Fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni tas- Sena Pastorali tad-Djoċesi ta’ Għawdex saru żewġ laqgħat ġenerali ġewwa Dar Manresa, waħda għall-membri tal-Kunsill Parrokkjali (3 ta’ Ottubru 2007) u oħra għas-saċerdoti kollha (6 ta’ Ottubru 2007), fejn ġie ppreżentat il-Pjan Pastorali għal din is-sena. F’dawn iż-żewġ laqgħat l-Isqof Mario Grech għamel dan id-diskors orjentattiv fejn indika ċerti linji pastorali għad-Djoċesi.
NITLAQKOM F’IDEJN ALLA U L-KELMA TIEGĦU
“Nitlaqkom f’idejn Alla u l-Kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu” (Atti 20,32). Bl-istess kliem li bih Pawlu jsellem lill-presbiteri tal-Knisja f’Efesu, insellem lill-Knisja f’Għawdex, ippreżentata minnkom is-saċerdoti, reliġjużi u lajċi membri tal-Kunsilli Parrokkjali. Fil-bidu ta’ din is-sena pastorali, filwaqt li nipproponilkom il-Pjan Pastorali għal din is-sena, “nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu”.
Inkompli neżortakom biex “[t]itolbu ħafna biex il-Kelma t’Alla tiġri u tissaħħaħ” (2 Tess 3,1), u t-teżor tar-rivelazzjoni, fdat lill-Knisja, jimla dejjem aktar il-qlub tal-bnedmin” (Dei Verbum, 26). Għaliex jinħass il-bżonn li l-Kelma t’Alla “tiġri u tissaħħaħ” fil-familji, fit-toroq, fl-istituzzjonijiet tagħna, u xi drabi anke fl-ambjenti ekkleżjali tagħna! Fejn il-Kelma t’Alla hija nieqsa jew dgħajfa, hemm probabilità kbira li jkun hemm id-dlam, il-gidba u d-diżordni. Jekk irridu nkunu responsabbli tal-missjoni tagħna fil-Knisja u fid-dinja tal-lum, ma nistgħux nittolleraw li jkun hemm persuni u realtajiet temporali li jibqgħu sajmin mill-Kelma t’Alla. Lilna ġie afdat “it-teżor tar-Rivelazzjoni”. Huwa dmir tagħna li naħdmu bil-ġeġġa biex il-qlub tal-bnedmin jimtlew bi Kristu u l-Bxara t-Tajba tiegħu.
Il-Pjan Pastorali li qed nipproponu għal din is-sena jmiss punt nevralġiku tal-pastorali, u jesprimi tħassib fundamentali kemm tal-Knisja kollha kemm hi – tant li l-Papa jrid li s-Sinodu ta’ l-Isqfijiet li ser ikun iċċelebrat s-sena d-dieħla jkun dwar “Il-Kelma t’Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja”, – kif ukoll tal-Knisja lokali. Ix-xewqa tagħna hija li fix-xhur li ġejjin nagħmlu proposta/i li jgħinu lill-komunitajiet insara jgħixu il-primat tal-Kelma t’Alla, li hija l-fundament u l-għerq ta’ kull attività tal-Knisja.
Nara li l-ikona tad-dixxipli ta’ Għemmaws, li ispiratni bl-għażla tal-motto għall-ministeru episkopali – “in fractione panis”, tista’ tgħinna napprezzaw aktar il-valur tal-Kelma. Huwa minnu li wara l-esperjenza tal-qsim tal-ħobż, id-dixxipli sabu l-qawwa biex jirritornaw lejn Ġerusalemm u hemmhekk jagħtu l-aħbar tal-Qawmien, ikun hemm ir-ristabilizzazzjoni tal-komunità u proposta ġdida ta’ evanġelizzazzjoni. Però, dan il-mument ewkaristiku sewgit minn dak missjunarju, kien preċedut u mħejji minn esperjenza kontemplattiva dwar il-Kelma: “Ibqa magħna Mulej” – li nistgħu ninterpretawha bħala talba biex il-Mulej jibqa’ magħhom ifissrilhom l-Iskrittura! Forsi din hija l-ewwel talba u l-aktar talba kommoventi li tagħmel il-komunità ekkleżjali wara l-esperjenza ta’ l-Għid. “Ibqa magħna Mulej, fissrilna l-Kelma”. Din il-karba tikxef il-faqar, il-vojt u s-solitudni tal-bniedem li ma jafx il-Kelma! Iktar u iktar meta l-bniedem ikun fid-dlam – “ibqa magħna għax issa sar ħafna ħin”. Għalhekk, bit-talba tagħhom id-dixxipli qed jesprimu xewqa biex id-djalogu kollu tama ma’ Ġesù jitwal, biex l-esperjenza kontemplattiva tal-Mulej ma tiġix maqtugħa. M’huwiex il-każ li l-Knisja tagħna tagħmel din l-istess talba ħerqana lill-Mulej? L-għan tal-Pjan Pastorali huwa proprju biex insaħħu lil dawk li diġà daqu l-benna tal-kontemplazzjoni u ngħinu lil ħafna oħrajn jixxenqu għall-Kelma!
Kif kien bżonn għad-dixxipli ta’ Għemmaws li jisimgħu l-kelma ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt, hekk ukoll huwa urġenti li aħna niftħu moħħna u qalbna għall-istess għajn. X’effett ġabet il-Kelma fuq iż-żewġ dixxipli?
- Mingħalihom kienu “dixxipli” imma skoprew li ma kienux!
- Kienu konvinti li l-kontenut tal-fidi tagħhom kien sħiħ u korrett, imma sabu li kien nieqes u żbaljat.
- Il-proġetti tagħhom kienu proġetti tal-bnedmin u mhux ta’ Alla.
- Il-kunċett li kellhom ta’ “komunità ekkleżjali” kien imperfett, tant li x’ħin fettlilhom telqu lil sħabhom!
- Deherilhom li jistgħu jinfatmu minn ma’ “Pietru”.
Fir-rakkont tiegħu, San Luqa jattribwixxi l-bidla tal-qalb tad-dixxipli għat-tifsir li huma rċevew ta’ l-Iskrittua. Għalhekk huwa neċessarju għall-Knisja li tħabbar il-“Kelma”. Kif jgħallimna l-Konċilju Vatikan II, “jeħtieġ li l-predikazzjoni kollha tal-Knisja, bħar-reliġjon nisranija nnifisha, tieħu l-ikel tagħha u tkun regolata mill-Iskrittura Mqaddsa” (Dei Verbum, 26).
Il- Kardinal Newman fl-istemma tiegħu kellu: “Cor ad cor loquitur” – il-qalb tkellem lill-qalb. X’aktarx li din l-espressjoni Newman ħadha minn ittra li kiteb San Franġisk de Sales dwar il-predikazzjoni, fejn jgħid li s-Santi Padri huma mudell tal-predikazzjoni, li la għandha tkun intellettwaliżmu u anqas sensazzjonaliżmu, imma komunikazzjoni interpersonali li toħroġ mill-interjorità tal-predikatur li fih jgħammar Alla u hekk tilħaq il-qlub ta’ dawk li jisimgħuh – għalhekk cor ad cor loquitur! Imbagħad hemm min ta interpretazzjoni oħra lil dan il-vers: li biex il-qalb tal-predikatur tkellem lill-qalb ta’ min jisimgħu, il-qalb tal-predikatur qabel trid titkellem mal-“qalb” t’Alla!
San Franġisk de Sales jistieden lill-predikatur biex iħejji ruħu b’dan il-mod: “Che tu stesso abbia assimilato a fondo e sia pienamente persuaso della dottrina della quale vuoi persuadere gli altri. Il massimo artificio sara l’assenza dell’artificio” B’din l-aħħar frażi, id-duttur isqof ta’ Ġeneva ried ifisser li l-vera retorika hija meta r-retorika tgħib għax il-kelma tal-predikatur tesprimi biss dak li hu jkun interjorizza, dak li jkun għamel tiegħu f’qalbu, dak li hu jkun għamel esperjenza tiegħu! San Franġisk de Sales ikompli jippreċiża li “le tue parole s’infiammino non di esegerati clamori e gesticolazioni, ma di intimo affetto, e sgorghino dal cuore più che dalla bocca”.
Dak li jingħad dwar il-predikaturi, japplika perfettament għall-operaturi pastorali l-oħra li l-Knisja qed tafdalhom il- ministeru tal-Kelma – fost dawn insemmu l-katekisti, letturi, animaturi tal-komunitajiet jew gruppi, eċċ.
Il-komunitajiet tagħna hemm bżonn li jikkonvertu, fis-sens li jgħaddu mill-istadju attwali, fejn ħafna drabi għandna komunitajiet li jikkonservaw il-fidi tradizzjonali, għal stadju ieħor, fejn il-komunità xxandar fidi li xi drabi nsejniha jekk mhux ukoll mhix magħrufa. Huwa minnu li għadha sinifikattiva l-frekwenza għat-tqarbin u s-sagramenti. Huwa veru ukoll li n-nies tagħna fil-parti l-kbira tagħhom għadhom iridu li l-mumenti l-aktar importanti ta’ ħajjithom (magħmudija, l-ewwel tqarbina, griżma ta’ l-isqof, żwieġ u funeral) jiġu ċċelebrati fil-bini tal-knisja. Imma dan għandu futur? L-adolexxenti u ż-żgħażagħ, li kuntrarjament għall-adulti li għadhom jitolbu s-sagramenti, għandhom rabta dgħajfa mal-komunità parrokkjali, dawn ser jibqgħu jagħtu importanza lis-sagramenti? (Għalhekk, jagħmel sens li anke din is-sena nkomplu naħdmu fuq il-linji u l-għanijiet proposti mill-Pjan Pastorali tas-sena l-oħra li kien jiffoka fuq il-pastorali ma’ l-adolexxenti!). Barra minn dan, mad-doża ta’ xettiċiżmu u materjaliżmu, nistgħu nittolleraw jew f’xi każi mmexxu mewġa ta’ anti-knisja u anti klerikaliżmu?
Huwa urġenti li nqegħdu fiċ-ċentru ta’ l-attività pastorali tagħna it-tħabbira ta’ l-Evanġelju li għandha qawwa tqajjem il-fidi. Fides ex auditu; auditus autem per verbum Christi. Ladarba l-fidi hija r-risposta tal-bniedem lil Alla, biex titnissel il-fidi hija meħtieġa l-laqgħa tal-bniedem mal-Kelma t’Alla. Dan iseħ jekk ikun hemm it-tħabbira ekkleżjali.
Normalment ninkwetaw meta jkollna nnaqsu xi quddiesa mill-parroċċa jew meta ma jirnexxilniex norganizzaw xi purċissjoni; imma rari niltaqa’ ma’ individwi, saċerdoti jew lajċi, li jesprimu t-tħassib tagħhom għax hija nieqsa t-tħabbira. Dan huwa sinjal ċar li l-komunitajiet tagħna għadhom marbutin ma’ pastorali sagramentali! Din mhix ħaġa ħażina fiha nnifisha, imma pastoralment mhix suffiċjenti u teżigi bidla ta’ mentalità fil-poplu t’Alla u bidla ta’ attiduni fl-operaturi pastorali. Għalhekk qatt ma hu biżżejjed li nitkellmu dwar il-formazzjoni permanenti ta’ dawn ta’ l-aħħar.
Fir-rigward tas-saċerdoti anke din is-sena ser inkomplu bil-laqgħat ta’ formazzjoni kemm fuq livell djoċesan kif ukoll fuq livell ta’ żoni. L-esperjenza ta “lectio divina” għas-saċerdoti li għamlu xi presbiteria parrokkjali s-sena li għaddiet tajjeb li ssib segwitu. Nixtieq li jkun hemm aktar parteċipazzjoni fl-eżerċizzi spiritwali li torganizza d-Djoċesi. Għandna x-xewqa li darba fis-sena norganizzaw kors ta’ gġġornament teoloġiku-pastorali għas-saċerdoti.
L-esperjenza turina li fejn hemm lajċi ffurmati u mkissrin fil-Kelma t’Alla, dawn joffru għajnuna imprezzabli lir-rgħajja ta’ l-erwieħ u setgħu jiġu afdati b’ministeri. Għalhekk, filwaqt li nissuktaw noffrulhom formazzjoni nisranija, partikularment permezz ta’ l-Għaqdiet ta’ l-Apostolat u gruppi ekkleżjali oħra, din is-sena d-Djoċesi tagħna ser tinawgura “Skola tal-Ministeri”, bil-ħsieb li fuq medda ta’ erba’ snin tindirizza erba’ ministeri speċifiċi: il-katekezi, il-liturġija, id-djakonija, u l-ministeru tal-familja. F’linja mal-Pjan Pastorali ta’ din is-sena, dan ix-xahar stess ser jibda kors ftit intensiv għall-katekisti tat-tfal u l-adolexxenti.
Filwaqt li l-istess esperjenza fil-komunità parrokkjali partikulari tista’ tindika liema inizjattivi ta’ katekezi wieħed għandu jieħu biex “Inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”, hemm ċerti proposti li tajjeb li naħdmu fuqhom ilkoll flimkien:
(a) iċ-ċelebrazzjoni liturġika li dejjem tinkludi il-liturġija tal-Kelma. Fil-kamp liturġiku hemm ħafna spazju fejn nistgħu nagħmlu avvanzi. Pastoralment jista’ jgħin ħafna jekk fil-quddiesa s-saċerdot jagħmel ħsieb qasir fuq il-Qari – almenu fiżk-żminijiet qawwija tas-sena liturġika!
(b) Nitolbu flimkien, saċerdoti u lajċi, bis-Salterju – mhux biss f’Jum il-Mulej imma wkoll fil-jiem ferjali. Tkun ħafna sinifikattiva jekk fil-komunità parrokkjali jkollna grupp ta’ persuni li jiltaqgħu kuljum għat-Tifhir tas-Sbiħ il-Jum jew għall- Għasar.
(ċ) Inkomplu nsostnu u noħolqu gruppi ta’ adulti, possibilment koppji, li jiltaqgħu regolarment madwar il-Kelma t’Alla. Dawn jistgħu jitfasslu fuq il-linji tal-Komunitajiet Ewkaristiċi, gruppi ta’ lectio divina, jew Katekeżi biblika.
(d) Filwaqt li nivvalorizzaw aktar l-irtiri spiritwali, niftħu d-djar ta l-irtiri li għandna fid-djoċesi għad-diversi kategoriji.
Filwaqt li nirringrazzja lilkom saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi għall-kollaborazzjoni tagħkom fit-twettiq tal-Pjan Pastorali, nitlob lil Marija ta’ Nazaret, il-mara li semgħet u laqgħet il-Kelma, biex takkumpanjana fit-triq li għandna quddiemna.