Nru. 406/2001
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Jista’ jiġri li fis-sajf, waqt li nkunu aljenati fil-mistrieħ tal-vaganzi tagħna ma nintebhux b’ċerti ġrajjiet importanti għall-ħajja tal-Knisja li jseħħu f’dak il-perjodu.
Dan nistgħu ngħiduh dwar il-laqgħa Internazjonali bit-tema ta’ Le Frontiere del Dialogo ta’ rappreżentanti tar-Reliġjonijiet differenti li nżammet f’Barċellona fi Spanja, recentament cioe’ fil-ġranet 2-4 ta’ Setembru 2001.
Il-ħidma sabiex dawk kollha li jemmnu f’Alla jersqu iktar lejn xulxin u jaħdmu flimkien saret iktar intensa matul is-seklu li għadda. Wieħed mid-Digrieti tal-Konċilju Vatikan II huwa dedikat proprju għal din il-problema “Nostra Aetate”.
Barra mill-moviment ekumeniku imsemmi fid-Digriet Unitatis Redintegratio li jħabrek għall-għaqda ta’ insara kollha, cioe’ ta’ dawk li huma mgħammdin u jemmnu fi Kristu, hemm wkoll l-impenn ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed li għalenija jaħdmu sabiex fid-dinja jkun hawn iżjed ġustizzja, rispett reċiproku, fraternita, solidarjeta u paċi. Hija minn ta’ quddiem f’dan il-kamp, il-Komunità ta’ Sant’Eġidju ta’ Ruma li organizzat l-inkontru internazjonali li semmejna.
Fost ħwejjeġ oħra id-Digriet Nostra Aetate(nru.2) jafferma li: “Il-Knisja tħeġġeġ lil uliedha biex, waqt li jkunu xhieda tal-fidi u tal-ħajja nisranija, jagħrfu, iħarsu u jġibu ‘l quddiem dawk il-valuri spiritwali, morali u soċju-kulturali li jinsabu fost il-membri tar-reliġjonijiet l-oħra u dan jagħmluh bi prudenza u bl-imħabba, permezz tad-djalogu u tal-ħidma flimkien magħhom.”
Jixraq li ż-żewġ digrieti konċiljari Unitatis redintegratio u Nostra Aetate jkunu magħrufin aħjar mill-insara tagħna speċjalemnt il-membri tal-Għaqdiet kattoliċi. Għandha tkun ħafna għall-qalbna il-kawża ta’ l-unità fost il-knejjes insara u d-djalogu fost ir-reliġjonijiet, sabiex l-ekumeniżmu jimxi dejjem iktar ‘l quddiem u jissaħħaħ kif hija x-xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II imfissra diversi drabi u b’ħafna modi matul il-pontifikat tiegħu.
Bl-interċessjoni tal-Omm tagħna Marija Santissima, l-Mulej Alla jsawwab fuqkom kotra ta’ grazzji.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 8 ta’ Settembru 2001
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex