- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ħtieġa ta’ twelid spiritwali ġdid (Kumpless Sportiv Rabat, 25 ta’ Novembru 2007)

Posted By admin On November 28, 2007 @ 8:15 am In 2007 | Comments Disabled

[1] Il-funzjoni ta' Kristu Re 2007

Illum il-Ħadd, solennità ta’ Kristu Sultan, fid-Djoċesi ta’ Għawdex saret manifestazzjoni pubbliku ta’ qima u ġieħ lil Kristu Sultan li bdiet b’korteo minn quddiem l-istatwa ta’ Kristu Re fi Pjazza Indipendenza, Victoria għall-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Il-korteo kien immexxi minn Mons Isqof Mario Grech.

It-tema magħżula kienet silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Mort, inħsilt, u ġejt nara” (Ġw 9,11). Permezz ta’ din it-tema, id-Djoċesi riedet tagħmel enfasi fuq is-Sagrament tal-Magħmudija, li qed jakkumpanja l-mixja liturġika tal-Knisja f’Għawdex matul din is-sena. Matul iċ-ċelebrazzjoni fil-Kumpless Sportiv, ippreseduta mill-Isqof Grech, ixxandret il-Kelma t’Alla, ingħatat esperjenza ta’ koppja li qed tagħmel mixja ta’ fidi marbuta mal-Kelma t’Alla, sar it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija – fejn diversi familji li għammdu t-tarbija tagħhom matul din is-sena jew li qed jistennew tarbija nġabru madwar il-battisteru mħejji apposta fis-sala tal-Kumpless, sar talb quddiem l-Ewkaristija u ngħatat il-barka sagramentali, u fit-tmiem tqassmu għotjiet lil diversi istituzzjonijiet tal-Knisja mill-flus li nġabru f’Jum il-Karità tas-sena li għaddiet.

Matul iċ-ċelebrazzjoni, Mons Isqof Mario Grech għamel diskors ta’ l-okkażjoni dwar il-ħtieġa ta’ twelid spiritwali ġdid.

The [2] Flash Player and [3] a browser with Javascript support are needed..

  

ĦTIEĠA TA’ TWELID SPIRITWALI ĠDID

Fid-dawl tas-silta ta’ l-Evanġelju li tħabbrilna, fejn rajna lil Kristu jfejjaq lil raġel agħma mit-twelid (Ġw 9,1-11), nibża’ li bħal dak ir-raġel agħma – u allura nieqes mill-viżjoni, anke aħna jkollna waqtiet fejn tonqosna l-viżjoni. Meta ngħid “aħna”, qed nirreferi għalina individwalment, għall-familji tagħna kif ukoll għas-soċjetà tagħna – għaliex ġaladarba aħna parti mis-soċjetà din ukoll tinteressana, u nittama llum ħadd ma jgħidilna li għax aħna segwaċi ta’ Kristu m’għandniex dritt nesprimu opinjoni jew ġudizzju fuq l-andament tas-soċjetà! Meta ngħid “aħna” nirreferi wkoll għall-komunità nisranija. Xi drabi nibża’ li l-viżjoni tagħna hija mijopika, ma tħarisx lejn il-futur. U allura nħoss li bħalma ġara lil dan l-agħma ta’ l-Evanġelju, aħna għandna bżonn nitwieldu mill-ġdid biex nitwieldu b’din l-abilità li naraw, u tassew ikollna viżjoni għalina u għall-oħrajn.

Twelid ġdid fl-ilma u fl-Ispirtu s-Santu

Il-bżonn ta’ riġenerazzjoni hija tema komuni fl-Evanġelju. Niftakru fid-djalogu li għadda bejn Kristu u Nikodemu. Nikodemu jistaqsi lil Kristu dwar kif jista’ bniedem kbir jerġa’ jidħol fi ħdan ommu u jitwieled mill-ġdid. Imma Kristu jtennilu l-bżonn li jitwieled mill-ġdid mill-ilma u l-Ispirtu (ara Ġw 3,5).

Għeżież tiegħi, aħna Knisja għax twelidna spiritwalment permezz tal-magħmudija. Il-fonti tal-magħmudija huwa proprju l-ġuf tal-Knisja li minnu nitwieldu għall-ħajja nisranija. Ma tħossux li kemm individwalment kif ukoll bħala poplu ta’ Alla f’pajjiżna jeħtieġilna nitwieldu mill-ġdid? Li huwa imperattiv li nistinkaw ħalli f’pajjiżna jkun hawn riġenerazzjoni Kristjana?

X’nifhem b’riġenerazzjoni? Nifhem li jkun hemm tassew impenn biex ngħixu ħajja koerenti bejn dak li nistqarru bil-fomm u l-mod kif ngħixu; nifhem li kif jgħallem San Pawl it-tilqima fi Kristu li sseħħ fina fil-magħmudija sa fl-aħħar tibda tagħti frott u frott kotran; nifhem li l-għaqda tagħna ma’ Kristu jkollha dimensjoni soċjali. Dan kollu m’huwiex dejjem evidenti. Għalhekk il-bżonn li “nerġgħu nitwieldu spiritwalment”. Mhux li nerġgħu nitgħammdu; imma li nieħdu l-magħmudija b’iktar impenn biex inkunu ħolqien ġdid.

L-Appostlu Missierna jfisser l-implikazzjoni ta’ dan il-ħolqien gdid fl-ittra tiegħu lill-Filippin. Pawlu jistqarr: “dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi” (3.7-8). Dan huwa kliem Pawlu li għandu twelid ġdid – Pawlu li meta għaraf lil Kristu kiseb viżjoni ġdida. Dan ifisser li Pawlu biddel il-mod ta’ kif iħares lejn ir-realtà ta’ madwaru; biddel il-mod kif jagħmel ġudizzju fuq il-ħajja; biddel il-metodu ta’ kif jagħmel valutazzjoni ta’ dak li għaddej minnu; jispjega wkoll kif Pawlu kiseb “ċavetta ta’ interpretazzjoni” ġdida biex jinterpreta l-ħajja tiegħu u ta’ madwaru.

Imma Pawlu jkompli jgħid li l-laqgħa tiegħu ma’ Kristu ma kienitx tfisser biss riġenerazzjoni tal-ħsieb imma wkoll ta’ l-azzjoni: “minħabba fiH ridt li nitlef kollox” (3.8). U din kienet deċiżjoni li kellha konsegwenzi prattiċi li lil Pawlu swewlu ħafna, għax mhux biss tilef dak li kellu imma ta lilu nnifsu għax-xandir ta’ l-Evanġelju.

Dan kollu effett ta’ l-għarfien li Pawlu kiseb ta’ Kristu! Għalhekk, il-Knisja f’Għawdex qed tħeġġeġ biex matul is-sena liturġika li ġejja lkoll infittxu modi kif nistgħu “nikbru fil-ħbiberija tagħna ma’ l-Evanġelju”. Min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu. Min irid jagħraf lil Kristu ma jistax ma jinnamrax mal-Kelma tiegħu.

Ngħożżu l-Knisja

Il-laqgħa tagħna ma’ Kristu hija possibli għaliex għandna l-Knisja. It-teologu Henri De Lubac jgħid li kieku s-soċjetà llum kellha titlef il-Knisja tkun tilfet l-opportunità biex tagħmel esperjenza tal-fidwa, għaliex tgħib il-preżenza ta’ Kristu rxoxt. Il-Knisja fuq din l-art hija l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin. Għalhekk jeħtieġ li ngħożżu l-Knisja. Il-Knisja hija dik li bil-Kelma ta’ Alla afdata lilha u permezz tas-sagramenti tlaqqagħna ma’ Alla. Is-sagramenti kollha huma meħtieġa, imma ta’ importanza partikulari hija l-magħmudija. Il-fonti tal-magħmudija huwa kkunsidrat bħala l-ġuf tal-Knisja fejn aħna nitwieldu għal din il-ħajja ġdida: l-unika ħajja li l-bniedem għandu jaspira għaliha.

Il-Knisja għandha wkoll il-Kelma ta’ Alla – dik il-Kelma li għandha qawwa toħloqna mill-ġdid u tlaqqagħna ma’ Kristu li huwa l-Verbum Dei li sar bniedem u għammar fostna. Għandna bżonn il-verità ta’ Kristu biex negħlbu d-dlam u niksbu viżjoni għalina u għall-oħrajn.

Il-ġenituri u l-missjoni kateketika tagħhom

Fi ħdan il-Knisja hemm żewġ mumenti qawwija li jgħinuna nitwieldu mill-ġdid. Hemm ir-realtà tal-familja mibnija fuq is-sagrament taż-żwieġ. Nixtieq ħafna li tkunu familji li timxu fuq eżempji ta’ familji oħrajn li qed jieħdu s-sejha u l-missjoni tagħhom b’impenn. Il-familja hija l-benniena tal-ħajja fiżika imma wkoll tal-ħajja spiritwali. Għadni ġej mill-Assemblea ta’ l-Isqfijiet Ewropej li saret fi Brussel u hemm iltqajt ma’ xi familji Maltin. Missier li qed jaħdem hemm qalli li huwa mħasseb għaliex uliedu li qegħdin jitrabbew f’din il-belt m’għandhomx l-possibiltà li jirċievu t-tagħlim u l-katekiżmu li setgħu jirċievu kieku baqgħu Malta. Lil dan il-missier urejtu li nħoss miegħu, imma tlabtu jagħmel kuraġġ għaliex l-ewwel katekist u katekista għall-ulied huma l-ġenituri stess.

Nifhem li llum għall-genituri l-missjoni edukattiva mhux hija biss diffiċli imma saret kważi impossibli, għaliex mal-ftit li huma jagħmlu hemm ħafna x’iħott. Imma jien ngħidilkom: “taqtgħux qalbkom; il-Mulej jagħtikom il-grazzja biex intom tkunu l-ewwel xandâra ta’ l-Evanġelju”. Proprju għalhekk nixtieq li l-Kelma ta’ Alla jkollha postha f’kull familja. Tkun ħaġa sewwa ħafna li kull familja tieħu l-istedina li qegħdin nagħmlulkom matul din is-sena u tara x’tista’ tagħmel biex tkun aktar ħabiba ta’ l-Evanġelju.

Imma familja mhix iżolata, għaliex fil-Knisja hemm realtà oħra importanti: din hija l-komunità parrokkjali. Nassigurakom li dawn ħuti l-kappillani b’imħabba u sagrifiċċju personali jagħmlu dak li jistgħu biex jagħmlu mill-komunità parrokkjali komunità ta’ familji. Din is-sena ħadna l-impenn li nipproponulkom xi tip ta’ mixja fil-fidi; li nsaħħu iktar dawk l-istrutturi kateketiċi li diġà jeżistu; imma wkoll li noffrulkom forom ġodda li jistgħu jgħinukom fil-ħidma formattiva tagħkom biex flimkien mal-parroċċa intom tkunu aġenti li ġġibu din ir-riġenerazzjoni.

Patt edukattiv bejn il-familja u l-parroċċa

F’dan il-kuntest, għalhekk, nipproponi li jkun hemm rifundazzjoni tal-patt edukattiv bejn il-familja u l-parroċċa, fis-sens li nsaħħu dak il-patt formattiv u edukattiv li kien hemm u li nistgħu nerġgħu nipproponuh u ninvestu fih, biex f’din il-ħidma delikata u impenjattiva l-familja ma tkunx waħidha; biex il- komunità parrokkjali jkollha lil dawn il-familji bħala sħab; u flimkien niffurmaw dan il-patt edukattiv mhux biss favur il-ġenerazzjoni taż-żgħar imma wkoll favur il-familja, għax anke l-familja nisranija hemm bżonn li tiġi riġenerata.

Għalhekk inħeġġeġ ukoll lilkom, għeżież kappillani, biex flimkien mal-kunsilli parrokkjali u mal-kummisjoni familja taraw x’nistgħu nagħmlu biex matul din is-sena nsaħħu r-rabtiet bejn il-parroċċa u l-familja.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/11/28/htiega-ta%e2%80%99-twelid-spiritwali-gdid-kumpless-sportiv-rabat-25-ta-novembru-2007/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/gallery/kristu-re-2007/kristurefunzjoni3.jpg
[2] Flash Player: http://www.macromedia.com/go/getflashplayer
[3] a browser with Javascript support: http://www.mozilla.com/firefox/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.