Uffiċċju Mezzi Kommunikazzjoni Soċjali
Kurja Veskovili
Victoria, Għawdex
Tel: 21556661
Lil: Media Kollha
Minn: Dun Anton Refalo (PRO)
Data: 24 ta’ April 2006
STQARRIJA LILL-ISTAMPA
Dalgħodu Mons Isqof Mario Grech waqqaf Kummissjoni bil-għan li tistħarreġ l-allegazzjonijiet ta’ abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fuq minorrenni f’dar tat-tfal tal-Knisja f’Għawdex kif qed jiġi rapportat f’sezzjoni tal-Media lokali.
Fid-Digriet tiegħu Mons Isqof jgħid li: “Billi f’dawn il-jiem fil-Media lokali dehru allegazzjonijiet serji dwar tfal minorenni li soffrew abbużi fiżiċi u psikologici f’dar tat-tfal tal-Knisja;
Ikkunsidrat li dawn it-tip ta’ allegazzjonijiet kienu saru fl-1999 u Mons Isqof Nikol Cauchi ħa l-inkarigu li jwaqqaf Kummissjoni li, wara li stħarrġet il-każ, ippreżentatlu rapport fejn irriżulta li l-allegazzjonijiet kienu nfondati;
Bil-għan li din l-allegata tbatija tiġi eliminata u li l-aġenziji tal-Knisja li normalment joffru support lil dawk batuti ikunu jistgħu joffru din l-għajnuna lil dawk li allegatament soffrew dan it-trattament;
Billi jista’ jkun li min illum qed jagħmel dawn l-allegazzjonijiet ma kienx mismugħ jew dawk li ħadu sehem fl-istħarrig dakinhar jista’ illum jkollhom tagħrif ġdid;
Mons Isqof Grech ħatar Kummissjoni biex fiċ-cirkustanzi tistħarreġ jekk hemmx elementi ġodda li jitfgħu dawl fuq dawn l-inċidenti u fil-każ jittiehdu l-passi necessarji.”
Il-Kummissjoni, li hija magħmula mill-Imħallef Victor Caruana Colombo (chairperson), Dr Ruth Farrugia LLD (avukata); Dr Angela Abela (psikologa); Mons Fortunat Mizzi, għandha tirraporta lill-Isqof fi żmien xahrejn.