Ċirkulari 424/2003 (5 ta’ Lulju 2003)

Nru. 424/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-sena qegħdin niċċelebraw is-sbatax il-ċentinarju tal-mewt glorjuża ta’ San Ġorġ martri, u b’hekk qegħdin nimitaw lill-missirijietna li mitt sena ilu, fl-l903 fakkru wkoll din il-ġrajja b’festi kbar li nżammu fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, fil-Belt Vittorja, f’għeluq is-sittax il-mitt sena mill-martirju ta’ dan il-kbir qaddis, li l-qofol tagħhom intlaħaq b’purċissjoni fil-10 ta’ Mejju ta’ l-istess sena. Għal dik l-okkażjoni il-predeċessur tiegħi, Mons Giovanni Marija Camilleri O.S.A. kien ippublika ittra pastorali li fiha fost ħwejjeġ oħra kien kiteb: “ L-isem ta’ Ġorġi għandu jkun fil-menti tagħkom biex tiftakru dejjem fih, fuq ilsienkom biex tfaħħruh, f’qalbkom biex tħobbuh. u li tħobbuħ tassew, uruħ issa f’din l-okkazjoni tal-festa tiegħu centenarja.” Jiena ukoll bħal predeċessur tiegħi, f’din l-okkażjoni nħeġġiġkom biex tħobbu lil San Ġorġ u tagħtuh qima minn qalbkom, tagħrfu aħjar il-kobor tal-qdusija u n-nobiltà ta’ San Ġorġ, tagħtuh qima minn qalbkom, u tgħożżu iktar il-valur tal-martirju li huwa marbut hekk mill-qrib ma’ l-istorja tal-Knisja.

Il-martri u l-persekuzzjoni

Il-persekuzzjoni hija esperjenza li ġarrbuha u kienu vittmi tagħha, mhux biss individwi, iżda wkoll kommunitajiet sħaħ. Hekk per eżempju, kif insibu fir-Rabta l-Qadima, kienu ippersegwitati, mhux biss persuni bħal Profeti Ġeremija, u Amos u l-aħwa Makkabej, iżda wkoll il-poplu t’Alla, kollu kemm hu, mill-eżilju fl-Eġittu sal-ħakma tar-Rumani.

Kristu wkoll għadda mill-persekuzzjoni u l-Lhud li ħabirku biex jarawh imdendel mas-salib, urew li huma tabilħaqq wlied missirijiethom, li qatlu l-profeti, kif qalilhom Kristu stess: “weħidkom tagħtu xhieda li intom ulied il-qattiela tal-profeti! Mela issa komplu sa l-aħħar dak li bdew missirijietkom” (Mt. 23, 3l).

Ġesù ħabbar ukoll li l-persekuzzjoni kellha tkun ix-xorti ta’ dawk li jimxu warajh: ”Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li qabel bagħdet lili… Jekk ghamlu għalija, jagħmlu għalikom ukoll“ (Gw. l5,l8 - 20). Imma Ġesù lil min hu segwaċi tiegħu jagħmillu l-kuraġġ u jgħidlu: “La tibżax minn dak li għandek tbati… }omm sħiħ sal-mewt u nagħtik il-koruna tal-ħajja.“ (Apok. 2. l0)

Hafna drabi l-persekuzzjoni kontra r-Religjon Nisranija kienet gejja mill-awtoritajiet ta’ l-Istat, izda, l-persekuzzjoni hija fenomenu li jista’ jkollu iktar minn kawża waħda, u tista’ isseħħ b’modi differenti. Xi drabi wkoll il-persekuzzjoni tkun l-effett tal-vjolenza tal-folla mgħaddba u rvellata, imma dejjem hija għemil li direttament jew indirettament ikun legalizzat jew ghall-inqas tollerat.

Il-martri, li biċ-ċarċir ta’ demmhom taw xhieda tal-Fidi nisranija huma l-vittmi qalbiena tal-persekuzzjonijiet, li fihom twettqu għemejjel ta’ l-ikbar ħruxija. Baqgħu msemmija fl-istorja (tal-Knisja) l-persekuzzjonijiet imqanqla u ordnati mill-imperaturi ta’ Ruma, u li seħħu f’xi reġjun jew ieħor ta’ l-imperu taghhom. L-ewwel imperatur Ruman, awtur tal-persekuzzjoni kontra l-insara kien Neruni (A.D. 54-68) li waħħal fl-insara li kienu hatja ta’ l-inċendju li fis-sena 64, qered parti kbira tal-belt.

Mill-250 sal 251, is-sena tal-mewt tiegħu, l-imperatur Deċju, nieda persekuzzjoni sistematika kontra l-insara fit-territorju kollu ta’ l-imperu. Fit-tielet seklu, kien hemm persekuzzjoni oħra terribbli li kienet dik ta Valerjanu (257–259) li fiha ġie maqtul Ċiprijanu ta’ Kartaġni.

Fil-bidu tas-seklu erba’, Djoklezjanu beda dik li tissejjah “il-persekuzzjoni l-kbira“ kemm minħabba t-tul tagħha, għaliex damet sejra sentejn, u kemm minħabba l-għadd kbir ta’ vittmi li ħalliet warajjha. Hekk, fil-bidu tar-raba seklu, taht l-imperaturi Djoklezjanu u Galerju, seħħ l-aħħar sforz iddisprat magħmul f’isem l-Imperu Ruman u bis-setgħa tiegħu biex jeqred ir-reliġjon tan-Nazarenu. Iżda Galerju, ċeda din il-kampanja kontra l-Kristjanezmu bl’editt ta’ Tolleranza ppublikat fis-sena 3ll, u sentejn wara, Kostantinu l-Kbir u Liċinju, ippublikaw l’Editt ta’ Milan li bih taw il-libertà u l-paċi lill-Knisja. San Ġorġ Martri kien ukoll vittma ta’ din il-persekuzzjoni l-kbira għaliex fiha rebaħ il-palma glorjuża tal-martirju.

L-Isqof Camilleri fiċ-ċentinarju ta’ mitt sena ilu, kien stieden lill-Għawdxin kollha, sabiex jirrikorru għand San Ġorġ martri, Protettur tagħna, u fuq kollox jitolbuh li jsaħħah twemminna u jagħmilna insara aħjar.

“Wara Marija, Sultana tad-Djoċesi kollha, Ġorġi jħares il-fidi tagħna, dik il-fidi li ġabilna Pawlu Missierna, billi jikkonservaha fina, safja u bla tebgħa, u mal-fidi jħares ukoll u jmexxi l-interessi tagħna kollha tar-ruħ u tal-ġisem, u tas-soċjetà, billi jfittex dejjem il-ġid u l-hena tagħna pubblika u privat.”

San Ġorġ jgħallimna nħarsu l-Fidi tagħna

Biex iħares sa l-aħħar il-fidi tiegħu San Ġorġ kellu jġarrab persekuzzjoni ħarxa u fl-aħħar jinkuruna ħajjtu bil-martirju għall-imħabba ta’ Kristu. Anki fi żminijietna, biex ngħixu ta’ nsara u ma nitradixxux il-fidi tagħna, jeħtieġ li nibqgħu sodi u ma nċedux għat-tentazzjonijiet u l-ħajriet li bihom id-dinja moderna tipprova tiġbidna lejjha. Aħna ma għandniex inħabbtu wiċċna, mal-persekuzzjonijiet tal-Imperaturi Rumani, kif kellhom l-insara ta’ l-ewwel sekli u fosthom minn ta’ quddiem San Ġorġ martri, iżda għandna quddiemna sfidi, xejn inqas perikolusi, u forsi wkoll li jistgħu iktar faċilment iqarrqu bina. Il-għatx għall-pjaċiri tal-ġisem u l-kilba għall-ġid tad-dinja, qegħdin iħassru ħafna qlub u jagħmluhom hekk xierfa li ma jħossux iżjed ix-xewqa għal dak kollu li huwa sabiħ , qaddis u tajjeb għax ġej minn Alla. Dan l-għatx għall-pjaċiri, anke akkost li jinkisbu bi ksur tal-Liġi t’Alla u r-rebgħa għall-qliegħ, mingħajr rispett lejn in-normi tal-ġustizzja u tal-karità, huma, l-mardiet morali, li minħabba fihom qegħdin naraw tant konsegwenzi diżastrusi fil-ħajja tal-individwi, tal-familji u tas-soċjetà kolha kemm hi. San Ġorġ u l-martri sħabu, kif ukoll il-martri ta’ kull żmien irnexxilhom bil-għajnuna t’Alla jżommu bogħod minnhom dan il-mard morali, u jgħożżu s-safa ta’ ħajja nisrani u ta’ qalb li mhix imdallma bid-dħaħen tal-vizzji iżda miftuha dejjem għall-Alla, u għall-ispirazzjonijiet tiegħu.

Aħna nilmentaw ta’ spiss li naqqsu l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi u li ftit huma ż-żgħażagħ li lesti jimpenjaw ruħhom għall-ħajjitom kollha biex jgħixu esklusivament għas-servizz ta’ Allaġ iżda kif jista’ l-bniedem jasal għall-deċiżjoni hekk ġeneruza meta qalbu qiegħda fil-għama, u mxikkla bl-ilġiem tal-interEssi materjali? Nilmentaw b’dispjaċir tagħna, li qiegħed jikber il-għadd tal-familji li qegħdin jitfarrku, u li xi koppji qegħdin isibuha dejjem iktar diffiċli li jħarsu l-wegħdiet ta’ mħabba dejjiema u ta’ fedeltà li huma għamlu lil xulxin quddiem Alla u quddiem is-soċjetàġ iżda għax għandna nistagħġbu b’dan, meta nafu li l-familji huma ibbumbardati mill-mass-media bi stejjer ta’ infedeltà, ta’ divorzji, u ta’ kapriċċi fil-ħajja miżżewġa li huma ‘l bogħod għal kollox mill-pjan li kellu Alla meta ħalaq il-familja tal-bnedmin? Nitkażaw, meta nilmhu ċerti inġustizzi u abbużi oħra li nosservaw fis-soċjetà tagħna li aħna niftaħru li hija soċjetà nisranijaġ iżda, kif jista’ jkun xort’oħra, jekk il-fidi birdiet, u l-moralità pubblika, mhix rispettata kif imiss?

Din hija l-lezzjoni li jagħtuna l-martri, li għandna nżommu ħajja l-fidi nisranija tagħna, u nistqarruha mhux biss bil-kliem imma bil-ħajja onesta tagħna, kollha kemm hi. Dan hu l-messaġġ li jwasslilna San Ġorġ, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-mewt glorjuża tiegħu. Il-fidi u l-ħajja nisranija huma bhal dik il-ġawhra prezzjuza, li jsemmilna Kristu, fil-vanġelu tiegħu: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed neguzjant, ifittex ġawhar sabiħ. Malli sab waħda li tiswa ħafna, mar biejħ kulma ma kellu u xtraha” (Mt. 13,45-46). Għall-fidi u l-ħajja nisranija għandna nissagrifikaw kollox, basta niksbu lilhom. Xejn u ħadd ma għandu jfixkilna mill-imħabba ta’ Kristu, l-anqas l-iskandli tad-dinja, u ż-żeblieh ta’ dawk li forsi jaħsbu li ser iwaqqgħuna għaċ-ċajt, għax ma jifhmu xejn mill-ideali tagħna. Din hija l-virtu` tal-qawwa nisranija, li hija meħtieġa fil-ħajja moderna, xejn inqas milli kienet meħtieġa fi żmien il-martri tal-ewwel sekli.

Ftit ġranet oħra ser ikollna fostna ir-relikwija insinji ta’ dan il-qaddis, u b’digriet tal- Penitenzjerija tad-9 ta’ Ġunju 2003, tista’ tinkiseb Indulġenza Plenarja, minn min iweġġagħ din ir-relikwija. Iktar il-quddiem ikun magħarraf liema funzjonijjiet ser jinżammu fl-okkażjoni għaż-żjara ta’ din ir-relikwija, liema kundizzjonijiet huma meħtieġa biex jintrebhu l-indulġenzi, u xi dettalji oħra li għandhom x’jaqsmu maċ-ċentinarju.

Bl-intercessjoni tal-Protettur qawwi tagħna San Ġorġ Megalomartri, nitolbu lil Alla, jżommna dejjem fi ħdan il-Knisja Mqaddsa li hija il-kommunità ta’ mħabba li Kristu Ibnu, waqqaf ghall-fidwa tagħna, jħarsilna l-fidi tagħna, akkost ta’ kull sagrifiċċju u kull persekuzzjoni, u jgħinna biex ħajjitna, tkun mimlija bil-frott ta’ kull opra tajba.

B’fiduċja fil-protezzjoni ta’ San Ġorġ martri, b’mod speċjali fuq iż-żgħażagħ u l-familji tagħna, nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej.

Il-Paċi ta’ Kristu Sultan tal-Martri timlà l-qlubkom bil-qawwa ta’ dawk il-martri li xerdu demmhom għalih.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum   5 ta’ Lulju 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex