dinja tal-lum. Nistenna minnkom li intom tkunu l-fwieħa ta’ Kristu għad-dinja: kull wieħed minnkom għandu jkun mimli b’dan iż-zejt tal-ferħ. Hekk il-kuntatti tagħna bl-esperjenzi pastorali li nagħmlu jfarrġu lil dawk li huma qalbhom imtaqqla, nfejqu lil dawk miksurin u nsawwbu ż-żejt tal-ferħ minflok inlibbsu lbies tal-viżtu.
Lilkom, poplu ta’ Alla, ma nixbax inħeġġiġkom ħalli kontinwament titolbu għalina ħalli bħal Mosè aħna wkoll inkunu nistgħu naqdu lill-poplu ta’ Alla bl-akbar fedeltà.