Preżentazzjoni tat-Trabi lil Sidtna Marija Ta’ Pinu

Messaġġ lill-Ġenituri

Is-Sibt 7 ta’ Frar 2015
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

prezentazzjoni-trabi-u-tfal-ta-pinu-2015.jpg


Nifraħ nara daqshekk ġenituri bi wliedkom biex tippreżentawhom lil Ġesù minn idejn l-Omm tagħna Ta’ Pinu.  Nifhem ir-raġuni għaliex tixtiequ tqiegħdu lil uliedkom taħt il-ħarsien ta’ Ġesù, l-aktar meta nikkunsidra l-missjoni delikata li għandkom bħala edukaturi ta’ wliedkom.

Qawl Afrikan jgħid li hemm bżonn ta’ raħal sħiħ biex teduka tifel, fis-sens li huma diversi l-persuni u l-istituzzjonijiet li jgħinu fil-formazzjoni tal-persuna.  Billi l-ġenituri jibqgħu l-ewwel u l-aqwa edukaturi ta’ wliedhom, huwa dmir u dritt tagħhom li jaraw li wliedhom jirċievu edukazzjoni skont il-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tagħhom.  Ħadd ma jiddubita mis-sehem indispensabbli ta’ dawk l-aġenziji bħalma huma l-iskejjel, gruppi kulturali u sportivi, li jgħinu fl-edukazzjoni tal-ulied; imma dawn jibqgħu għajnuna sussidjarja għall-ġenituri u qatt ma jistgħu jieħdu posthom.  Il-ħidma edukattiva meqjusa li joffru l-ġenituri u l-aġenziji l-oħra tgħin biex l-ulied jikbru fiż-żmien, fl-għerf u l-grazzja.