Archive for the '2001' Category

Ċirkulari 409/2001 (28 ta’ Novembru 2001)

Nru. 409/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Hija xewqa ħerqana tal-Missier tagħna l-Papa, li nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Diċembru, 2001 fil-Knisja Kattolika tinżamm bħala ġurnata ta’ talb speċjali għall-Paċi.  Huwa jixtieq li f’dan il-jum mhux biss isir talb, iżda wkoll xi għemil ta’ penitenza u tingħata karità, sabiex naqilgħu minn għand Alla l-għajnuna u l-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza ta’ kull għamla li jitwettqu f’diversi nħawi tad-dinja, il-konverżjoni ta’ dawk li huma responsabbli għall-atti ta’ vjolenza u l-paċi vera u dejjiema ma’ kullimkien.

Nirrikmandawlkom għalhekk li fid-dioċesi tagħna fl-14 ta’ Diċembru ssir il-Quddiesa għall-paċi fid-dinja (ara Is-Sagramentarju Malti, p. 905-906 jew  Ċelebrazzjoni għall-Paċi fid-dinja, 1 ta’ Diċembru 1989 – kopja ta’ din tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju Liturġiku tal-Kurja). Fl-istess jum għandha  tinżamm ukoll ġurnata adorazzjoni .  Nistieden lil dawk li jistgħu jsumu biex f’dan il-jum jagħmlu ġurnata sawma jew xi att ta’ penitenza oħra.  Nixtieq anke li jintbgħatu offerti lir-Respite Centre, Arka Foundation, ta’ Għajnsielem biex ikun jista’ jkompli l-missjoni fejjieda tiegħu.

Alla tas-sliem jseddaqkom f’kollox u jimliekom b’kull barka.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  28 ta’ Novembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 408/2001 (2 ta’ Novembru 2001)

Nru. 408/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Minn qalbi nrodd ħajr lil Alla li tani l-grazzja li għal darb’oħra nieħu sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet, fl-għaxar Assemblea Ġenerali tiegħu li bdiet fil-Vatikan fit-30 ta’ Settembru, 2001 u għalqet fis-27 ta’ Ottubru.  Nirringrazzja wkoll lilkom għat-talb li għamiltu għalija u għas-suċċess tas-Sinodu, kif kont stedinkom fiċ-ċirkulari (407ċ2001) tal-25 ta’ Settembru li għadda. Sadattant il-messaġġ tal-isqfijiet li ħadu sehem fis-Sinodu għandu jiġi ppublikat fl-Atti tal-Kurja biex jasal ukoll f’idejkom. Nittamaw li bl-interċessjoni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li għandha irrikorrejna matul Ottubru bit-talba tar-Rużarju, il-Mulej joħroġ mis-Sinodu frott kotran għad-Djoċesi tagħna u għall-Knisja universali.

Qegħdin issa fix-xahar ta’ Novembru, li matulu, skond drawwa antika tal-Knisja, inżuru ċ-ċimiterji u nagħmlu talb speċjali għall-erwieħ tal-Purgatorju.  Ninqeda b’din l-okkażjoni biex inħajjarkom toffru suffraġju għalihom bis-sagrifiċċju tal-Quddiesa, bit-talb, bil-karità u b’kull mezz ieħor, kif tirrikmandalna l-Knisja.

Huwa dmir tagħna wkoll li niftakru fit-talb tagħna f’dawk li ġew maħsudin ħesrem bil-minġel tal-mewt, bħal ma huma dawk li ntlaqtu b’mewt għal għarrieda ħaġa li tiġri ta’ spiss u din l-aħbar iġġibilna swied il-qalb. Ta min isemmi hawnhekk l-inċidenti serji tat-traffiku, għax dawn ukoll iħallu l-vittmi tagħhom meta xi ħadd jindarab b’mod gravi jew jisfa’ maqtul, minħabba xi ħabta jew żball fis-sewqan.

Fuq din il-problema, jiena kont ktibt ċirkulari oħra, xi snin ilu, cioè fis-16 ta’ Novembru, 1996 (Ċirkulari nru. 347ċ96).  Fiha fost l-oħrajn kont għidt kelma ta’ twissija “lis-sewwieqa kollha, sabiex jagħrfu sewwa d-dmir li għandhom fil-kuxjenza, li jużaw kontinwament l-għaqal u l-prudenza biex jevitaw kull azzjoni u kull omissjoni fis-sewqan li tista’ tipperikola l-ħajja ta’ l-oħrajn jew tagħhom infushom.” Dan id-dmir ġej mhux biss mil-liġi ċivili, u għalhekk huwa reat ċertu sewqan bla rażan, iżda d-dmir ġej ukoll mil-liġi ta’ Alla li tgħidilna: “La toqtolx”, cioè irrispetta l-ħajja tiegħek u ta’ ħaddieħor.  Iżda milli jidher minn dak iż-żmien sal-lum l-inċidenti fuq it-toroq ma naqsux, imma saru iktar frekwenti u serji.

Wara konsultazzjoni xierqa, ħsibt li nibdew inżommu fid-Djoċesi tagħna Jum il-Vittmi tat-Traffiku.  Dan bil-għan li nqanqlu kuxjenza dwar is-sewqan, sabiex kemm is-sewwieqa kif ukoll dawk li jimxu fit-triq jiftħu għajnejhom u jevitaw il-ħsarat u t-telfiet li jistgħu jiġru.  Nixtieq ukoll li f’dan il-jum, kif ukoll matul is-sena kollha jsir talb u suffraġġi oħra għall-vittmi ta’ l-inċidenti stradali, speċjalment dawk li ħallew din id-dinja.

Ser niċċelebraw quddiesa b’din l-intenzjoni fil-Bażilka ta’ Pinu u nistieden lil kulħadd, speċjalment il-qraba ta’ dawk li mietu f’inċidenti stradali, sabiex jieħdu sehem u jitolbu għall-għeżież tagħhom.  Il-Jum il-Vittmi tat-Traffiku ser jinżamm f’Għawdex nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Novembru,  2001, u l-motto għas-sena ser ikun “Wara l-mewt, l-eternità.”

Nirrikmandakom lil Alla, biex jieqaf magħkom, iħariskom minn kull periklu, u jsawwab fuqkom il-Barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  2 ta’ Novembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 407/2001 (25 ta’ Settembru 2001)

Nru. 407/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet għal darba oħra ser jiltaqa’ fil-Vatikan biex jiddiskutu dwar il-ministeru ta’ l-Isqof fil-Knisja u fid-dinja ta’ llum. Din hija l-għaxar Assemblea Ġenerali Ordinarja tiegħu. Ser jinfetaħ fit-30 ta’ Settembru u jagħlaq fl-aħħar ġranert tax-xahar ta’ wara. Is-suġġett tiegħu ser ikun: “L-Isqof qaddej tal-Vanġelu ta’ Ġesu Kristu għat-tama tad-dinja.”

Nixtieq ukoll ngħarrafkom li jiena ġejt magħżul bħala delegat tal-Konferenza Episkopali Maltija u għalhekk bi ħsiebni nieħu sehem fil-laqgħat ta’ dan is-Sinodu.

Huwa mistenni li mis-Sinodu joħroġ frott ta’ ġid spiritwali għall kull djoċesi u għall-Knisja Universali. Ta’ min iżid jgħid ukoll li s-suġġett ta’ din id-darba huwa interessanti ħafna għaliex żgur jixħet dawk ġdid fuq ir-rwol ta’ l-Isqof u l-impenn tiegħu għal bini tas-Saltna ta’ Kristu.

Nirrikmandalkom għalhekk li f’dawn il-ġranet titolbu għas-suċċess tal-laqgħat tas-Sinodu u titolbu għalija wkoll biex il-Mulej jieqaf miegħi f’din il-ħidma.

Ninqeda b’din l-okkażjoni biex infakkarkom fid-devozzjonijiet tax-xahar ta’ Ottubru u nħeġġiġkom tgħidu r-Rużarju Mqaddes. Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka nitolbu l-Mulej jbiegħed minna u mid-dinja l-perikli tal-gwerra u niftakru wkoll fit-talb tagħna fil-vittmi tal-istraġi ta’ New York, li ġrat ftit żmien ilu.

Il-Mulej Alla jżommna lkoll taħt il-ħarsien tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 25 ta’ Settembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 406/2001 ( 8 ta’ Settembru 2001)

Nru. 406/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Jista’ jiġri li fis-sajf, waqt li nkunu aljenati fil-mistrieħ tal-vaganzi tagħna ma nintebhux b’ċerti ġrajjiet importanti għall-ħajja tal-Knisja li jseħħu f’dak il-perjodu.

Dan nistgħu ngħiduh dwar il-laqgħa Internazjonali bit-tema ta’ Le Frontiere del Dialogo ta’ rappreżentanti tar-Reliġjonijiet differenti li nżammet f’Barċellona fi Spanja, recentament cioe’ fil-ġranet 2-4 ta’ Setembru 2001.

Il-ħidma sabiex dawk kollha li jemmnu f’Alla jersqu iktar lejn xulxin u jaħdmu flimkien saret iktar intensa matul is-seklu li għadda.  Wieħed mid-Digrieti tal-Konċilju Vatikan II huwa dedikat proprju għal din il-problema “Nostra Aetate”.

Barra mill-moviment ekumeniku imsemmi fid-Digriet Unitatis Redintegratio li jħabrek għall-għaqda ta’ insara kollha, cioe’ ta’ dawk li huma mgħammdin u jemmnu fi Kristu, hemm wkoll l-impenn ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed li għalenija jaħdmu sabiex fid-dinja jkun hawn iżjed ġustizzja, rispett reċiproku, fraternita, solidarjeta u paċi.  Hija minn  ta’ quddiem f’dan il-kamp, il-Komunità ta’ Sant’Eġidju ta’ Ruma li organizzat l-inkontru internazjonali li semmejna.

Fost ħwejjeġ oħra id-Digriet Nostra Aetate(nru.2) jafferma li: “Il-Knisja tħeġġeġ lil uliedha biex, waqt li jkunu xhieda tal-fidi u tal-ħajja nisranija, jagħrfu, iħarsu u jġibu ‘l quddiem dawk il-valuri spiritwali, morali u soċju-kulturali li jinsabu fost il-membri tar-reliġjonijiet l-oħra u dan jagħmluh bi prudenza u bl-imħabba, permezz tad-djalogu u tal-ħidma flimkien magħhom.”

Jixraq li ż-żewġ digrieti konċiljari   Unitatis redintegratio u Nostra Aetate jkunu magħrufin aħjar mill-insara tagħna speċjalemnt il-membri tal-Għaqdiet kattoliċi. Għandha tkun ħafna għall-qalbna il-kawża ta’ l-unità fost il-knejjes insara u d-djalogu fost ir-reliġjonijiet, sabiex l-ekumeniżmu jimxi dejjem iktar ‘l quddiem u jissaħħaħ kif hija x-xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II imfissra diversi drabi u b’ħafna modi matul il-pontifikat tiegħu.

Bl-interċessjoni tal-Omm tagħna Marija Santissima, l-Mulej Alla jsawwab fuqkom kotra ta’ grazzji.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  8 ta’ Settembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 405/2001 (11 ta’ Lulju 2001)

Nru. 405/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nhar it-Tnejn, 16 ta’ Lulju 2001 nagħmlu t-tifkira tal-Verġni Mqaddsa tal-Karmnu.  Din ir-rikorrenza għandha tifsira speċjali din is-sena, għaliex l-Ordnijiet Karmelitani qegħdin jiċċelebraw bħala Sena Marjana 2001 biex ifakkru is-750 anniversarju mill-għoti tal-Labtu tal-Madonna.  Fl-ittra tal-25 ta’ Marzu li għadda, il-Papa Ġwanni Pawlu II wera x-xewqa li l-insara devoti tal-Madonna tal-Karmnu, “din is-Sena Marjana tgħinhom jikbru fl-imħabba tagħha u jwasslu fid-dinja l-prezenza ta’ din il-Mara tas-skiet u tat-talb, li aħna nqimuha bħala Omm il-Ħniena, Omm it-tama u l-grazzja.

Ninqeda b’din l-okkażjoni biex ngħarrafkom, li l-urna bil-fdalijiet tal-Beatu Nazju Falzon, għad li ma kienx possibli, li tinġab f’Għawdex fix-xahar ta’ Ġunju, kif kien intqal f’ċirkolari preċedenti, imma f’dawn il-ġranet qegħda iżżur waħda wara l-oħra l-parroċċi tagħna fejn tinżamm ukoll għall-jum sħiħ.  Nirrikmanda li din ir-relikwija għażiża tiġi milqugħa bil-qima kollha li jixirqilha u hekk tkun mezz qawwi ħalli tnissel u tkattar fostna d-devozzjoni lejn il-Beatu l-ġdid.

Bl-interċessjoni tal-Omm tagħna Marija Santissima u tal-Beati tas-sema, l-Mulej Alla jsawwab fuqkom bil-kotra l-grazzi tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  11 ta’ Lulju 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 403/2001 (5 ta’ Mejju 2001)

Nru. 403/2001

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara

Nixtieq inwaslilkom xi direttivi oħra li ġew mogħtija mill-organizzaturi taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’pajjiżna fil-jiem ta’ 8 u 9 ta’ Mejju 2001.

1. Kulħadd huwa mistieden u mħeġġeġ sabiex jieħu sehem fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni. Minħabba li l-funzjoni fuq il-Fosos ser tibda fit-8.15 a.m., huwa mitlub li l-Quddies fil-knejjes, għal dak inhar fil-għodu jieqaf kmieni sabiex min m’għandux l-opportunità li jieħu sehem fil-funzjoni, jkun liberu li għall-inqas isegwi l-funzjoni fuq ir-radju jew televiżjoni.

2. Waqt li tkun għaddejja l-karozza tal-Papa, ma għandhomx jitwaddbu lejha, la fjuri u l-anqas ebda ħaġa oħra.

3. Is-saċerdoti konċelebranti - ħlief fil-kas li xi individwu għandu struzzjoni partikolari - għandhom ikunu fi-knisja parrokkjali ta’ San Publiju mhux aktar tard mit-8.00 a.m. għaliex fit-8.15 tibda ħierġa l-purċissjoni għall-Quddiesa. Ħadd ma jkun jista’ jieħu sehem fil-Konċelebrazzjoni wara li jingħalaq il-bieb tal-knisja ta’ San Publiju. Is-saċerdoti għandhom iġibu biss alba mingħajr bizzilla u ċ-ċinglu. L-istola tingħatalhom miċ-ċeremonier u wara tinżamm bħala rigal ta’ Monsinjur Arċisqof b’tifkira ta’ din l-okkażjoni.

4. Għandhom jittajru l-bnadar fuq il-Knejjes Parrokkjali, tar-Reliġjużi u fuq il-knejjes l-oħra bħal fil-festa titulari.

5. L-istess knejjes għandhom possibilment jixgħelu l-faċċata u l-koppla nhar it-tlieta, u l-Erbgħa, 8 u 9 ta’ Mejju, minn inżul ix-xemx sal-11.00p.m.

6. Rigward id-daqq tal-qniepen tindaqq mota ta’ kwarta, mis-2.00 p.m. sas-2.15 p.m., nhar it-Tlieta, 8 ta’ Mejju, mal-wasla tal-Papa f’Malta. B’radd il-ħajr lil Alla tindaqq mota oħra ta’ kwarta, minn nofsinhar sal-12.15 p.m., nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Mejju 2001.

Maħruġa mill-Kurja ta’ l-Isqof t’Għawdex, Victoria, illum 5 ta’ Mejju 2001.

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

Mons. Giovanni B. Gauci
Vigarju Ġenerali

Ċirkulari 402/2001 (23 t’ April 2001)

Nru. 402/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Waslitilna nformazjoni li għada t-tlieta, 24 t’April 2001 il-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II għandu jiffirma d-Digrieti dwar iż-żewġ każijiet ta’ fejqan mirakuluż li seħħu bl-interċesjoni tal-Venerabbli Kjeriku Nazju Falzon u tas-Soru Benedittina l-Venerabbli Adeodata Pisani u hekk infetħet it-triq li twassal għall-beatifikazzjoni tagħhom.

Waqt li nistiedinkom troddu ħajr lil Alla li ta din il-grazzja hekk sabieħa lil pajjiżna, sabiex nesprimu l-ferħ tagħna, irrid li dan li ġej isir f’kull parroċċa:

1.    Tindaqq mota ta’ kwarta, għada it-tlieta 24 ta’ dan, f’nofs inhar.
2.    Minn inżul ix-xemx sal-ħdax ta’ bil-lejl ta’ l-istess jum jinxtelgħu l-fontispizju jew faċċata tal-knejjes.
3.    F’xi ġurnata, li jagħżel il-kappillan issir Quddiesa ta’ radd il-ħajr.
4.    Nhar il-Ħamis 26 tax-xahar jew xi ġurnata oħra kif jiddeċiedi l-kappillan ssir l-Ora Santa cioè ikun hemm xi ħin ta’ adorazzjoni ewkaristika

Il-Mulej iberikhom ilkoll .

            Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum 23 t’ April 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 401/2001 (17 t’ April 2001)

Nru. 401/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara

Nixtieq nfakkarkom li nhar il-Ħadd 29 t’April 2001 għandu jsir it-tminja u tletin Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla.  Din is-sena jmiss li jsir fil-Parroċċa ta’ l-Għasri u s-suġġet magħżul għal Kungress huwa “Infaħħru ma’ Marija, l-kobor tal-Mulej.”

Fil-għaxija, jkun hemm Korteo li jibda fil-5.00p.m. u wara jsiru xi diskorsi fil-berah u tingħata wkoll il-Benedizzjoni Ewkaristika.

Bħala turija tal-fidi tagħna fi Kristu, Alla u Feddej tagħna, jixraq li nieħdu sehem f’għadd sabieħ f’dan il-Kungress biex flimkien infaħħru lil Alla u nisimgħu wkoll xi tagħlim li jista’ jiswielna.

Nieħu din l-okkażjoni sabiex issa li qiegħed joqrob Mejju, niftakru nwettqu drawwa wisq għażiża f’pajjiżna billi niddedikaw dan ix-xahar lil Madonna u f’kull ġurnata tiegħu nagħmlu xi għemil ta’ qima lilha.  Mhux biss fil-knejjes iżda wkoll fid-djar u fl-iskejjel, jixraq li x-xbieha tal-Madonna tiġi mqegħda f’post prominenti u mżejna mill-aħjar, ħalli jinġabru madwarha, biex jgħidu t-talb tagħhom.

Il-Madonna tħariskom u tkattar fikom l-imħabba lejn Binha Ġesù.

            Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum 17 t’ April 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex