- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

It-Traġedji tal-Immigranti fil-Mediterran

Posted By admin On April 20, 2015 @ 9:44 am In Messages | Comments Disabled

immigration.jpgStqarrija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech
Waqt il-Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla li sar illeja fil-Parroċċa tal-Għasri

Bir-raġun l-aħbar tal-qerda ta’ tant mijiet ta’ immigranti fil-baħar ta’ madwarna tħarbtilna s-serenità interjuri tagħna.  It-traġedja umana tal-lum tnissel fina dispjaċir u rabja fl-istess ħin.  Filwaqt li nuru solidarjetà ma’ dawk il-familji li llum jinsabu f’luttu għat-telfa ta’ dawk li fil-vjaġġ tagħhom mimli tamiet għall-ħajja futura sabu ruħhom midfuna fil-baħar, niddeploraw kull xorta ta’ negozju li qed isir f’din is-saga ta’ traffikar ta’ persuni; fl-istess ħin nesprimu d-delużjoni tagħna għall-indifferenza grassa li qed turi l-komunità politika Ewropea u internazzjonali.

Dak li qed jiġri fil-Mediterran huwa massakru tal-massa u jagħmel għajb liċ-ċiviltà umana.  Id-dnubiet tal-ommissjoni huma gravi daqs id-dnubiet ta’ min qed jorganizza dawn it-traġitti tal-mewt.  F’isem il-komunità Nisranija f’Għawdex nagħmel appell imqanqal mhux tant lill-Ewropa, li issa tat prova ta’ kemm hija għajjiena u defiċjenti, imma lill-komunità internazzjonali, preċiżament lill-Ġnus Magħquda, għaliex issa din id-dramma umana ħadet żvolta qawwija għall-agħar.

Irrid nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn l-Awtoritajiet Ċivili tagħna għall-impenn tagħhom f’dan il-qasam u nsellem lill-ħaddiema impenjati f’ħidma ta’ salvataġġ, anki jekk xi drabi dan jinvolvi riskji kbar.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/04/20/it-tragedji-tal-immigranti-fil-mediterran/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.