- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof kollaboratur tal-ferħ tagħkom
Diskors waqt il-laqgħa ta’ awguri għas-saċerdoti
Seminarju - 6 ta’ Jannar 2007

Posted By admin On January 6, 2007 @ 5:06 pm In 2007 | Comments Disabled

Kif Pawlu jgħid lill-Korintin, hekk inħoss li għandi ngħid lilkom illum: “Mhux il-ħsieb tagħna li naħkmu fuq il-fidi tagħkom, imma aħna kollaboraturi tal-ferħ tagħkom (2Kor 1.24). Din hija l-missjoni tiegħi bħala isqof-qaddej tagħkom, u dan nixtieq li jkun dak li jmexxi l-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex afdata għall-kura tagħna l-presbiteri, aktar u aktar meta nżommu quddiem għajnejna li l-bniedem tal-lum għandu għatx kbir għal dan il-ferħ veru.

Il-magħmudija: esperjenza tal-Għid fiz-zmien

Kien Kristu nnifsu li xtaqilna li l-ferħ tiegħu jkun fina u biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ (Ġw 15,11). Għalhekk ntenni dak li għidt fil-bidu tal-ministeru tiegħi sena ilu: nixtieq li Kristu jkun magħruf aktar u maħbub. Il-Kristjaneżmu mhux xi duttrina jew idea, imma huwa Persuna, Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li miet u rxoxta għalina. Il-Papa Benedittu fl-enċiklika Deus caritas est ifisser li “bħala bidu għall-eżistenza nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (n.1). Din l-esperjenza ta’ Kristu għandha l-fundament tagħha fil-magħmudija, li hija l-esperjenza tal-misteru ta’ l-Għid fiż-żmien. Sfortunatament mhux kull min huwa mgħammed huwa konxju minn dan il-don u din il-qawwa, u anqas qed jgħixuhom. Għaldaqstant, nemmen li l-Knisja trid taħdem biex il-magħmudija tkun għażla aktar konxja, impenjattiva u inċisiva: lill-insara tagħna hemm bżonn ngħinuhom ħalli l-għażliet li jagħmlu fil-ħajja jkunu tassew jirriflettu t-tilqima fi Kristu li ħadu fil-magħmudija; hekk tkun tagħmel aktar sens il-proposta taż-żwieġ sagrament, tal-ħajja kkonsagrata, tal-vokazzjoni saċerdotali u tal-lajċi impenjati fis-soċjal. Hija xewqa tal-Knisja lokali, imfissra fil-Pjan Pastorali ta’ din is-sena li għandu bħala tema “L-Ispirtu s-Santu u l-missjoni tan-nisrani”, li permezz “ta’ l-imħabba msawba fil-qlub bid-don ta’ l-Ispirtu, li permezz tiegħu kull min hu mgħammed jista’ jsejjaħ lil Alla ‘Abbà’, l-insara kollha (jifhmu li) huma msejħa biex jilqgħu d-doni ta’ l-Ispirtu u jħabirku biex jgħixu l-frott ta’ l-Ispirtu fl-esperjenza konkreta tal-ħajja tagħhom, jigifieri fil-knisja-komunità, fil-familji tagħhom u fis-soċjetà ċivili” (n. 4).

Huwa f’dan il-kuntest li l-operaturi pastorali huma mħeġġa biex il-komunitajiet tagħna, partikularment l-adolexxenti, jikbru fl-apprezzament tas-sagrament tal-Konfermazzjoni. Nistqarr b’sodisfazzjon li diversi parroċċi diġà wettqu inizjattivi pastorali ġodda f’dan ir-rigward. Nammetti li l-Pjan Pastorali jista’ jkun aħjar; però l-parteċipazzjoni li kien hemm fit-tħejjija tiegħu kienet inkuraġġanti: insemmi bħala eżempju seminar ta’ jumejn f’Malta għall-Kappillani, fejn kull parroċċa ppreżentat il-pjan pastorali parrokkjali. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jerġa’ jiltaqa’ l-Kulleġġ tal-Kappillani biex issir verifika dwar kif qed jitħaddem il-Pjan.

Knisja konxja mill-proposta pożittiva t’Alla

Biex tkun aħbar ta’ ferħ għall-oħrajn quddiem l-isfidi u xi drabi anke orjentamenti żbaljati ta’ żmienna, il-Knisja nixtieqha tkun aktar konxja mill-proposta pożittiva li Alla għandu għall-bniedem – proposta li Alla lissen fi Kristu. Faċli nibnu Kristjaneżmu ta’ projbizzjonijiet u kundanni; imma l-Vanġelu huwa bxara tajba li jirrifletti s-simpatija li għandu Alla lejn il-ħajja u l-libertà tal-bnedmin; il-Vanġelu huwa r-rivelazzjoni tas-sens veru li hemm inerenti f’kull realtà temporanja u li l-bniedem jista’ jiskopri bil-qawwa tar-raġuni mgħejjun u mdawwal mill-fidi. Anke f’Għawdex tagħna qed jinħass il-bżonn tad-djalogu bejn ir-raġuni u l-fidi. Fost l-insara tagħna hemm kategorija li nistgħu nqisuha bħala parti mill-intelligentia ta’ pajjiżna; hemm numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li qed jattendu edukazzjoni terzjarja; għandna diversi stakeholders fl-ekonomija, bħalma huma imprendituri, finanzjarji, żviluppaturi; hemm il-qasam tal-mediċina u s-servizzi sanitari. Ma’ dawn u ma’ oħrajn il-Knisja tixtieq tkompli tiddjaloga. Kien għalhekk li għadha għaddejja ħidma ma’ l-istudenti universitarji; saċerdot ingħata l-mandat biex jieħu ħsieb il-pastorali sanitarja, u qed naħsbu kif il-pastorali mal-professjonisti tkun aktar mifruxa.

Knisja li tgħajjat: “Alla”

Imma barra din il-formazzjoni speċifika indirizzata għal kategoriji speċifiċi, nemmen li hemm ħidma evanġelizzattriċi u kateketika msejsa fuq il-Kelma t’Alla li tindirizza kull kategorija fi ħdan il-poplu t’Alla. Il-Knisja għandha ssemma leħinha fuq ħafna temi – fuq dak kollu konness mal-bniedem. Imma s-suggett ewlieni u xi drabi uniku li dwaru għandha titkellem il-Knisja huwa “Alla”. “Il grande problema dell’Occidente è la dimenticanza di Dio: è un oblio che si diffonde. In definittiva tutti i singoli problemi possono essere riportati a questa domanda, ne sono convinto… Parlando di Dio, tocchiamo anche precisamente l’argomento che nella predicazione terrena di Gesù costituiva il suo interesse centrale. Il tema fondamentale di tale predicazione è il dominio di Dio, il Regno di Dio… Nel termine “Regno di Dio” la parola “Dio” è un genitivo soggettivo. Dio non è un’aggiunta al Regno, Dio è il soggetto” (Benedetto XVI alla Curia Romana, 22.12.06).

Dak li l-Papa jgħid għall-Punent narah applikabbli anke għas-sitwazzjoni tagħna f’pajjizna: għandna magħna persuni li huma mgħammda imma ma jafux lil Alla; għandna oħrajn li għamlu għażliet li jikkontrastaw ma’ dak li jgħid Alla; għandna persuni li ma jersqux jiċċelebraw il-preżenza t’Alla! Dawn huma kategoriji li għandna nagħtuhom attenzjoni preferenzjali!

Ħidma ta’ evanġelizzazzjoni

Matul is-sena li għaddiet kien hemm diversi għażliet pastorali biex tissaħħaħ l-azzjoni evanġelizzatriċi/kateketika. Waqqafna l-Kummissjoni Kateketika, li qed nafdaha lil Dun Manwel Magro bħala Delegat tiegħi f’dan il-qasam li fil-ġimgħat li ġejjin ser torganizza żewġ seminars għall-katekisti. F’dak li jirrigwarda t-tfal qed naħdem flimkien mal-kappillani fuq pjan li jipprovdi li l-kappillani jew il-vigarji parrokkjali jibdew jgħaddu nofs ta’ nhar fil-ġimgħa fl-iskejjel primarji. Minn din is-sena fl-MCAST hemm preżenza ta’ Religious Counsellor full time, flimkien ma’ saċerdot ieħor full time fis-Sixth Form. Għax nemmnu kemm l-iskola toffri ambjent privileġġjat għall-formazzjoni sħiħs tat-tfal, din is-sena ħadna passi biex l-iskola sekondarja tal-Konservatorju issa għandha direzzjoni awtonoma minn dik primarja. Saret esperjenza kateketika fuq livell djoċesan maż-żgħażagħ matul r-Randan u l-Avvent: aktar minn mitt żgħażugħ/a kienu jattendu għal din il-laqgħa ta’ talb kull ġimgħa. Imbagħad għall-adulti, f’diversi parroċċi qed issir esperjenza ta’ lectio divina, li jien nirrakkomanda bil-qawwa. L-esperiment li seħħ fl-Avvent, fejn f’kull komunità parrokkjali saret katekeżi matul il-Ħdud u matul il-Novena tal-Milied skond sussidju pprovdut mis-Segreterija Pastorali, kien innutat min-nies stess u jidher li kien sforz tajjeb, għax kellna tema li għaqqditna bħala poplu t’Alla. Nista’ nikkomunikalkom li diġà qed isir xogħol biex għar-Randan nipproponu esperjenza simili.

Il-pastorali mal-familja

Jekk qed nitkellmu mit-tfal, miż-żgħażagħ u mill-adulti ifisser li qed nitkellmu mill-familji tagħna. Anke dwar il-familja għandna bżonn inxandru l-Bxara t-Tajba. Għall-grazzja t’Alla, ħafna għarajjes u ġenituri għadhom ifittxuna għax jistennew minn għandna għajnuna vera. Filwaqt li napprezza l-fatt li normalment is-saċerdoti tagħna jagħtu pariri mdawlin mit-tagħlim tal-Maġisteru, inħeġġiġkom biex inkunu aħna li mmorru nfittxu l-familja u nagħmlu lilna nfusna preżenti għalihom.

Nixtieq li fid-djoċesi jkollna azzjoni pastorali favur il-familja aktar qawwija minn dik li għandna. Il-Moviment ta’ Kana kien u jibqa’ preżenti magħna, u dan l-aħħar kellna laqgħa tal-Konferenza Episkopali fejn iddiskutejna kif nistgħu nsaħħu l-ħidma tal-moviment f’Għawdex. Għal dawk il-koppji li jkollhom bżonn is-servizz tat-Tribunal Ekkleżjastiku, minn ftit xhur ’l hawn għandna Tribunal li qed jopera f’parti mill-Kurja li għandha aċċess dirett mit-triq li ġiet refurbished; akkwistajna żewġ saċerdoti mħallfin ġodda, u issa għandna erba’ mħallfin u żewġ udituri: b’kollox sitta li jisimgħu x-xhieda. B’dan l-arranġament, iż-żmien tal-proċess kanoniku jiqsar.

Strutturi Pastorali

L-operaturi pastorali għandhom bżonn strutturi u formazzjoni. Dwar dawk li huma strutturi djoċesani, fil-jiem li ġejjin ser jitħabbar il-Kunsill Presbiterali; bit-tibdil li sar fil-votazzjoni, kull presbiterju parrokkjali ser ikun rappreżentat fil-Kunsill Presbiterali, u hija x-xewqa tiegħi li din ir-rappreżentanza tkun waħda vera, fis-sens li min ġie elett (votazzjoni ta’ aktar minn 155!) jagħmilha ta’ intermedju bejn il-Kunsill Presbiterali u l-Presbiterju parrokkjali, u viċi-versa.

Ser ikun hemm xi ristrutturazzjoni f’dawk li huma strutturi djoċesani, kif ukoll tibdil fil-formazzjoni tagħhom. L-ewwel waħda li waqqaft kienet dik tal-Kleru, immexxija mid-Delegat għas-Saċerdoti Dun Alex Refalo. Kif diġà għidt twaqqfet ukoll il-Kummissjoni Kateketika u qed naħdmu fuq il-Kummissjoni Liturġika. It-terminu tan-nomina tal-membri f’dawn il-kummissjonijiet huwa ta’ sentejn.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-parroċċi, sar tibdil fil-parrokkat u l-indikazzjonijiet huma li bidla tagħmel tajjeb lil kulħadd. F’dan ir-rigward ġew adottati xi policies ġodda: waħda hija li fl-għażla ta’ l-uffiċċju ta’ kappillan u vigarju parrokkjali, il-kanditat ma jkunx mill-parroċċa. Dan jagħmilha possibbli li nibdew naħsbu bis-serjetà dwar ħajja fi presbytery. Kull mandat jingħata għal ħames snin u jista’ jiġġedded għal mhux aktar minn ħames snin oħra.

Presbiterium Djoċesan

Imma anke jekk din il-possibilità fiżika tista’ tidher fil-bogħod, xorta mil-lum aħna s-saċerdoti niffurmaw presbiterium wieħed, u nistqarr magħkom li waħda mill-ħwejjeġ sbieħ li għamilt epserjenza tagħhom matul din is-sena ta’ l-episkopat kienet proprju dan is-sens ta’ presbiterium djoċesan, li f’ċerti waqtiet kien jidher ħafna: bħal meta ltqajna flimkien f’Ta’ Pinu qabel l-ordinazzjoni tiegħi, nhar Hamis ix-Xirka għall-Ewkaristija u għall-pranzu; meta flimkien iċċelebrajna l-140 sena tas-Seminarju, meta konna numru sabiħ għall-irtir ta’ Novembru; f’dawk iż-żewġ nofs ta’ nhari ta’ spiritwalita fir-Randan u l-Avvent; baqgħu mmarkati dawk il-mumenti meta tajna xhieda qawwija tal-fraternità saċerdotali meta ħadna sehem fil-funerali ta’ ħutna li marru jiltaqgħu mal-Mulej!

Is-Saċerdot bniedem t’Alla

Nixtieq li dawn l-okkażjonijiet nibqgħu ngħożżuhom għax ikunu mumenti privileġġjati fejn il-preżenza tagħna tgħinna reċiprokament inżommu qawwija f’qalbna l-identità tagħna bħala “bnedmin t’Alla” (1Tim 6,11). Din it-teoċentriċità ta’ l-eżistenza saċerdotali hija meħtieġa f’dinja li hija totalment funzjonalista, fejn kollox huwa suġġett għall-kalkoli! Proprju biex insaħħu din id-dimensjoni teoċentrika fina, il-Kummissjoni Kleru qed tipproponi diversi mumenti ta’ talb u riflessjoni fuq il-Kelma t’Alla fuq bazi ta’ żoni. Naturalment dan ma jieħux post it-talb personali, partikularment l-Ewkaristija u l-Liturġija tas-Sigħat.

Kif josserva l-Papa Benedettu, “Il vero fondamento del celibato può essere racchiuso solo nella frase ‘Dominus pars hereditatis meae – tu sei la mia terra’ (Salm 118). Può essere solo teocentrico. Non può significare il rimanere privi di amore, ma deve significare il lasciarsi prendere dalla passione per Dio ed imparare poi grazie ad un più intimo stare con Lui a servire più uomini” (ibid). Jien ma ngħidx li għandna ngħixu ċ-ċelibat biex ma nkunux ta’ skandlu jew ta’ dannu għal ħaddiehor, imma nkunu ċelibi biex inkun “skandlu” għal min ma jemminx li Alla huwa ta’ min iħobbu b’imħabba esklussiva!

Applikazzjoni tal-Konċilju Vatikan II

Quddiemna għandna sfidi kbar u sbieħ. Għall grazzja t’Alla il-predeċessur tiegħi l-Isqof Mons Nikol Cauchi kien strumentali biex il-Knisja f’Għawdex ħadet tilqima konċiljari; imma dan il-proċess għadu sejjer u flimkien, saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi, irridu nkomplu nistudjaw kif nistgħu nkomplu nattwaw il-Konċilju Vatikan II b’dik ir-regola li tissejjaħ “ermenewtika tar-riforma”: regola li timplika t-tiġdid fil-kontinwità ta’ l-istess suġġett li hija l-Knisja li tana Alla u tal-prinċipji tat-tagħlim tagħha, kontinwità li tammetti forom ta’ “nuqqas ta’ kontinwità” f’dawk il-sitwazzjonijiet storiċi u problemi li jinbtu llum. Jekk ma nkunux miftuħin għal dan l-ispirtu nkunu qed nagħmlu sfreġju lill-Knisja u inġustizzja mal-bnedmin! Il-Papa Ġwanni XXIII fil-ftuħ tal-Konċilju qal: “Il concilio vuole trasmettere pura ed integra la dottrina, senza attenuazioni o travisamenti. Il nostro dovere non è soltanto di custodire questo tesoro prezioso, come se ci preoccupassimo unicamente dell’anticihità, che la nostra età esige … È necessario che questa dottrina certa ed immutabile, che deve essere fedelmente rispettata, sia approfondita e presentata in modo che corrisponda alle esigenze del nostro tempo. Una cosa è il deposito della fede, … altra cosa è il modo col quale sono enunciate, conservando ad esse tuttavia lo stesso senso e la stessa portata” .

Jekk nagħrfu naqraw il-Konċilju Vatikan II b’din ir-regola, għandna fih qawwa kbira għat-tiġdid tal-Knisja tagħna u garanzija li jkollna l-veru ferħ.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/01/06/l-isqof-kollaboratur-tal-ferh-taghkom-diskors-waqt-il-laqgha-ta-awguri-ghas-sacerdoti-seminarju-6-ta-jannar-2007/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.