Nirċievu u nagħtu l-maħfra (Ċirkulari 5/2008)

armaisqofcirkulari.jpgĊirkulari 5/2008
English Version here

MARIO GRECH
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Nirċievu u nagħtu l-maħfra

Għeżież Ħuti fi Kristu,

Fil-bidu tar-Randan li għadda staqsejtkom xi tridu u x’qegħdin tfittxu fil-ħajja; ħeġġiġtkom biex tħallu l-Kelma t’Alla tkellimkom u ddawwalkom fuq dak li jiġri madwarna u ġo fina biex tiskopru x’qed tistennew mill-ħajja. Issa li qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Mulej, xi tweġiba rnexxilkom issibu għal dawn il-mistoqsijiet?

L-Evanġelju li tħabbrilna dalgħodu (Ġw 20,19-31) jgħidilna li d-dixxipli wkoll kellhom bħal dawn il-mistoqsijiet f’qalbhom. Il-fatt li “kienu mbeżżgħa mil-Lhud bil-bibien magħluqa” (Ġw 20,19) jindika li kienu għadhom ma jafux x’qed jistennew mill-ħajja. Imma mbagħad Ġesù Rxoxt ġie f’nofshom u wriehom il-pjagi ta’ jdejh u ta’ ġenbu, jiġifieri s-sinjali tal-passjoni doloruża li ħalliet dawn il-marki fil-ġisem tiegħu anke wara l-Qawmien. Dawk l-istess pjagi glorjużi li tmint’ijiem wara Ġesù stieden lil Tumas biex iqiegħed subgħajh fuqhom, juru l-Ħniena Divina li llum qegħdin nagħmlulha festa.

Santa Fawstina tikteb fid-djarju tagħha li darba Ġesù qalilha li “l-bnedmin ma jsibux paċi qabel ma jduru b’fiduċja lejn il-Ħniena Divina” (n.132). Dan seħħ lid-dixxipli li, wara li kellhom din id-dehra tal-Ħniena Divina, rebħu l-biża’ u sabu motiv qawwi biex jgħixu l-ħajja fil-milja tagħha. Dan huwa li għandu bżonn il-bniedem tal-lum: illi, mgħobbi b’piżijiet materjali, morali u spiritwali, jagħraf jikkontempla l-Ħniena Divina biex fiha jsib l-għajnuna u l-motivi biex jgħix fil-paċi miegħu nnifsu, ma’ Alla u ma’ l-oħrajn.

Ġesù mhux biss jirrivela lid-dixxipli l-ħniena tiegħu bla tarf, imma jagħmilhom “ministri tal-Ħniena Divina”. Infatti jgħidilhom: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” (Ġw 20,21-23)

Il-maħfra tad-dnubiet hija espressjoni qawwija ta’ kif il-bniedem jagħmel esperjenza tal-ħniena t’Alla. Min minna huwa bla dnub? Jew min fostna huwa daqshekk perfett li ma jistax jiżbalja? Kif jikteb Missierna San Pawl: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja”. (Rum 5,20) Għax jekk id-dgħjufija umana taf tfixkilna u tagħmel il-ħsara, Alla, li jara l-qalb niedma u sinċiera tal-bniedem (ara Salm 51,8.19), aktar isawwab imħabbtu fuq dik il-persuna. Huwa fatt li aħna dak li aħna mhux bil-ħila tagħna nfusna, imma bil-qawwa tal-grazzja t’Alla! It-tabib ma jeħtieġuhx dawk li huma b’saħħithom, imma l-morda. (ara Mt 9,12-13)

Aħna mhux biss nirċievu din il-maħfra, imma bħala “ministri tal-Ħniena Divina” aħna fid-dmir li noffru din il-maħfra lil ħaddieħor.

Il-maħfra mhix l-uniku mod kif nistgħu nwettqu dan il-ministeru tal-Ħniena Divina. L-imħabba li ssir servizz ta’ qadi lejn il-bniedem fil-bżonn hi espressjoni ta’ din il-Ħniena Divina. Għalhekk huwa dmir tagħna li nsostnu dawk il-ħidmiet pastorali favur il-foqra u l-batuti ta’ żmienna. Fost dawn hemm it-tfal bla familja jew li għandhom xi problema, bħal dawk li l-Knisja tilqa’ fid-Djar tat-Tfal immexxija minnha; hemm il-persuni b’diżabilità; hemm il-vittmi tad-droga u tax-xorb; hemm l-anzjani, speċjalment dawk minsija mill-familji tagħhom. Dawn l-opri tal-ħniena huma teżor għall-Knisja tagħna, għax joffrulna l-okkażjoni biex nuru ħniena ma’ min huwa fil-bżonn. Dawk kollha, saċerdoti, sorijiet u lajċi fil-Knisja lokali, li direttament jew indirettament qed jikkontribwixxu f’dan il-qasam tal-karità, jistħoqqilhom kliem ta’ apprezzament u kull sapport.

F’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-festa ta’ Pentekoste, li ġġib fi tmiem il-mixja ta’ l-Għid, inħeġġiġkom titolbu lill-Ispirtu s-Santu jieqaf mal-Knisja f’Għawdex biex ma tibżax issejjaħ fuqha l-Ħniena Divina u tkun hija stess ministru u xhud ta’ din il-ħniena.

Nitlob fuqkom il-barka u l-ħniena infinita ta’ Alla.

Mogħtija mill-Kurja ta’ l-Isqof, illum, it-Tlieta ta’ l-Ottava ta’ l-Għid, 25 ta’ Marzu 2008.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+Mario Grech
Isqof għall-qadi tagħkom