- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 425/2003 (15 ta’ Lulju 2003)

Posted By admin On July 15, 2003 @ 9:45 pm In 2003 | Comments Disabled

Nru. 425/2003

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Qegħdin ninnotaw, b’dispjaċir tagħna u speċjalment meta nkunu fix-xhur ta’ sħana, xi wħud mill-insara li jifrekwentaw il-knejjes tagħna jippretendu li jitħallew jidħlu fihom lebsin kif ġie ġie u xi drabi bi ħwejjeġ li ma humiex deċenti biżżejjed għal min ikun fit-triq, aħseb u ara għal dawk li jidħlu fid-dar ta’ Alla.

Ħafna drabi fl-imgħoddi, l-insara tad-djoċesi tagħna ġew imwissija sabiex jevitaw dan in-nuqqas ta’ rispett lejn il-lok imqaddes fejn Kristu jinsab preżenti fl-Ewkaristija.  Iżda jidher li l-moda qegħda ssir dejjem iktar arroganti, fil-waqt li qiegħed jonqos dejjem iżjed is-sens ta’ deċenza.

B’mod partikolari din l-indeċenza ta’ lbies fil-knejjes, qegħda tidher u tinħass fil-festi titulari tal-parroċċi, meta ħafna nies anki minn parroċċi oħra u forsi wkoll barranin, iżuru l-knejjes tagħna, kif ukoll fl-okkażjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Ewwel Tqarbina, tal-Griżma ta’ l-Isqof u taż-}wieġ.  Biżżejjed insemmu ċerti lbiesi trasparenti jew imqaċċtin iżżejjed li jkollhom fuqhom xi wħud mit-tfal, mill-ġenituri tagħhom, mill-parrinijiet kif ukoll xi wħud mill-mistiednin. Xi drabi anki l-libsa tat-tieġ ma tkunx tixraq xejn għall-knisja fejn jiġi ċċelebrat it-tieġ u għal min għandu sens nisrani ta’ modestja.

Nixtieq li f’dan l-appell tiegħi, nindirizza l-ewwelnett lill-membri tal-Għaqdiet Kattoliċi sabiex jagħtu dejjem eżempju tajjeb ta’ deċenza fl-ilbies, kullimkien imma b’mod speċjali fil-knisja.

Nixtieq wkoll li dawk li jkunu sejrin jirċievu s-Sagramenti li semmejna, jiġu mwissija fil-ħin, sabiex jiħqu jippreparaw ilbiesi li huma xierqa biżżejjed għall-knisja u għas-Sagrament li jkunu ser jieħdu jew jassistu għaċ-ċelebrazzjoni tiegħu.

Infakkar lill-Kappillani, lir-Retturi u lil dawk kollha li għandhom xi responsabiltà ta’ xi knisja jew kappella, li barra milli jwaħħlu f’postijiet fejn jidhru ħdejn il-bibien tal-knisja l-posters  dwar  id-deċenza,  bil-prudenza,  bil-kalma  u   bir-rispett   u   l-imħabba,   jipprovaw

jedukaw lill-insara, f’dan id-dmir tagħhom li fil-knisja mhux biss iġibu ruħhom sewwa, imma wkoll li jmorru lebsin kif jixraq. Waħda mir-riżoluzzjonjijiet tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan tgħid: “Il-Fidi fl-Ewkaristija tintwera wkoll mill-mod li bih l-insara jġibu ruħhom fil-knisja u mill-ilbies li jġibu fuqhom.  Huwa meħtieġ għalhekk illi wieħed jinsisti fuq id-deċenza ta’ l-ilbies u l-imġieba tajba”(III,1ġ Tifkira tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan. Għawdex 13-21 ta’ Novembru 1999, paġna 59).

Din l-attenzjoni biex fil-postijiet sagri jintwera rispett fl-imġieba u fl-ilbies, ma hiex missjoni tal-Kappillani u tar-Retturi biss, iżda l-insara kollha li jħobbu l-knejjes fejn imorru u jixtiequ li jinżammu b’mod dekoruz, għandhom jħossu d-dmir li jgħidu kelma ta’ korrezzjoni f’waqtha u bl-ikbar rispett lil dawk li jkunu ser jidħlu fil-knisja, mingħajr ilbies xieraq.

Bl-interċessjoni ta’ Marija Verġni, Omm l-iktar safja tagħna, jagħtikom il-Mulej il-barka u l-paċi Tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 15 ta’ Lulju 2003

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2003/07/15/cirkulari-4252003-15-ta%e2%80%99-lulju-2003/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.