Archive for the 'Messages' Category

IV Convention - MALTESE LIVING ABROAD

Message by H.L. Bishop Mario Grech
20 April 2015

MALTESE EMIGRANTS: AMBASSADORS OF RARE HUMANITY

Dear brothers and sisters,

The occasion that bring us here together in this Eucharistic sacrifice reminds me of the words of Psalm 133: “Behold, how good and how pleasant it is for brothers to dwell together in unity!” (Ps 133,1). As we reflect upon the new perspectives and challenges of the Maltese communities around the globe, faith enlightens us about the roots of our identity as human beings: before belonging to a particular community or nation, we are all children of the One and True God. We all belong to the same human family. And in this sense, while geographically we may be distant from our native country, spiritually we are always at home as long as God dwells in our hearts.

Continue reading >>

It-Traġedji tal-Immigranti fil-Mediterran

immigration.jpgStqarrija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech
Waqt il-Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla li sar illeja fil-Parroċċa tal-Għasri

Bir-raġun l-aħbar tal-qerda ta’ tant mijiet ta’ immigranti fil-baħar ta’ madwarna tħarbtilna s-serenità interjuri tagħna.  It-traġedja umana tal-lum tnissel fina dispjaċir u rabja fl-istess ħin.  Filwaqt li nuru solidarjetà ma’ dawk il-familji li llum jinsabu f’luttu għat-telfa ta’ dawk li fil-vjaġġ tagħhom mimli tamiet għall-ħajja futura sabu ruħhom midfuna fil-baħar, niddeploraw kull xorta ta’ negozju li qed isir f’din is-saga ta’ traffikar ta’ persuni; fl-istess ħin nesprimu d-delużjoni tagħna għall-indifferenza grassa li qed turi l-komunità politika Ewropea u internazzjonali.

Dak li qed jiġri fil-Mediterran huwa massakru tal-massa u jagħmel għajb liċ-ċiviltà umana.  Id-dnubiet tal-ommissjoni huma gravi daqs id-dnubiet ta’ min qed jorganizza dawn it-traġitti tal-mewt.  F’isem il-komunità Nisranija f’Għawdex nagħmel appell imqanqal mhux tant lill-Ewropa, li issa tat prova ta’ kemm hija għajjiena u defiċjenti, imma lill-komunità internazzjonali, preċiżament lill-Ġnus Magħquda, għaliex issa din id-dramma umana ħadet żvolta qawwija għall-agħar.

Irrid nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn l-Awtoritajiet Ċivili tagħna għall-impenn tagħhom f’dan il-qasam u nsellem lill-ħaddiema impenjati f’ħidma ta’ salvataġġ, anki jekk xi drabi dan jinvolvi riskji kbar.

OASI FAMILY FEST

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech

oasi-2.jpgNifraħ lill-OASI għall-attività li tellgħet nħar il-Ħadd li għadda b’riżq il-familji tagħna.  Fil-messaġġ tiegħi għamilt appell biex illum, meta ħadd ma għandu ħin għal ħadd, tkun ħaġa sabiħa li l-familja tagħmel il-ħin għaliha.  Meta tgħaddi l-ħin flimkien, il-familja tapprezza d-djalogu, l-ikel, ir-rikreazzjoni, it-talb, u l-bqija.  Importanti li l-ekonomija ma  tisraqx il-ħin tal-familja.  Huwa minnu li l-ħin jiswa l-flus; imma l-esperjenza tixhed li meta l-familja ssagrifikat il-ħin tagħha, il-ġerħat li ġarrbet ġew jiswewlha ħafna aktar.

Messaġġ f’Jum il-Mara

Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem
Il-Ħadd 8 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

san-girgor-2015.jpg

Illum irrid insellem lil ħutna n-nisa kollha.  Aħna għandna napprezzawhom għal dak li huma u mhux ghal dak li jistgħu jagħtu.  Hija ħasra li fis-soċjetà hemm min iħares lejn il-mara mill-lenti tal-liġi tas-suq fejn il-kriterji li nużaw biex inkejlu kemm tiswa l-mara huma l-kriterji tan-negozju.  Spiss jiġri li meta tiġi biex “tiżen” is-sehem tal-mara, is-soċjetà tuża l-“miżien tan-negozju” u l-valur jiġi jiddependi minn kemm hemm qligħ mill-oġġett attwalment.  Din l-attitudni tiftaħ it-triq għall-isfruttament tal-persuna f’diversi oqsma tal-ħajja.  Kull mossa biex tirrendi l-persuna “oġġett” hija żbaljata għax tneżża’ lill-bniedem mid-dinjità.  Il-ġenju tal-mara huwa imprezzabli, għax dak li tista’ toffri l-mara bil-preżenza tagħha fil-familja, fis-soċjetà u fil-Knisja huwa insostitwibbli.  Is-soċjetà qatt ma tista’ tikkwantifika jew tħallas lura għad-differenza li l-mara tagħmel bil-preżenza tagħha.

Ftuħ ta’ Ċentru Ċiviku f’Ta’ Kerċem

Messaġġ fil-Ftuħ taċ-Ċentru Ċiviku f’Ta’ Kerċem
Ċentru Ċiviku, Ta’ Kerċem, Għawdex
Il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NGĦOŻŻU L-KOMUNJONI

ftuh-centru-civiku-4.jpg

Irrodd ħajr lil Alla għal dawk kollha hawn ippreżentati minnek, Sur Sindku, li matul is-snin ħadmu biex illum qed jiġi inawgurat dan iċ-Ċentru Ċiviku f’din il-lokalità.  Għalija dan iċ-Ċentru Ċiviku huwa strument ieħor biex tissaħħaħ l-għaqda kemm f’din il-komunità u kemm fi ċrieki aktar wesgħin, bħalma hija l-komunità fil-gżira Għawdxija u l-komunità nazzjonali.

Imma kulħadd huwa konxju kemm hu diffiċli li tibni l-komunjoni, anki fil-familja.  Jikkontribwixxi biex jibni l-għaqda min għandu xatba fuq fommu u ma jħallix lil ilsienu jikkmandah, u għalhekk jgħasses fuqu nnifsu biex ma jgħidx kliem żejjed.  Ħafna drabi, biex wieħed iżomm l-għaqda, jagħżel li ma jirribattix anki meta jingħad kliem mhux veru u offensiv; iz-zekzik huwa kankru tal-komunjoni.  Inkunu naħdmu għall-għaqda jekk infittxu dawk l-elementi li jgħaqqduna u mhux billi nenfasizzaw dawk li jiddistingwuna minn xulxin!

Nitlob lil Alla jbierek dan iċ-Ċentru Ċiviku u lill-Kunsill Lokali għal din l-inizjattiva billi jagħtina d-don tal-komunjoni.

Solidali mal-Isqof Silvestru Magro

Messaġġ mill-Isqof Mario Grech
isqof-magro-u-isqof-grech.jpgIlbieraħ, it-Tlieta 24 ta’ Frar 2015, għamilt żjara lill-Isqof Silvestru Magro ofm biex infissirlu dak li ħafna minna jixtiequ jgħidulu: li nammirawh għad-dedikazzjoni tiegħu lejn il-merħla li Ġesù afdalu fil-kura pastorali tiegħu. Meta qegħdin insegwu dak li qed iseħħ fil-pajjiz ġar tagħna l-Libja, nappella biex inwieżnu bit-talb u bl-imħabba lill-poplu ta’ dan il-pajjiz, partikularment lill-isqfijiet, lir-reliġjużi,lill-Insara u lill-vittmi tal-ġlied.

Preżentazzjoni tat-Trabi lil Sidtna Marija Ta’ Pinu

Messaġġ lill-Ġenituri

Is-Sibt 7 ta’ Frar 2015
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

prezentazzjoni-trabi-u-tfal-ta-pinu-2015.jpg


Nifraħ nara daqshekk ġenituri bi wliedkom biex tippreżentawhom lil Ġesù minn idejn l-Omm tagħna Ta’ Pinu.  Nifhem ir-raġuni għaliex tixtiequ tqiegħdu lil uliedkom taħt il-ħarsien ta’ Ġesù, l-aktar meta nikkunsidra l-missjoni delikata li għandkom bħala edukaturi ta’ wliedkom.

Qawl Afrikan jgħid li hemm bżonn ta’ raħal sħiħ biex teduka tifel, fis-sens li huma diversi l-persuni u l-istituzzjonijiet li jgħinu fil-formazzjoni tal-persuna.  Billi l-ġenituri jibqgħu l-ewwel u l-aqwa edukaturi ta’ wliedhom, huwa dmir u dritt tagħhom li jaraw li wliedhom jirċievu edukazzjoni skont il-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tagħhom.  Ħadd ma jiddubita mis-sehem indispensabbli ta’ dawk l-aġenziji bħalma huma l-iskejjel, gruppi kulturali u sportivi, li jgħinu fl-edukazzjoni tal-ulied; imma dawn jibqgħu għajnuna sussidjarja għall-ġenituri u qatt ma jistgħu jieħdu posthom.  Il-ħidma edukattiva meqjusa li joffru l-ġenituri u l-aġenziji l-oħra tgħin biex l-ulied jikbru fiż-żmien, fl-għerf u l-grazzja.

Messaġġ tal-Milied tal-Isqof Mons. Mario Grech

Iftaħ din il-link: https://vimeo.com/115558184