Archive for July, 2003

Ċirkulari 426/2003 (24 ta’ Lulju 2003)

Nru. 426/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Sa miż-żminijiet ta’ l-ewwel sekli tagħha, l-Knisja ta’ Kristu kellha qima u venerazzjoni għar-relikwiji jew fdalijiet tal-martri u tal-qaddisin l-oħra.   Din it-tradizzjoni antika ta’ l-insara għadha ħajja sal-ġurnata ta’ llum, hekk li l-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija, Sacrosanctum Concilium (num. 111) tgħidilna li: “Il-Knisja skond it-tradizzjoni tagħha tivvenera l-qaddisin u tati ġiegħ lir-relikwiji awtentiċi tagħhom.”

F’dawn il-ġranet, il-għejjer ta’ Malta u Għawdex għandhom ix-xorti u l-grazzja kbira li qegħdin jivveneraw u jgawdu fosthom l-urna bir-relikwiji ta’ Saanta Tereżina tal-Bambin Ġesù, li ġiet iżurna kif żaret diġa pajjiżi oħra.

Santa Tereżina hija qaddisa popolari ħafna li għaġbet lil ħafna nies, mhux biss kattoliċi, imma wkoll ta’ reliġjonijiet oħra, bis-sempliċita ta’ ruħha u bil-qdusija straordinarja tagħha. Hija twieldet fit-2 ta’ Jannar 1873.  Fi ċkunitha wriet intelliġenza straordinarja u devozzjoni ħerqana lejn Sidn a Ġesù Kristu u l-Imqaddsa Verġni Marija.  Ta’ ħmistax il-sena, ipprovat tidħol soru Karmelitana fil-Kunvent ta’ Lisieux, iżda fil-bidu ġie miċħud lilha l-permess ta’ l-Isqof, sakemm irnexxilha taqta xewqitha u daħlet novizza fid-9 t’April 1889.  Fil-kunvent hija ġiet mogħtija diversi impenji fosthomġ xogħol fil-kamra tal-ħwejjeġ, assistenta fis-sagristija u iktar tard dik li tgħin fil-formazzjoni tan-novizzi bħala assistenta tal-Maestra tan-Novizzi. Fuq parir tas-superjuri kitbet l-awtobijografija tagħha. Hija għexet u għallmet “It-Triq iż-żgħira tal-Qdusija” li tikkonsisti fil-fiduċja bla qies f’Alla li għandna nħarsu lejh kif it-tfal Iż-żgħar, iħarsu lejn missierhom.  Mietet fit-30 ta’ Settembru 1897 u ġiet dikjarata beata fid-29 ta’ Marzu 1923 u kanonizzata fis-17 ta’ Mejju 1925 mill-Papa Piju XI.

Għad li fl-omelija tal-Quddiesa ser jingħata iktar tagħlim dwar il-virtujiet tagħha, nixtieq li nieħu din l-okkażjoni ta’ żjara tar-relikwiji ta’ S. Tereża biex nagħmel din ir-riflessjoni żgħira.

Santa Tereża mill-għeluq tal-kunvent tal-klawsura, kellha viżjoni ċara tal-Knisja Universali hekk li ħabbet il-missjonijiet  u habirket għalihom bit-talb tagħha bla ma jaqta u saret il-Patruna tal-Missjoniġ m’għandna qatt inħallu li l-ambjent limitat fejn inkunu, jfixkilna milli naraw il-Knisja ta’ Kristu fl-universalità tagħha, imma bħala wlied għeżież tagħha, għandna nissieħbu fil-ferħ u fin-niket li hija tgħaddi minnhom, u nagħtu l-appoġġ tagħna.

Jalla li fl-okkażjoni taż-żjara ta’ din l-urna ta’ Santa Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, niddeċiedu li nieħdu bis-serjetà u bil-maturità, l-impenji li għandna bħala membri u wlied il-Knisja ta’ Kristu.

Bl-interċessjoni ta’ Santa tereża tal-bambin Ġesù jagħtikom il-Mulej il-barka Tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 24 ta’ Lulju 2003
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 425/2003 (15 ta’ Lulju 2003)

Nru. 425/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Qegħdin ninnotaw, b’dispjaċir tagħna u speċjalment meta nkunu fix-xhur ta’ sħana, xi wħud mill-insara li jifrekwentaw il-knejjes tagħna jippretendu li jitħallew jidħlu fihom lebsin kif ġie ġie u xi drabi bi ħwejjeġ li ma humiex deċenti biżżejjed għal min ikun fit-triq, aħseb u ara għal dawk li jidħlu fid-dar ta’ Alla.

Ħafna drabi fl-imgħoddi, l-insara tad-djoċesi tagħna ġew imwissija sabiex jevitaw dan in-nuqqas ta’ rispett lejn il-lok imqaddes fejn Kristu jinsab preżenti fl-Ewkaristija.  Iżda jidher li l-moda qegħda ssir dejjem iktar arroganti, fil-waqt li qiegħed jonqos dejjem iżjed is-sens ta’ deċenza.

B’mod partikolari din l-indeċenza ta’ lbies fil-knejjes, qegħda tidher u tinħass fil-festi titulari tal-parroċċi, meta ħafna nies anki minn parroċċi oħra u forsi wkoll barranin, iżuru l-knejjes tagħna, kif ukoll fl-okkażjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Ewwel Tqarbina, tal-Griżma ta’ l-Isqof u taż-}wieġ.  Biżżejjed insemmu ċerti lbiesi trasparenti jew imqaċċtin iżżejjed li jkollhom fuqhom xi wħud mit-tfal, mill-ġenituri tagħhom, mill-parrinijiet kif ukoll xi wħud mill-mistiednin. Xi drabi anki l-libsa tat-tieġ ma tkunx tixraq xejn għall-knisja fejn jiġi ċċelebrat it-tieġ u għal min għandu sens nisrani ta’ modestja.

Nixtieq li f’dan l-appell tiegħi, nindirizza l-ewwelnett lill-membri tal-Għaqdiet Kattoliċi sabiex jagħtu dejjem eżempju tajjeb ta’ deċenza fl-ilbies, kullimkien imma b’mod speċjali fil-knisja.

Nixtieq wkoll li dawk li jkunu sejrin jirċievu s-Sagramenti li semmejna, jiġu mwissija fil-ħin, sabiex jiħqu jippreparaw ilbiesi li huma xierqa biżżejjed għall-knisja u għas-Sagrament li jkunu ser jieħdu jew jassistu għaċ-ċelebrazzjoni tiegħu.

Infakkar lill-Kappillani, lir-Retturi u lil dawk kollha li għandhom xi responsabiltà ta’ xi knisja jew kappella, li barra milli jwaħħlu f’postijiet fejn jidhru ħdejn il-bibien tal-knisja l-posters  dwar  id-deċenza,  bil-prudenza,  bil-kalma  u   bir-rispett   u   l-imħabba,   jipprovaw

jedukaw lill-insara, f’dan id-dmir tagħhom li fil-knisja mhux biss iġibu ruħhom sewwa, imma wkoll li jmorru lebsin kif jixraq. Waħda mir-riżoluzzjonjijiet tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan tgħid: “Il-Fidi fl-Ewkaristija tintwera wkoll mill-mod li bih l-insara jġibu ruħhom fil-knisja u mill-ilbies li jġibu fuqhom.  Huwa meħtieġ għalhekk illi wieħed jinsisti fuq id-deċenza ta’ l-ilbies u l-imġieba tajba”(III,1ġ Tifkira tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan. Għawdex 13-21 ta’ Novembru 1999, paġna 59).

Din l-attenzjoni biex fil-postijiet sagri jintwera rispett fl-imġieba u fl-ilbies, ma hiex missjoni tal-Kappillani u tar-Retturi biss, iżda l-insara kollha li jħobbu l-knejjes fejn imorru u jixtiequ li jinżammu b’mod dekoruz, għandhom jħossu d-dmir li jgħidu kelma ta’ korrezzjoni f’waqtha u bl-ikbar rispett lil dawk li jkunu ser jidħlu fil-knisja, mingħajr ilbies xieraq.

Bl-interċessjoni ta’ Marija Verġni, Omm l-iktar safja tagħna, jagħtikom il-Mulej il-barka u l-paċi Tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 15 ta’ Lulju 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 424/2003 (5 ta’ Lulju 2003)

Nru. 424/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-sena qegħdin niċċelebraw is-sbatax il-ċentinarju tal-mewt glorjuża ta’ San Ġorġ martri, u b’hekk qegħdin nimitaw lill-missirijietna li mitt sena ilu, fl-l903 fakkru wkoll din il-ġrajja b’festi kbar li nżammu fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, fil-Belt Vittorja, f’għeluq is-sittax il-mitt sena mill-martirju ta’ dan il-kbir qaddis, li l-qofol tagħhom intlaħaq b’purċissjoni fil-10 ta’ Mejju ta’ l-istess sena. Għal dik l-okkażjoni il-predeċessur tiegħi, Mons Giovanni Marija Camilleri O.S.A. kien ippublika ittra pastorali li fiha fost ħwejjeġ oħra kien kiteb: “ L-isem ta’ Ġorġi għandu jkun fil-menti tagħkom biex tiftakru dejjem fih, fuq ilsienkom biex tfaħħruh, f’qalbkom biex tħobbuh. u li tħobbuħ tassew, uruħ issa f’din l-okkazjoni tal-festa tiegħu centenarja.” Jiena ukoll bħal predeċessur tiegħi, f’din l-okkażjoni nħeġġiġkom biex tħobbu lil San Ġorġ u tagħtuh qima minn qalbkom, tagħrfu aħjar il-kobor tal-qdusija u n-nobiltà ta’ San Ġorġ, tagħtuh qima minn qalbkom, u tgħożżu iktar il-valur tal-martirju li huwa marbut hekk mill-qrib ma’ l-istorja tal-Knisja.

Il-martri u l-persekuzzjoni

Il-persekuzzjoni hija esperjenza li ġarrbuha u kienu vittmi tagħha, mhux biss individwi, iżda wkoll kommunitajiet sħaħ. Hekk per eżempju, kif insibu fir-Rabta l-Qadima, kienu ippersegwitati, mhux biss persuni bħal Profeti Ġeremija, u Amos u l-aħwa Makkabej, iżda wkoll il-poplu t’Alla, kollu kemm hu, mill-eżilju fl-Eġittu sal-ħakma tar-Rumani.

Kristu wkoll għadda mill-persekuzzjoni u l-Lhud li ħabirku biex jarawh imdendel mas-salib, urew li huma tabilħaqq wlied missirijiethom, li qatlu l-profeti, kif qalilhom Kristu stess: “weħidkom tagħtu xhieda li intom ulied il-qattiela tal-profeti! Mela issa komplu sa l-aħħar dak li bdew missirijietkom” (Mt. 23, 3l).

Ġesù ħabbar ukoll li l-persekuzzjoni kellha tkun ix-xorti ta’ dawk li jimxu warajh: ”Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li qabel bagħdet lili… Jekk ghamlu għalija, jagħmlu għalikom ukoll“ (Gw. l5,l8 - 20). Imma Ġesù lil min hu segwaċi tiegħu jagħmillu l-kuraġġ u jgħidlu: “La tibżax minn dak li għandek tbati… }omm sħiħ sal-mewt u nagħtik il-koruna tal-ħajja.“ (Apok. 2. l0)

Hafna drabi l-persekuzzjoni kontra r-Religjon Nisranija kienet gejja mill-awtoritajiet ta’ l-Istat, izda, l-persekuzzjoni hija fenomenu li jista’ jkollu iktar minn kawża waħda, u tista’ isseħħ b’modi differenti. Xi drabi wkoll il-persekuzzjoni tkun l-effett tal-vjolenza tal-folla mgħaddba u rvellata, imma dejjem hija għemil li direttament jew indirettament ikun legalizzat jew ghall-inqas tollerat.

Il-martri, li biċ-ċarċir ta’ demmhom taw xhieda tal-Fidi nisranija huma l-vittmi qalbiena tal-persekuzzjonijiet, li fihom twettqu għemejjel ta’ l-ikbar ħruxija. Baqgħu msemmija fl-istorja (tal-Knisja) l-persekuzzjonijiet imqanqla u ordnati mill-imperaturi ta’ Ruma, u li seħħu f’xi reġjun jew ieħor ta’ l-imperu taghhom. L-ewwel imperatur Ruman, awtur tal-persekuzzjoni kontra l-insara kien Neruni (A.D. 54-68) li waħħal fl-insara li kienu hatja ta’ l-inċendju li fis-sena 64, qered parti kbira tal-belt.

Mill-250 sal 251, is-sena tal-mewt tiegħu, l-imperatur Deċju, nieda persekuzzjoni sistematika kontra l-insara fit-territorju kollu ta’ l-imperu. Fit-tielet seklu, kien hemm persekuzzjoni oħra terribbli li kienet dik ta Valerjanu (257–259) li fiha ġie maqtul Ċiprijanu ta’ Kartaġni.

Fil-bidu tas-seklu erba’, Djoklezjanu beda dik li tissejjah “il-persekuzzjoni l-kbira“ kemm minħabba t-tul tagħha, għaliex damet sejra sentejn, u kemm minħabba l-għadd kbir ta’ vittmi li ħalliet warajjha. Hekk, fil-bidu tar-raba seklu, taht l-imperaturi Djoklezjanu u Galerju, seħħ l-aħħar sforz iddisprat magħmul f’isem l-Imperu Ruman u bis-setgħa tiegħu biex jeqred ir-reliġjon tan-Nazarenu. Iżda Galerju, ċeda din il-kampanja kontra l-Kristjanezmu bl’editt ta’ Tolleranza ppublikat fis-sena 3ll, u sentejn wara, Kostantinu l-Kbir u Liċinju, ippublikaw l’Editt ta’ Milan li bih taw il-libertà u l-paċi lill-Knisja. San Ġorġ Martri kien ukoll vittma ta’ din il-persekuzzjoni l-kbira għaliex fiha rebaħ il-palma glorjuża tal-martirju.

L-Isqof Camilleri fiċ-ċentinarju ta’ mitt sena ilu, kien stieden lill-Għawdxin kollha, sabiex jirrikorru għand San Ġorġ martri, Protettur tagħna, u fuq kollox jitolbuh li jsaħħah twemminna u jagħmilna insara aħjar.

“Wara Marija, Sultana tad-Djoċesi kollha, Ġorġi jħares il-fidi tagħna, dik il-fidi li ġabilna Pawlu Missierna, billi jikkonservaha fina, safja u bla tebgħa, u mal-fidi jħares ukoll u jmexxi l-interessi tagħna kollha tar-ruħ u tal-ġisem, u tas-soċjetà, billi jfittex dejjem il-ġid u l-hena tagħna pubblika u privat.”

San Ġorġ jgħallimna nħarsu l-Fidi tagħna

Biex iħares sa l-aħħar il-fidi tiegħu San Ġorġ kellu jġarrab persekuzzjoni ħarxa u fl-aħħar jinkuruna ħajjtu bil-martirju għall-imħabba ta’ Kristu. Anki fi żminijietna, biex ngħixu ta’ nsara u ma nitradixxux il-fidi tagħna, jeħtieġ li nibqgħu sodi u ma nċedux għat-tentazzjonijiet u l-ħajriet li bihom id-dinja moderna tipprova tiġbidna lejjha. Aħna ma għandniex inħabbtu wiċċna, mal-persekuzzjonijiet tal-Imperaturi Rumani, kif kellhom l-insara ta’ l-ewwel sekli u fosthom minn ta’ quddiem San Ġorġ martri, iżda għandna quddiemna sfidi, xejn inqas perikolusi, u forsi wkoll li jistgħu iktar faċilment iqarrqu bina. Il-għatx għall-pjaċiri tal-ġisem u l-kilba għall-ġid tad-dinja, qegħdin iħassru ħafna qlub u jagħmluhom hekk xierfa li ma jħossux iżjed ix-xewqa għal dak kollu li huwa sabiħ , qaddis u tajjeb għax ġej minn Alla. Dan l-għatx għall-pjaċiri, anke akkost li jinkisbu bi ksur tal-Liġi t’Alla u r-rebgħa għall-qliegħ, mingħajr rispett lejn in-normi tal-ġustizzja u tal-karità, huma, l-mardiet morali, li minħabba fihom qegħdin naraw tant konsegwenzi diżastrusi fil-ħajja tal-individwi, tal-familji u tas-soċjetà kolha kemm hi. San Ġorġ u l-martri sħabu, kif ukoll il-martri ta’ kull żmien irnexxilhom bil-għajnuna t’Alla jżommu bogħod minnhom dan il-mard morali, u jgħożżu s-safa ta’ ħajja nisrani u ta’ qalb li mhix imdallma bid-dħaħen tal-vizzji iżda miftuha dejjem għall-Alla, u għall-ispirazzjonijiet tiegħu.

Aħna nilmentaw ta’ spiss li naqqsu l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi u li ftit huma ż-żgħażagħ li lesti jimpenjaw ruħhom għall-ħajjitom kollha biex jgħixu esklusivament għas-servizz ta’ Allaġ iżda kif jista’ l-bniedem jasal għall-deċiżjoni hekk ġeneruza meta qalbu qiegħda fil-għama, u mxikkla bl-ilġiem tal-interEssi materjali? Nilmentaw b’dispjaċir tagħna, li qiegħed jikber il-għadd tal-familji li qegħdin jitfarrku, u li xi koppji qegħdin isibuha dejjem iktar diffiċli li jħarsu l-wegħdiet ta’ mħabba dejjiema u ta’ fedeltà li huma għamlu lil xulxin quddiem Alla u quddiem is-soċjetàġ iżda għax għandna nistagħġbu b’dan, meta nafu li l-familji huma ibbumbardati mill-mass-media bi stejjer ta’ infedeltà, ta’ divorzji, u ta’ kapriċċi fil-ħajja miżżewġa li huma ‘l bogħod għal kollox mill-pjan li kellu Alla meta ħalaq il-familja tal-bnedmin? Nitkażaw, meta nilmhu ċerti inġustizzi u abbużi oħra li nosservaw fis-soċjetà tagħna li aħna niftaħru li hija soċjetà nisranijaġ iżda, kif jista’ jkun xort’oħra, jekk il-fidi birdiet, u l-moralità pubblika, mhix rispettata kif imiss?

Din hija l-lezzjoni li jagħtuna l-martri, li għandna nżommu ħajja l-fidi nisranija tagħna, u nistqarruha mhux biss bil-kliem imma bil-ħajja onesta tagħna, kollha kemm hi. Dan hu l-messaġġ li jwasslilna San Ġorġ, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-mewt glorjuża tiegħu. Il-fidi u l-ħajja nisranija huma bhal dik il-ġawhra prezzjuza, li jsemmilna Kristu, fil-vanġelu tiegħu: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed neguzjant, ifittex ġawhar sabiħ. Malli sab waħda li tiswa ħafna, mar biejħ kulma ma kellu u xtraha” (Mt. 13,45-46). Għall-fidi u l-ħajja nisranija għandna nissagrifikaw kollox, basta niksbu lilhom. Xejn u ħadd ma għandu jfixkilna mill-imħabba ta’ Kristu, l-anqas l-iskandli tad-dinja, u ż-żeblieh ta’ dawk li forsi jaħsbu li ser iwaqqgħuna għaċ-ċajt, għax ma jifhmu xejn mill-ideali tagħna. Din hija l-virtu` tal-qawwa nisranija, li hija meħtieġa fil-ħajja moderna, xejn inqas milli kienet meħtieġa fi żmien il-martri tal-ewwel sekli.

Ftit ġranet oħra ser ikollna fostna ir-relikwija insinji ta’ dan il-qaddis, u b’digriet tal- Penitenzjerija tad-9 ta’ Ġunju 2003, tista’ tinkiseb Indulġenza Plenarja, minn min iweġġagħ din ir-relikwija. Iktar il-quddiem ikun magħarraf liema funzjonijjiet ser jinżammu fl-okkażjoni għaż-żjara ta’ din ir-relikwija, liema kundizzjonijiet huma meħtieġa biex jintrebhu l-indulġenzi, u xi dettalji oħra li għandhom x’jaqsmu maċ-ċentinarju.

Bl-intercessjoni tal-Protettur qawwi tagħna San Ġorġ Megalomartri, nitolbu lil Alla, jżommna dejjem fi ħdan il-Knisja Mqaddsa li hija il-kommunità ta’ mħabba li Kristu Ibnu, waqqaf ghall-fidwa tagħna, jħarsilna l-fidi tagħna, akkost ta’ kull sagrifiċċju u kull persekuzzjoni, u jgħinna biex ħajjitna, tkun mimlija bil-frott ta’ kull opra tajba.

B’fiduċja fil-protezzjoni ta’ San Ġorġ martri, b’mod speċjali fuq iż-żgħażagħ u l-familji tagħna, nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej.

Il-Paċi ta’ Kristu Sultan tal-Martri timlà l-qlubkom bil-qawwa ta’ dawk il-martri li xerdu demmhom għalih.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   5 ta’ Lulju 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 349 - Lulju 2003

Nru. 349

LULJU 2003

Wieħed awtur darba qal li “Fis-seklu dsatax il-Knisja tilfet il-ħaddiema, fis-seklu għoxrin tilfet l-intellettwali.” Dan il-ġudizzju żgur li mhux imbiegħed ħafna mill-verità oġġettiva, għad li f’pajjiżna din l-apostasija tal-klassi tal-ħaddiema u ta’ l-intelligentia, ma nħassitx hekk bil-qawwi kif inħasset f’pajjiżi oħra kattoliċi ta’ l-Ewropa. Madanakollu, kemm fost il-ħaddiema, kif ukoll fost l-intelletwali hemm min għandu ċerti preġudizzi kontra l-Kleru; hemm ukoll min ma jħoss li għandu ebda rabta mal-Knisja, ħlief forsi f’ċerti aspetti li huma marġinali ħafna.

Huma x’inhuma l-fatti, anke jekk mhux kollox ward u żahar, kemm l-ħaddiema u kemm l-intelletwali għandhom ikunu fil-mira tal-ħidma pastorali tagħha u ta’ l-impenn saċerdotali li janimana.

Aħna s-servizzi tagħna noffruhom lil kulħadd, mingħajr preferenzi u mingħajr ma neskludu lil ħadd. Hekk per eżempju, fil-Liturġija tas-Siegħat nitolbu għal kulħadd, inqaddsu għal dawk kollha li għadhom jiġu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, namministraw is-Sagramenti, mingħajr ma nħarsu lejn distinzjoni ta’ klassi jew ta’ kundizzjoni soċjali. Madanakollu naħseb li taqblu miegħi li kemm il-ħaddiema, kif ukoll l-intellettwali għandhom ikollhom post speċjali fil-karità pastorali tagħna, għandna nħossuna onorati meta tiġina l-okkażjoni li nagħmlu kuntatt magħhom u li noffrulhom is-servizzi tagħna. Ma ninsewx li fis-soċjetà huma l-elementi l-iktar attivi, kemm il-ħaddiema għax minnhom tiddependi fuq kollox l-ekonomija tal-pajjiż, kif ukoll l-intellettwali għaliex huma li jidderiġu s-soċjetà u jfasslu l-ġejjieni ta’ pajjiżna.

In konnessjoni mal-ħaddiema, kemm manwali kif ukoll klerikali, kemm fl-industrija kif ukoll fil-biedja, kont ktibt fit-tul fil-pastorali tiegħi Il-Knisja u n-nies tax-Xogħol tas-17 ta’ Frar 1980 u fost l-oħrajn għamilt dawn ir-rimarki: “Id-dmir li l-Knisja tkun preżenti fost il-ħaddiema, li tagħraf u tifhem il-problemi tagħhom, il-Knisja tħossu bħala dmir l-iktar importanti u urġenti. L-ewwelnett għaliex hija rċeviet minn għand Kristu l-ordni li twassal il-messaġġ Tiegħu lill-bnedmin ta’ kull kundizzjoni fil-ħajja, inklużi l-ħaddiema: “Morru fid-dinja kolha xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu”(Mk.16,15). Issa biex isalva l-umanità, Kristu nkarna, jiġifieri ħa l-ġisem u sar wieħed minna l-bnedmin, “kollox bħalna minbarra d-dnub”(Lhud 4,15). Hekk ukoll il-Knisja li tkompli l-missjoni Tiegħu jeħtieġ li bħalu tgħaddi minn dan il-proċess ta’ inkarnazzjoni billi titħallat mal-bnedmin ta’ kull żmien u ta’ kull art li tkun qegħda tevanġelizza, tkellimhom bil-lingwaġġ tagħhom, taċċetta fehmiethom, drawwiethom u

l-elementi l-oħra tal-kultura tagħhom, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-qdusija, li tagħha l-Knisja għandha tagħti xhieda fid-dinja. Il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni fost il-ħaddiema, għalhekk titlob mhux biss li ma jkunx hemm firda bejniethom u l-Knisja, iżda wkoll li l-Knisja taqsam man-nies tax-xogħol, il-ferħ u n-niket, it-tama u l-biża ta’ ħajjithom. Barra minn hekk, il-Knisja tħoss il-ħtieġa li tkun preżenti fost il-ħaddiema għax hija tqishom bħala wliedha; xi wħud qrib ħafna lejha, oħrajn forsi xi ftit imbegħdin minnha; iżda kollha wliedha u bħala tali għandhom il-jedd għall-attenzjoni, għall-imħabba u għas-solidarjetà tagħha”(ara Il-Kelma tar-Ragħaj, vol. III, paġ. 87-88).

Rigward l-intellettwali, naħseb li rridu noqogħdu iktar attenti biex niskopru x’qegħdin jistennew minn għandna. Il-formazzjoni saċerdotali kif issir fiż-żminijietna, anki bl-istudji li jagħmlu s-saċerdoti l-ġodda f’universitajiet barra mill-pajjiż, il-Kleru tagħna għandu livell ta’ kultura suffiċjenti biex jista’ jiddjaloga anki ma’ professjonisti u nies ta’ kultura profana. Madanakollu ma tantx inħallu impressjoni tajba bi priedki ta’ nofs kedda, għalhekk qatt ma huwa żejjed li l-omeliji, it-taħdidiet tagħna u l-interventi fuq il-“mass-media”, inħejjuhom mill-aħjar li nistgħu.

Ma ninsewx fl-aħħarnett li għadd sabiħ ta’ żgħażagħ tagħna jiffrekwentaw l-università u jagħmlu korsijiet ta’ edukazzjoni terzjarja. Da parti tagħna, jeħtieġ li jkollna mpenn speċjali rigward iż-żgħażagħ universitarji tagħna. Xi ftit minnhom huma membri tal-Għaqdiet Kattoliċi, iżda kemm dawn kif ukoll dawk li m’humiex membri tal-Għaqdiet Kattoliċi jeħtieġ li nieħdu ħsiebhom u noffrulhomk is-servizzi tagħna.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex