Archive for the '2007' Category

Ħtieġa ta’ twelid spiritwali ġdid (Kumpless Sportiv Rabat, 25 ta’ Novembru 2007)

Il-funzjoni ta' Kristu Re 2007

Illum il-Ħadd, solennità ta’ Kristu Sultan, fid-Djoċesi ta’ Għawdex saret manifestazzjoni pubbliku ta’ qima u ġieħ lil Kristu Sultan li bdiet b’korteo minn quddiem l-istatwa ta’ Kristu Re fi Pjazza Indipendenza, Victoria għall-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Il-korteo kien immexxi minn Mons Isqof Mario Grech.

Continue reading >>

Nitlaqkom f’idejn Alla u l-Kelma tiegħu (Dar Manresa, 3 u 6 ta’ Ottubru 2007)

Fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni tas- Sena Pastorali tad-Djoċesi ta’ Għawdex saru żewġ laqgħat ġenerali ġewwa Dar Manresa, waħda għall-membri tal-Kunsill Parrokkjali (3 ta’ Ottubru 2007) u oħra għas-saċerdoti kollha (6 ta’ Ottubru 2007), fejn ġie ppreżentat il-Pjan Pastorali għal din is-sena. F’dawn iż-żewġ laqgħat l-Isqof Mario Grech għamel dan id-diskors orjentattiv fejn indika ċerti linji pastorali għad-Djoċesi.

Continue reading >>

Xi jfisser l-RTK għall-Knisja tagħna
Diskors fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju mill-ftuħ ta’ l-istazzjon Radju RTK

Diskors li Mons Isqof Mario Grech għamel waqt Konferenza Nazzjonali li saret fis-16 ta’ Marzu 2007 fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju mill-ftuħ ta’ l-istazzjon Radju RTK.

Illum aktar minn qatt qabel il-Knisja f’pajjiżna għandha tkun kommessa li tfittex il-forma u l-modalità kif il-Bxara t-tajba li ħallielna Ġesù Kristu tkompli tipproponi t-tifsira u l-orjentament ta’ l-eżistenza umana lill-bnedmin ta’ żmienna; hija ma tistax tabdika mir-responsabilità inerenti għall-missjoni tagħha li ġejja minn Alla li tkun stimolu u gwida fil-mixja ta’ ġensna. Għodda pastorali meħtieġa u indispensabbli biex jintlaħaq dan il-għan, u hekk tkompli tinbena l-belt t’Alla f’pajjiżna, huma l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, partikularment ir-radju RTK, li llum qegħdin infakkru il-ħmistax-il sena minn mindu beda jopera.

Infatti l-RTK per definizzjoni għandu jkun mezz ta’ evanġelizzazjoni. Jekk ma jkunx hekk m’għandniex bżonnu! Il-kwalità ta’ interventi li jistgħu jsiru f’din id-direzzjoni huma varji. Imma meta wieħed iqis li llum il-bniedem huwa illitterat għax ma jafx jaqra l-ħsus t’Alla miktuba fl-istorja, b’dan l-istazzjon il-Knisja għandha tittrażmetti l-verità dwar Alla, dwar il-bniedem u d-dinja, u tgħin fil-qari u fl-interpretazzjoni tal-ġrajjiet kurrenti, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, fid-dawl tal-Kelma t’Alla. F’kultura li qed tiddomina l-Punent, fejn Alla qed jiġi sistematikament eskluż mill-ħajja pubblika; f’kultura fejn qed nassistu għal riduzzjoni radikali tal-bniedem li huwa meqjus bħala sempliċi prodott tan-natura – u għaldaqstant hemm waqtiet fejn jirriskja li jiġi trattat bħal annimal; f’kultura fejn riżultat ta’ din il-kriżi antropoloġika qed jiddgħajfu ċerti istituzzjonijiet fundamentali għall-persuna umana, bħalma huma iż-żwieġ u l-familja, u kull ma jmur qed nassistu għal ri-definizzjoni ta’ l-attività umana; f’kultura fejn ir-relattiviżmu etiku qiegħed bil-mod il-mod imermer il-fundament tal-persuna nnifisha u ta’ istituzzjonijiet bħalma huma dik ekonomika, medika, ġudizzjarju, hemm għatx kbir għat-tama u għal dawk il-punti fermi u perenni li fuqhom wieħed jista’ jserraħ! Għall-Knisja – u fil-każ tagħna dalgħodu ngħiduh ukoll għall-RTK – dan kollu joffri opportunità biex tidħol fi djalogu ma’ dawn ir-realtajiet u hekk tgħin biex tissawwar kultura li verament tixraq lid-dinjità tal-persuna. B’dan il-mod l-RTK isaħħaħ il-vokazzjoni profetika tiegħu u jagħmel differenza fix-xandir lokali.

Niftakar tajjeb ħafna il-bidu ta’ l-RTK. Kont wieħed mill-kumitat ta’ sebgħa magħmul minn rappreżentanti ta’ oqsma differenti tal-Knisja. Kien hemm ir-rappreżentanti taż-żewġ djoċesijiet, tar-reliġjużi rġiel u nisa, u tal-lajċi. Kellna l-inkarigu li nibdew l-istazzjon. Niftakar l-entużjażmu, id-dedikazzjoni u l-ħidma intensiva ta’ ħafna. Kienet esperjenza mill-isbaħ ta’ elementi differenti fil-Knisja jaħdmu flimkien. Kien hemm sens ta’ avventura u determinazzjoni li dan il-ministeru fdat f’idejna nwettquh għall-akbar glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-bnedmin ħutna. Dan il-kumitat bena s-sisien u meta wasal il-waqt ċeda postu għall-Bord tad-Diretturi li, f’forom differenti, baqa’ jmexxi l-RTK. Irrid nittama li dak l-ispirtu inizjali jibqa’ ħaj u jkompli janima l-operaturi pastorali impenjati fl-operat ta’ l-istazzjon.

Fid-diskussjonijiet li saru sakemm immaturat id-deċiżjoni favur li l-Knisja jkollha stazzjon tagħha, irriflettejna dwar l-esperjenza tal-Knisja universali f’dan il-qasam. Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja tal-Knisja nsibu li għall-bidu kien hemm ċertu suspett dwar ir-radju (kif kien hemm ukoll fil-bidu taċ-ċinema u tat-TV), tant li fl-1926 il-Vatikan, fi tweġiba għal talba mill-Arċisqof ta’ Praga, kien iddeċieda li għall-ebda raġuni ma għandu jkun hemm ix-xandir tal-quddiesa fuq ir-radju! Ilkoll nafu kemm inbidlu l-affarijiet! Ħames snin wara dik id-deċizjoni infetaħ Radio Vaticana, magħruf bħala il-leħen tal-Papa. Wara dan bqajna nassistu għal żviluppi pożittivi kemm fuq il-livell tat-tagħlim kif ukoll fuq il-livell prattiku.

It-tagħlim sabih tal-Papa Piju XII kien strumentali fl-ixprunar ta’ din id-dimensjoni pozittiva. Wara d-digriet tal-Konċilju Vatikan II Inter Mirifica, kellna l-magna carta tad-dokumenti tal-Knisja dwar il-media, jigifieri l-Communio et Progressio. Ta’ min isemmi li kien Malti bħalna, Frans Cachia, li kellu sehem f’dan id-dokument u fl-isem li ngħata. Id-dokumenti Aetatis Novae (Frar 2002) u dawk aktar riċenti bħal Rapid Development (Frar 2005) ġew tard wisq biex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħna fl-1991, iżda huma rilevanti ħafna biex jgħinuna fir-riflessjoni tagħna għall-ġejjieni.

It-tagħlim tal-Knisja universali kien imżewweġ ma’ prattika rikka ħafna f’ħafna pajjiżi. Insemmi xi eżempji. Radio Veritas ilu mezz qawwi ta’ evanġelizzazzjoni f’kontinent fejn il-kristjaneżmu għadu jinbet. Dan l-istazzjon tal-Knisja baqa’ magħruf għas-sehem kbir li kellu fil-waqgħa tad-dittatur Marcos. Kien hemm il-famużi stazzjonijiet tar-radju fl-Amerika Latina li tant għenu fl-edukazzjoni formali u informali ta’ tant fqar u li tant kienu mezz ta’ liberazzjoni. Kien hemm ħafna esperimenti fl-Afrika u ħafna proġetti kbar fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa. Fil-ħin li l-Knisja f’Malta issejħet biex tiddeċiedi dwar l-istazzjon tar-radju tagħha, kien hemm madwar id-dinja mijiet ta’ stazzjonijiet tar-radju marbuta mal-Knisja.

Mill-mudelli li ġew eżaminati fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni intgħażel il-mudell ta’ “Radio Renascenca” tal-Portugal. Aktar kmieni f’din il-konferenza smajna l-espożizzjoni interessanti tas-Sur Antonio Correa d’Oliveira, is-Segretarju Ġenerali ta’ “Radio Renascenca”. Ir-raġunijiet l-għala saret din l-għażla nispjegħom aktar tard waqt li nitkellem dwar xi trid il-Knisja mill-RTK.

F’dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni rajna wkoll il-piż finanzjarju li stazzjon tar-radju kien iġib miegħu, u kulħadd qabel li jerfa’ f’dan il-piż. Id-dokumenti tal-Knisja, l-aktar l-Inter Mirifica u l-Communio et Progressio dawwlu l-proċess tal-konsultazzjoni. L- Inter Mirifica tagħmilha ċara li l-Knisja għandha d-dritt li jkollha l-media tagħha u li jkun għajb jekk dan ma jseħħx minħabba raġunijiet finanzjarji.

Minn dawn il-laqgħat kollha harget iva kbira għall-stazzjon tar-radju immexxi mill-Knisja izda li ma jkunx stazzjon religjuz fis-sens strett tal-kelma u għall-stazzjon tar-radju li d-dimensjoni ekklezjali tidher wkoll fl-għola tmexxija tiegħu.

L-Isqfijiet aċċettaw din ir-rakkomandazzjoni fil-21 ta’ Marzu 1991, u fil-15 ta’ Marzu 1992 l-istazzjon beda jxandar.

Ridt nagħmel din l-introduzzjoni storika għax nemmen li biex nirriflettu fuq dak li rridu għall-ġejjieni irridu nżuru l-għeruq. Il-punti li missejt waqt din l-introduzzjoni huma l-bażi tal-punti li se mmiss fil-bqija tat-taħdita tiegħi.

1.    Stazzjon għas-servizz tal-bniedem

Ir-relazzjoni tal-Knisja mal-media tagħha hija differenti mir-relazzjoni ta’ partit politiku jew ta’ azjenda kummerċjali mal-media tagħhom. Il-media tal-Knisja fl-ewwel post ma teżistix biex taqdi l-ħtiġijiet tal-Knisja bħala istituzzjoni, imma teżisti l-ewwel u qabel kollox biex taqdi l-bniedem. Dan il-qadi jseħħ billi hija tgħin lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu. Il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika Redemptor Hominis jgħid li l-missjoni fundamentali tal-Knisja hi li taħdem biex iseħħ l-għaqda ta’ Kristu ma’ kull bniedem: “il-Knisja tixtieq twassal għal dan l-għan: li kull bniedem ikun jista’ jsib lil Kristu, biex Kristu jkun jista’ jimxi ma’ kull bniedem fit-triq ta’ ħajtu, bil-qawwa tal-verità dwar il-bniedem u dwar id-dinja, li tinsab fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa, u bil-qawwa ta’ l-imħabba li tixgħel minn din il-verità” (n.13); il-Papa ikompli li minhabba Kristu “il-Knisja ma tistax ma titqanqalx għal dak kollu li hu ta’ gid għal bniedem, bhalma ma tistax tkun indifferenti quddiem dak li jhedded il-hajja tal-bniedem” (ibid).

L-Arċisqof Mercieca, meta f’Marzu 1991 kien ħabbar li l-Knisja se tiftaħ stazzjon tar-radju, kien qal hekk: “L-istazzjon tal-Knisja mhux se jkun stazzjon reliġjuż fis-sens limitat tal-kelma. Il-Knisja tinteressa ruħha ħafna mill-bniedem sħiħ fid-dawl tal-Vanġelu… Għalhekk, l-istazzjon tal-Knisja se jkun stazzjon bi skeda ta’ programmi diversifikata ħafna li tolqot il-ħtiġijiet u l-interessi varji tal-bniedem. Fost dawn il-ħtiġijiet insemmu l-ħtieġa għat-tagħrif, tagħlim u divertiment.”

Għalhekk l-istazzjon tal-Knisja jrid ikun fuq quddiemnett fil-ġlieda biex id-dinjità tal-bniedem tkun rispettata u mħarsa. F’din il-ħidma l-RTK irid ikun b’mod speċjali l-leħen ta’ dawk li m’għandhomx leħen. Irid ikun it-tarka ta’ dawk li d-dinjità tagħhom ma tkunx qed tiġi rispettata jew ma tkunx qed tiġi rispettata biżżejjed. Il-fqar u dawk f’periklu ta’ faqar, dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni, persuni li qed isofru min xi tip ta’ vulnerabiltà u t-tarbija mhux imwielda, biex insemmi ftit eżempji, isibu kenn, leħen u difiża mill-RTK.

Meta l-RTK ikun qed jagħmel hekk ikun qed jaqdi l-missjoni tiegħu ta’ evanġelizzatur, għax is-servizz tal-bniedem sħiħ hija l-qalba ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. L-Aetatis Novae f’paragrafu 7 tibni fuq l-enċiklika ta’ Ġwanni Pawlu II – Sollicitudo rei socialis – meta tgħidilna li “it is imperative that media respect and contribute to that integral development of the person which embraces ‘the cultural, transcendent and religious dimensions of man and society.’”

Fit-tfassil ta’ l-iskeda tal-programmi, l-RTK għandu jara ftit x’hemm nieqes fl-iskedi ta’ l-istazzjonijiet l-oħra li jimmiraw għall-istess tip ta’ udjenza u jipprovdi dak li hemm nieqes fil-kwalità u fil-kontenut. Forsi mhux ilkoll naqblu li l-element kulturali huwa nieqes ħafna mill-ipprogrammar fuq ħafna stazzjonijiet? Hawn mhux qed nifhem biss dak l-aspett ta’ kultura meqjus bħala high culture u ġeneralment magħmula b’mod li fuqhom jogħxew l-esperti u jaqtgħu qalbhom dawk li mhumiex. Nifhem l-elementi ta’ high culture magħmula b’mod li jappellaw għall-akbar numru ta’ nies. Huwa x-xogħol tax-xandâr tajjeb li dak li hu ta’ sustanza jittraduċih f’termini popolari. Fis-Sinodu Djoċesan, fid-Dokument dwar ix-Xandir tal-Kelma jingħad espressament li “il-Knisja trid toħloq kuntatt akbar mal-Kultura Maltija permezz ta’ tagħlim, djalogu u preżenza fil-Kultura Maltija” (no. 31).

Flimkien ma’ din il-kultura lajka, hemm dak kollu li jsawwar il-kultura kristjana – qed nirreferi għal-letteratura, l-arti, il-mużika, eċċ. Il-promozzjoni ta’ din ix-xorta ta’ kultura mhux biss tista’ tkun ta’ arrikkiment għas-semmiegħa individwalment, imma wkoll għall-kultura ġenerali.

2.    Stazzjon li joħloq sens ta’ komunjoni

Il-kitbiet ta’ l-istudjuż Crissell huma interessanti għax jagħtuna perspettiva li taqbel ħafna mal-viżjoni nisranija ta’ komunikazzjoni bl-għan li tinħoloq komunjoni. Crissell jippreżentana b’żewġ karatteristiċi interessanti tar-radju: ir-radju bħala mass medium u r-radju bħala medium personali: jiġifieri l-użu tar-radju fejn l-individwi ma jintilifux fil-massa iżda jsibu lilhom infushom.

Il-Catholic Media Council ta’ Aachen isostni li “One could establish that a radio programme is ‘Christian’ to the extent that it fosters not only communication but also ‘communion’ between its listeners and their particular social environment.” Minimalment hemm żewġ livelli ta’ komunjoni li hemm bżonn jiġu msaħħa: dik ekkleżjali u dik nazzjonali. Ikun għajb kbir jekk radju tal-Knisja flok ma jkun strument biex jippromovi l- “ekoloġija tal-paċi” jew “ekoloġija soċjali”, jintuża jew iħalli min jużah biex titnissel il-firda u t-tensjoni.

Il-parteċipazzjoni tas-semmiegħa fil-programmi tar-radju huwa mezz importanti kif jista’ jinħoloq spirtu ta’ komunità. Illum nitkellmu fuq il-komunitajiet virtwali fiċ-chat rooms ta’ l-internet. Ma nistgħux insemmu li ħafna qabel dan kellna u għad għandna l-komunitajiet virtwali permezz tal-programmi tar-radju?

L-implikazzjonijiet tal-phone in radio kienu studjati f’paper ippubblikata minn Fr Joe Borg. F’dan it-tip ta’ xandir bir-radju s-semmiegħ jinbdel minn semmiegħ għal “komunikatur” jew “xandâr”; is-semmiegħ iħossu empowered għax jinfluwenza – biex ma ngħidx jikkontrolla – l-andament tal-programm; u l-mistiedna – anke personalitajiet politiċi jew ekkleżjastiċi – isiru aċċessibbli b’mod immedjat. Borg isaqsi wkoll jekk dan il-ġeneru hux qed jevolvi f’forma kulturali; jiġifieri qed nersqu aktar lejn kultura ta’ ċittadini aktar attivi u nies fl-awtorità aktar accountable. Fil-każ ta’ xandâra reliġjużi ċertament li dan id-djalogu mas-semmiegħa jimbotta lil min ikun wara l-mikrofonu biex ikun konvint minn dak li jgħid u jagħraf jagħti r-raġuni għat-twemmin tiegħu.

Hawn nara possibiltajiet importanti għall-Knisja. Insemmi biss possibiltà li nara għall-Fakultà tat-Teoloġija. Ikun tajjeb li l-Fakultà u l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali jistudjaw il-possibiltà li jorganizzaw korsijiet interattivi fuq ir-radju. Naturalment dawn isiru fil-ħinijiet ta’ filgħaxija fejn l-udjenza tar-radju mhix waħda tal-massa. Iżda dan ikun ħin tajjeb biex dawk interessati jkattru l-kultura nisranija tagħhom.

Barra minn hekk il-Fakultà u l-Istitut, grazzi għall-interazzjoni mas-semmiegħa, jiksbu aktar għarfien ta’ dik li nistgħu insejħula l-pastorali tat-triq – jiġifieri ta’ xewqat, perċezzjonijiet u linġwaġġ tan-nies li b’mod żbaljat ġieli nsejħulhom komuni. F’din l-interazzjoni naħseb li nagħrfu li dawn is-semmiegħa veru jistgħu ma jkunux nies tekniċi iżda l-esperjenzi tagħhom jarrikkixxu lit-teoloġi tekniċi. Naħseb li dan jista’ jkun esperiment ta’ interazzjoni li jarrikkixxi liż-żewġ naħat.

3.    Stazzjon li jitfa’ dawl nisrani fuq il-ġrajja

Il-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes ħaddmet b’suċċess kbir il-metodu induttiv fit-teoloġija. B’dan il-metodu minflok nibdew mill-prinċipji u naslu fil-partikular, mibdew mis-sitwazjjonijiet konkreti u fuqhom nitfgħu d-dawl tal-Vanġelu. Meta beda l-RTK kien intqal b’mod speċifiku ħafna li l-perspettiva teoloġika li tmexxi lill-RTK hija l-perspettiva tal-Gaudium et Spes. Fil-konferenza stampa fejn l-Isqfijiet Maltin kienu varaw l-RTK kien intqal speċifikament li jkun għajb għall-Knisja li ma titfax id-dawl tal-Vanġelu fuq il-ġrajjiet li ngħixu fuq il-livell tagħna bħala soċjetà. Meta nitfa’ ħarsti fuq dawn il-hmistax-il sena li għaddew, personalment naħseb li dan il-metodu ma ġiex applikat biżżejjed.

Il-Knisja qegħda fil-qalba tal-ġrajja umana u mhux fil-periferija. Il-Knisja trid tkun fil-pjazza u mhux fis-sagristija. Għalhekk id-dipartiment ta’ l-aħbarijiet, ġrajjiet kurrenti u diskussjonijiet għandu jkun dipartiment b’saħħtu ħafna fl-RTK. Dan l-approwċ iqiegħed aktar responsabilità fuq l-operaturi pastorali impenjati fit-tħaddim ta’ dan l-istazzjon għax mingħajr faith vision dawn ma jistgħux jagħmlu din il-lettura! Għalhekk, nifhem li dawk li jidħlu għall-“ministeru” tax-xandir iridu jkunu persuni li mhux biss huma teknikament imħejjija, imma jkunu wkoll persuni li qed jagħmlu mixja ta’ fidi.

B’hekk dan l-istazzjon ikun jista’ jdawwal l-opinjoni pubblika u jgħin fil-formazzjoni ta’ l-aġenda nazzjonali. Jekk aħna ma nkunux aġenti importanti fil-formazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika tal-pajjiż inkunu qegħdin nonqsu bil-kbir mill-missjoni tagħna li nkunu l-melħ u d-dawl tas-soċjetà.

4.    Stazzjon li jiffaċilita d-djalogu bejn il-Knisja u s-soċjetà

Skond il-Communio et Progressio (nn.122-125), Aetatis Novae (n.8) u d-dokument Ethics in Communications (n.11), il-mass media għandhom rwol importanti ieħor fil-ħajja tal-Knisja. Dawn għandhom ir-rwol li jgħinu fil-ħolqien ta’ djalogu bejn il-Knisja u d-dinja. Dan id-djalogu jgħin lill-Knisja tifhem aħjar lid-dinja u tgħin lid-dinja tifhem aħjar lill-Knisja. Jiġri wisq drabi li n-nuqqas ta’ għarfien iġib miegħu il-ħolqien ta’ ħafna stereotipi, preġudizzji u malintiżi.

Għalkekk il-programmi mxandra fuq l-RTK m’għandhomx jagħtu biss tagħrif dwar in-nies li għandhom pożizzjonijiet differenti minn tagħna. Il-programmi ta’ diskussjoni għandhom joffru spazju għal pożizzjonijiet u opinjonijiet ta’ dawk li ma jaqblux magħna. Dawn il-programmi għandhom ikunu l-bażi tad-djalogu u mod kif nipperswadu lil dawk li mhux bilfors jaqblu magħna. L-RTK għandu jservi biex jitlaqqgħu u jitħabbtu l-ideat. Il-Knisja mhux talli ma tibżax minn dan it-tlaqqiegħ u tħabbit ta’ ideat, anzi tinkuraġġih.

Intenni dak li kont għidt ftit xhur ilu dwar il-missjoni tal-RTK: il-messaġġ afdat minn Kristu lill-komunità nisranija huwa tant sabiħ u qawwi li fi spirtu ta’ djalogu għandna naqsmuh ma’ kulħadd. Fi djalogu wieħed mhux biss jgħid tiegħu, imma jisma’ b’attenzjoni lill-parti l-oħra… Id-djalogu mas-semmiegħa jgħin biex tkun aktar ċara l-kundizzjoni umana tal-lum li għandha bżonn il-Vanġelu; fl-istess waqt, id-djalogu jista’ jikxef kif jeżistu realtajiet li, forsi mingħajr ma jkunu jafu huma stess, huma realtajiet imdakkrin mil-verità tal-Vanġelu, u għalhekk elementi bħal dawn għandu jkollhom kull appoġġ tal-komunità nisranija”.

Din għandha tkun karatteristika ta’ l-RTK, waqt li jżomm b’mod ċar il-linja editorjali tiegħu, li hija linja editorjali kattolika.

5.    Stazzjon li joħloq opinjoni pubblika fil-Knisja

Id-dokument “Żvilupp Rapidu” – l-aktar dokument riċenti tal-Knisja f’dan il-qasam – jiddeskrivi sew dan l-aspett għax fih jiġbor dak li dokumenti oħra kitbu qablu. Il-fatt li veritajiet ta’ fidi m’humiex materja ta’ diskussjoni jew interpretazzjoni, għalkemm wieħed ma jeskludix li l-istess formulazzjoni tagħhom tista’ tiġi espressa f’lingwaġġ li jiiftiehem illum, dan ma jfissirx li fil-Knisja m’hemmx spazju biex fi spirtu ta’ djalogu jkun hemm bdil ta’ fehmiet u punti di vista. Is-servizz ta’ l-RTK f’dan ir-rigward huwa essenzjali. Filwaqt li fil-laqgħat tagħna fil-kunsilli differenti li nattendu nagħrfu li għandna djoċesijiet dinamiċi u fuq diversi suġġetti jivvibraw b’ideat differenti, għandi l-impressjoni li din id-diskussjoni mhux dejjem tkun riflessa fuq l-RTK. Naħseb li l-istazzjon għandu jintuża aktar għal dan il-għan, u dan mingħajr ma jfixkel lil ħadd fil-mixja spiritwali jew ekkleżjali li jkun qed jagħmel.

6.    Stazzjon tal-Knisja

Din tidher ovvja, u forsi taħsbu li m’għandix għalfejn ngħidha! B’mod sempliċistiku nistgħu ngħidu li l-Knisja hija s-sid ta’ l-RTK u allura dan hu tal-Knisja. Iżda biex stazzjon ikun tal-Knisja, u allura parti mill-missjoni tagħha ta’ evanġelizzazjoni, hemm ħafna iżjed minn sempliċi titlu ta’ propjetà!

Għax l-RTK huwa stazzjon tal-Knisja irid bħall-Knisja jitmexxa b’mod kolleġġjali. Il-Bord tad-Diretturi fil-fatt għandu jkun magħmul minn persuni magħżula b’mod li jkunu preżenti realtajiet differenti fil-Knisja. Iżda din il-kolleggjalità, waqt li jiġu rispettati r-rwoli u r-responsabiltajiet differenti li jeżistu fis-sistema tal-management, trid tanima kull persuna li għandha l-mandat li taħdem fl-istazzjon. Biex ikun stazzjon tal-Knisja l-RTK jeħtieġ li jkollu komunjoni ħajja ma’ diversi livelli tal-Knisja: mill-ġerarkija sal-grass roots. Dawn iż-żewġ aspetti nistgħu insejħulhom “evanġelizzazzjoni permezz ta’ l-istrutturi”.

L-RTK irid ikun tal-Knisja billi, kif diġà semmejt, ikollu linja editorjali ċara: jiġifieri linja editorjali mnebbħa, imqanqla u mmexxija mill-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Fuq kollox il-linja editorjali trid tagħti każ ukoll tal-Pjan Pastorali li jkollhom il-Knejjes lokali tagħna; għaliex kif huwa impensabbli li jkun hemm organu jew struttura pastorali aljena għal-linja pastorali magħżula għad-djoċesi, hekk ukoll ikun jistona jekk l-istazzjon tar-radju tal-Knisja ma jintegrax ruħu f’dan il-Pjan.

Sa issa semmejt ħafna kwalità ta’ kontenut li jgħin fil-missjoni evanġelizzatriċi ta’ l-istazzjon. Ma’ dak inżid il-programmi purament reliġjużi f’qies raġunat. Huwa importanti ħafna li dawn ikunu ippreżentati minn persuni kompetenti, b’mod krejattiv u b’sehem sħiħ tas-semmiegħa.

Konklużjoni

Fl-2005 il-Kardinal Joseph Ratzinger għamel din l-affermazjoni: “Ciò di cui abbiamo soprattutto bisogno in questo momento della storia sono uomini che, attraverso una fede illuminata e vissuta, rendano Dio credibile in questo mondo… Abbiamo bisogno di uomini il cui intelletto sia illuminato dalla luce di Dio e a cui Dio apra il cuore, in modo che il loro intelletto possa parlare all’intelletto degli altri e il loro cuore possa aprire il cuore degli altri. Soltanto attraverso uomini che sono toccati da Dio, Dio può far ritorno presso gli uomini”. (Joseph Ratzinger, “L’Europa nella crisi delle culture”, Monasteru ta’ Santa Skolastika, Subiaco – 1 ta’ April 2005). (Dak li l-aktar għandna bżonn f’dan il-mument ta’ l-istorja huma bnedmin li, permezz ta’ fidi mdawla u mgħixa, jagħmlu li Alla jkun emmnut f’din id-dinja… Għandna bżonn ta’ nies li l-intellett tagħhom ikun imdawwal bid-dawl ta’ Alla u li Alla jiftħilhom qalbhom, sabiex l-intellett tagħhom ikun jista’ jkellem lill-intellett ta’ l-oħrajn u l-qalb tagħhom tkun tista’ tiftaħ il-qalb ta’ l-oħrajn. Alla jista’ jerġa’ joqrob lejn il-bnedmin biss permezz ta’ nies li jkunu ħallew lil Alla jmiss il-ħajja tagħhom.)

Dak li jingħad għall-bnedmin, nistgħu napplikawh għall-istazzjon tar-radju, li minkejja n-new media jibqa’ mezz utli ħafna għall-Knisja! Naturalment mhux il-mikrofonu jew it-transmitter li jeħtieġilhom ikunu “toccati da Dio” (iltaqgħu ma’ Alla), imma l-operaturi pastorali kollha involuti fix-xandir li jsir mill-RTK: jekk nassiguraw li jkollna staff “il cui intelletto sia illuminato dalla luce di Dio ed a cui Dio apra il cuore” allura l-Knisja jkollha stazzjon li jkellem lill-intellett u l-qalb tal-poplu tagħna… allura “Dio può tornare presso gli uomini”!

L-Isqof kollaboratur tal-ferħ tagħkom
Diskors waqt il-laqgħa ta’ awguri għas-saċerdoti
Seminarju - 6 ta’ Jannar 2007

Kif Pawlu jgħid lill-Korintin, hekk inħoss li għandi ngħid lilkom illum: “Mhux il-ħsieb tagħna li naħkmu fuq il-fidi tagħkom, imma aħna kollaboraturi tal-ferħ tagħkom (2Kor 1.24). Din hija l-missjoni tiegħi bħala isqof-qaddej tagħkom, u dan nixtieq li jkun dak li jmexxi l-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex afdata għall-kura tagħna l-presbiteri, aktar u aktar meta nżommu quddiem għajnejna li l-bniedem tal-lum għandu għatx kbir għal dan il-ferħ veru.

Il-magħmudija: esperjenza tal-Għid fiz-zmien

Kien Kristu nnifsu li xtaqilna li l-ferħ tiegħu jkun fina u biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ (Ġw 15,11). Għalhekk ntenni dak li għidt fil-bidu tal-ministeru tiegħi sena ilu: nixtieq li Kristu jkun magħruf aktar u maħbub. Il-Kristjaneżmu mhux xi duttrina jew idea, imma huwa Persuna, Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li miet u rxoxta għalina. Il-Papa Benedittu fl-enċiklika Deus caritas est ifisser li “bħala bidu għall-eżistenza nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (n.1). Din l-esperjenza ta’ Kristu għandha l-fundament tagħha fil-magħmudija, li hija l-esperjenza tal-misteru ta’ l-Għid fiż-żmien. Sfortunatament mhux kull min huwa mgħammed huwa konxju minn dan il-don u din il-qawwa, u anqas qed jgħixuhom. Għaldaqstant, nemmen li l-Knisja trid taħdem biex il-magħmudija tkun għażla aktar konxja, impenjattiva u inċisiva: lill-insara tagħna hemm bżonn ngħinuhom ħalli l-għażliet li jagħmlu fil-ħajja jkunu tassew jirriflettu t-tilqima fi Kristu li ħadu fil-magħmudija; hekk tkun tagħmel aktar sens il-proposta taż-żwieġ sagrament, tal-ħajja kkonsagrata, tal-vokazzjoni saċerdotali u tal-lajċi impenjati fis-soċjal. Hija xewqa tal-Knisja lokali, imfissra fil-Pjan Pastorali ta’ din is-sena li għandu bħala tema “L-Ispirtu s-Santu u l-missjoni tan-nisrani”, li permezz “ta’ l-imħabba msawba fil-qlub bid-don ta’ l-Ispirtu, li permezz tiegħu kull min hu mgħammed jista’ jsejjaħ lil Alla ‘Abbà’, l-insara kollha (jifhmu li) huma msejħa biex jilqgħu d-doni ta’ l-Ispirtu u jħabirku biex jgħixu l-frott ta’ l-Ispirtu fl-esperjenza konkreta tal-ħajja tagħhom, jigifieri fil-knisja-komunità, fil-familji tagħhom u fis-soċjetà ċivili” (n. 4).

Huwa f’dan il-kuntest li l-operaturi pastorali huma mħeġġa biex il-komunitajiet tagħna, partikularment l-adolexxenti, jikbru fl-apprezzament tas-sagrament tal-Konfermazzjoni. Nistqarr b’sodisfazzjon li diversi parroċċi diġà wettqu inizjattivi pastorali ġodda f’dan ir-rigward. Nammetti li l-Pjan Pastorali jista’ jkun aħjar; però l-parteċipazzjoni li kien hemm fit-tħejjija tiegħu kienet inkuraġġanti: insemmi bħala eżempju seminar ta’ jumejn f’Malta għall-Kappillani, fejn kull parroċċa ppreżentat il-pjan pastorali parrokkjali. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jerġa’ jiltaqa’ l-Kulleġġ tal-Kappillani biex issir verifika dwar kif qed jitħaddem il-Pjan.

Knisja konxja mill-proposta pożittiva t’Alla

Biex tkun aħbar ta’ ferħ għall-oħrajn quddiem l-isfidi u xi drabi anke orjentamenti żbaljati ta’ żmienna, il-Knisja nixtieqha tkun aktar konxja mill-proposta pożittiva li Alla għandu għall-bniedem – proposta li Alla lissen fi Kristu. Faċli nibnu Kristjaneżmu ta’ projbizzjonijiet u kundanni; imma l-Vanġelu huwa bxara tajba li jirrifletti s-simpatija li għandu Alla lejn il-ħajja u l-libertà tal-bnedmin; il-Vanġelu huwa r-rivelazzjoni tas-sens veru li hemm inerenti f’kull realtà temporanja u li l-bniedem jista’ jiskopri bil-qawwa tar-raġuni mgħejjun u mdawwal mill-fidi. Anke f’Għawdex tagħna qed jinħass il-bżonn tad-djalogu bejn ir-raġuni u l-fidi. Fost l-insara tagħna hemm kategorija li nistgħu nqisuha bħala parti mill-intelligentia ta’ pajjiżna; hemm numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li qed jattendu edukazzjoni terzjarja; għandna diversi stakeholders fl-ekonomija, bħalma huma imprendituri, finanzjarji, żviluppaturi; hemm il-qasam tal-mediċina u s-servizzi sanitari. Ma’ dawn u ma’ oħrajn il-Knisja tixtieq tkompli tiddjaloga. Kien għalhekk li għadha għaddejja ħidma ma’ l-istudenti universitarji; saċerdot ingħata l-mandat biex jieħu ħsieb il-pastorali sanitarja, u qed naħsbu kif il-pastorali mal-professjonisti tkun aktar mifruxa.

Knisja li tgħajjat: “Alla”

Imma barra din il-formazzjoni speċifika indirizzata għal kategoriji speċifiċi, nemmen li hemm ħidma evanġelizzattriċi u kateketika msejsa fuq il-Kelma t’Alla li tindirizza kull kategorija fi ħdan il-poplu t’Alla. Il-Knisja għandha ssemma leħinha fuq ħafna temi – fuq dak kollu konness mal-bniedem. Imma s-suggett ewlieni u xi drabi uniku li dwaru għandha titkellem il-Knisja huwa “Alla”. “Il grande problema dell’Occidente è la dimenticanza di Dio: è un oblio che si diffonde. In definittiva tutti i singoli problemi possono essere riportati a questa domanda, ne sono convinto… Parlando di Dio, tocchiamo anche precisamente l’argomento che nella predicazione terrena di Gesù costituiva il suo interesse centrale. Il tema fondamentale di tale predicazione è il dominio di Dio, il Regno di Dio… Nel termine “Regno di Dio” la parola “Dio” è un genitivo soggettivo. Dio non è un’aggiunta al Regno, Dio è il soggetto” (Benedetto XVI alla Curia Romana, 22.12.06).

Dak li l-Papa jgħid għall-Punent narah applikabbli anke għas-sitwazzjoni tagħna f’pajjizna: għandna magħna persuni li huma mgħammda imma ma jafux lil Alla; għandna oħrajn li għamlu għażliet li jikkontrastaw ma’ dak li jgħid Alla; għandna persuni li ma jersqux jiċċelebraw il-preżenza t’Alla! Dawn huma kategoriji li għandna nagħtuhom attenzjoni preferenzjali!

Ħidma ta’ evanġelizzazzjoni

Matul is-sena li għaddiet kien hemm diversi għażliet pastorali biex tissaħħaħ l-azzjoni evanġelizzatriċi/kateketika. Waqqafna l-Kummissjoni Kateketika, li qed nafdaha lil Dun Manwel Magro bħala Delegat tiegħi f’dan il-qasam li fil-ġimgħat li ġejjin ser torganizza żewġ seminars għall-katekisti. F’dak li jirrigwarda t-tfal qed naħdem flimkien mal-kappillani fuq pjan li jipprovdi li l-kappillani jew il-vigarji parrokkjali jibdew jgħaddu nofs ta’ nhar fil-ġimgħa fl-iskejjel primarji. Minn din is-sena fl-MCAST hemm preżenza ta’ Religious Counsellor full time, flimkien ma’ saċerdot ieħor full time fis-Sixth Form. Għax nemmnu kemm l-iskola toffri ambjent privileġġjat għall-formazzjoni sħiħs tat-tfal, din is-sena ħadna passi biex l-iskola sekondarja tal-Konservatorju issa għandha direzzjoni awtonoma minn dik primarja. Saret esperjenza kateketika fuq livell djoċesan maż-żgħażagħ matul r-Randan u l-Avvent: aktar minn mitt żgħażugħ/a kienu jattendu għal din il-laqgħa ta’ talb kull ġimgħa. Imbagħad għall-adulti, f’diversi parroċċi qed issir esperjenza ta’ lectio divina, li jien nirrakkomanda bil-qawwa. L-esperiment li seħħ fl-Avvent, fejn f’kull komunità parrokkjali saret katekeżi matul il-Ħdud u matul il-Novena tal-Milied skond sussidju pprovdut mis-Segreterija Pastorali, kien innutat min-nies stess u jidher li kien sforz tajjeb, għax kellna tema li għaqqditna bħala poplu t’Alla. Nista’ nikkomunikalkom li diġà qed isir xogħol biex għar-Randan nipproponu esperjenza simili.

Il-pastorali mal-familja

Jekk qed nitkellmu mit-tfal, miż-żgħażagħ u mill-adulti ifisser li qed nitkellmu mill-familji tagħna. Anke dwar il-familja għandna bżonn inxandru l-Bxara t-Tajba. Għall-grazzja t’Alla, ħafna għarajjes u ġenituri għadhom ifittxuna għax jistennew minn għandna għajnuna vera. Filwaqt li napprezza l-fatt li normalment is-saċerdoti tagħna jagħtu pariri mdawlin mit-tagħlim tal-Maġisteru, inħeġġiġkom biex inkunu aħna li mmorru nfittxu l-familja u nagħmlu lilna nfusna preżenti għalihom.

Nixtieq li fid-djoċesi jkollna azzjoni pastorali favur il-familja aktar qawwija minn dik li għandna. Il-Moviment ta’ Kana kien u jibqa’ preżenti magħna, u dan l-aħħar kellna laqgħa tal-Konferenza Episkopali fejn iddiskutejna kif nistgħu nsaħħu l-ħidma tal-moviment f’Għawdex. Għal dawk il-koppji li jkollhom bżonn is-servizz tat-Tribunal Ekkleżjastiku, minn ftit xhur ’l hawn għandna Tribunal li qed jopera f’parti mill-Kurja li għandha aċċess dirett mit-triq li ġiet refurbished; akkwistajna żewġ saċerdoti mħallfin ġodda, u issa għandna erba’ mħallfin u żewġ udituri: b’kollox sitta li jisimgħu x-xhieda. B’dan l-arranġament, iż-żmien tal-proċess kanoniku jiqsar.

Strutturi Pastorali

L-operaturi pastorali għandhom bżonn strutturi u formazzjoni. Dwar dawk li huma strutturi djoċesani, fil-jiem li ġejjin ser jitħabbar il-Kunsill Presbiterali; bit-tibdil li sar fil-votazzjoni, kull presbiterju parrokkjali ser ikun rappreżentat fil-Kunsill Presbiterali, u hija x-xewqa tiegħi li din ir-rappreżentanza tkun waħda vera, fis-sens li min ġie elett (votazzjoni ta’ aktar minn 155!) jagħmilha ta’ intermedju bejn il-Kunsill Presbiterali u l-Presbiterju parrokkjali, u viċi-versa.

Ser ikun hemm xi ristrutturazzjoni f’dawk li huma strutturi djoċesani, kif ukoll tibdil fil-formazzjoni tagħhom. L-ewwel waħda li waqqaft kienet dik tal-Kleru, immexxija mid-Delegat għas-Saċerdoti Dun Alex Refalo. Kif diġà għidt twaqqfet ukoll il-Kummissjoni Kateketika u qed naħdmu fuq il-Kummissjoni Liturġika. It-terminu tan-nomina tal-membri f’dawn il-kummissjonijiet huwa ta’ sentejn.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-parroċċi, sar tibdil fil-parrokkat u l-indikazzjonijiet huma li bidla tagħmel tajjeb lil kulħadd. F’dan ir-rigward ġew adottati xi policies ġodda: waħda hija li fl-għażla ta’ l-uffiċċju ta’ kappillan u vigarju parrokkjali, il-kanditat ma jkunx mill-parroċċa. Dan jagħmilha possibbli li nibdew naħsbu bis-serjetà dwar ħajja fi presbytery. Kull mandat jingħata għal ħames snin u jista’ jiġġedded għal mhux aktar minn ħames snin oħra.

Presbiterium Djoċesan

Imma anke jekk din il-possibilità fiżika tista’ tidher fil-bogħod, xorta mil-lum aħna s-saċerdoti niffurmaw presbiterium wieħed, u nistqarr magħkom li waħda mill-ħwejjeġ sbieħ li għamilt epserjenza tagħhom matul din is-sena ta’ l-episkopat kienet proprju dan is-sens ta’ presbiterium djoċesan, li f’ċerti waqtiet kien jidher ħafna: bħal meta ltqajna flimkien f’Ta’ Pinu qabel l-ordinazzjoni tiegħi, nhar Hamis ix-Xirka għall-Ewkaristija u għall-pranzu; meta flimkien iċċelebrajna l-140 sena tas-Seminarju, meta konna numru sabiħ għall-irtir ta’ Novembru; f’dawk iż-żewġ nofs ta’ nhari ta’ spiritwalita fir-Randan u l-Avvent; baqgħu mmarkati dawk il-mumenti meta tajna xhieda qawwija tal-fraternità saċerdotali meta ħadna sehem fil-funerali ta’ ħutna li marru jiltaqgħu mal-Mulej!

Is-Saċerdot bniedem t’Alla

Nixtieq li dawn l-okkażjonijiet nibqgħu ngħożżuhom għax ikunu mumenti privileġġjati fejn il-preżenza tagħna tgħinna reċiprokament inżommu qawwija f’qalbna l-identità tagħna bħala “bnedmin t’Alla” (1Tim 6,11). Din it-teoċentriċità ta’ l-eżistenza saċerdotali hija meħtieġa f’dinja li hija totalment funzjonalista, fejn kollox huwa suġġett għall-kalkoli! Proprju biex insaħħu din id-dimensjoni teoċentrika fina, il-Kummissjoni Kleru qed tipproponi diversi mumenti ta’ talb u riflessjoni fuq il-Kelma t’Alla fuq bazi ta’ żoni. Naturalment dan ma jieħux post it-talb personali, partikularment l-Ewkaristija u l-Liturġija tas-Sigħat.

Kif josserva l-Papa Benedettu, “Il vero fondamento del celibato può essere racchiuso solo nella frase ‘Dominus pars hereditatis meae – tu sei la mia terra’ (Salm 118). Può essere solo teocentrico. Non può significare il rimanere privi di amore, ma deve significare il lasciarsi prendere dalla passione per Dio ed imparare poi grazie ad un più intimo stare con Lui a servire più uomini” (ibid). Jien ma ngħidx li għandna ngħixu ċ-ċelibat biex ma nkunux ta’ skandlu jew ta’ dannu għal ħaddiehor, imma nkunu ċelibi biex inkun “skandlu” għal min ma jemminx li Alla huwa ta’ min iħobbu b’imħabba esklussiva!

Applikazzjoni tal-Konċilju Vatikan II

Quddiemna għandna sfidi kbar u sbieħ. Għall grazzja t’Alla il-predeċessur tiegħi l-Isqof Mons Nikol Cauchi kien strumentali biex il-Knisja f’Għawdex ħadet tilqima konċiljari; imma dan il-proċess għadu sejjer u flimkien, saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi, irridu nkomplu nistudjaw kif nistgħu nkomplu nattwaw il-Konċilju Vatikan II b’dik ir-regola li tissejjaħ “ermenewtika tar-riforma”: regola li timplika t-tiġdid fil-kontinwità ta’ l-istess suġġett li hija l-Knisja li tana Alla u tal-prinċipji tat-tagħlim tagħha, kontinwità li tammetti forom ta’ “nuqqas ta’ kontinwità” f’dawk il-sitwazzjonijiet storiċi u problemi li jinbtu llum. Jekk ma nkunux miftuħin għal dan l-ispirtu nkunu qed nagħmlu sfreġju lill-Knisja u inġustizzja mal-bnedmin! Il-Papa Ġwanni XXIII fil-ftuħ tal-Konċilju qal: “Il concilio vuole trasmettere pura ed integra la dottrina, senza attenuazioni o travisamenti. Il nostro dovere non è soltanto di custodire questo tesoro prezioso, come se ci preoccupassimo unicamente dell’anticihità, che la nostra età esige … È necessario che questa dottrina certa ed immutabile, che deve essere fedelmente rispettata, sia approfondita e presentata in modo che corrisponda alle esigenze del nostro tempo. Una cosa è il deposito della fede, … altra cosa è il modo col quale sono enunciate, conservando ad esse tuttavia lo stesso senso e la stessa portata” .

Jekk nagħrfu naqraw il-Konċilju Vatikan II b’din ir-regola, għandna fih qawwa kbira għat-tiġdid tal-Knisja tagħna u garanzija li jkollna l-veru ferħ.