Archive for the '2004' Category

Ad Clerum Nru 358 - April 2004

Nru. 358

APRIL 2004

Jekk nagħtu ħarsa madwarna, jekk nisimgħu l-aħbarijiet lokali u internazzjonali fuq ir-radju, television u mezzi oħra tax-xandir, insibu ħafna affarijiet li jnikktuna u jaħbtu jaqtagħulna qalbna. Biex nagħti biss ftit eżempji, biżżejjed insemmu l-kriminalità, is-serq, l-imxija tad-droga, l-inġustizzi, l-ispettru tal-qagħad, t-tixrid tal-pornografija, il-permissività u l-iskandli ta’ kull għamla, li nosservaw anki f’pajjiżna jaf bihom kulħadd. Din ix-xena kerha tkompli tiddallam wisq u wisq iktar, meta nilmħu dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra u li nistennew li għada pitgħada, għad jiġri wkoll f’pajjiżna; l-mard pandemiku, it-terroriżmu dejjem iktar arroganti, l-kuntrast dejjem jikber bejn l-għonja u l-foqra, r-relativiżmu morali, t-telfien tal-fidi u l-indifferenza jew l-abbandun tal-pratika reliġjuża, żgur li kollha huma fenomeni koroh, barra mill-ħafna oħrajn, li għandhom jallarmawna.

Madanakollu, jiġri x’jiġri, u kritika hemm hi kritika s-sitwazzjoni, ikun żball kbir, jekk naqtgħu qalbna, nippanikjaw u nippermettu li d-diffikultajiet jipparaliżżawna. Il-qtiegħ il-qalb u l-apatija huma l-ikbar telfa li nistgħu nagħmlu, u nkunu qegħdin nagħtu l-ikbar vantaġġ lil għadu spiritwali tagħna.

Mhux żmien ta’ pessimiżmu u ta’ disfatta, iżda żmien li nsaħħu l-fidi nisranija tagħna u l-fiduċja sħiħa fi Kristu rebbieħ. Jeħtieġ li nkunu pro-attivi; mhux ingergru biss u mbgħad norbtu jdejna, iżda nersqu iktar lejn Kristu u ningħaqdu iktar bejnietna; jekk naħdmu id f’id imdawlin bit-tagħlim ta’ Kristu, u mħeġġin bil-fiduċja fih, żgur li jirnexxilna nirbħu ħafna mid-diffikultajiet li nsibu ma’ wiċċna. Min hu realistà u jaf liema sħab għaddej minn fuqna, ma jistax ikun li ma jħossx tixjira ta’ biża; iżda dan l-biża jeħtieġ jiġi megħlub, għaliex la jagħmel ġid lilna u l-anqas lil ħidma pastorali tagħna. L-għajta ta’ l-Appostli li beżgħu li ser jegħrqu għandha tkun l-għajta tagħna wkoll (Mt 8,25; Lq 8,24) “Mulej, salvana għax ser negħrqu.”

Iżda barra minn hekk jeħtieġ li nieħdu b’serjetà ikbar u bla waqfien l-impenji li għandna kemm bħala nsara kif ukoll bħala saċerdoti. Hemm bżonn li naqdfu anki kontra l-kurrent u bla ma nħallu dirgħajna jintelqu. Jekk nittraskuraw it-talb u l-ħajja spiritwali tagħna, d-dagħbien tal-ħażen jobromna. Jekk nibqgħu lura fl-apostolat u l-ħidma pastorali tagħna, l-merħla titħarbat. Għalhekk hemm urġenza kbira li nisimgħu s-sejħa li jagħmlilna Kristu “Isru u itolbu” (Mt 26,48; Mk 14,38). Niftħu beraħ għajnejjna, u nkunu lesti għat-taqbida.

Wara li nkunu għamilna dak li stajna u dak li obbligati nagħmlu mbagħad, niftħu qalbna għat-tama u għall-fiduċja fi Kristu, b’fidi soda fil-ħniena infinita Tiegħu. Inħalluhom jidwu kontinwament f’widnejna u f’qalbna l-kelmiet tiegħu li jimlewna bil-kuraġġ (Ġw 16,33): “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”

Ninqeda b’din l-okkażjoni, sabiex nawguralkom “L-GĦID IT-TAJJEB” u nixtiqilkom li Kristu rxoxtat jfawwar qalbkom, bil-paċi u l-hena tiegħu u jimliekom b’entużjażmu qaddis.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 357 - Marzu 2004

Nru. 357

MARZU 2004

Fil-ktieb ta’ F. Bourdeu u A. Danet, Introduction to the Law of Christ, insibu dan il-paragrafu: “Anyone who wishes to remain in contact with the Spirit and let himself be guided by Him, must remain in contact with the Church and let himself be guided by her, for it is to her, to the Church His Spouse, that Jesus gives His liberating Spirit”(p.144).

Il-Knisja hija edukatriċi tal-kuxjenzi. Hija tgħallem lill-uliedha jħobbu t-tajjeb u jipprovaw jagħmluh, jobogħdu l-ħażin u jaħarbuħ. Fi ħdan il-Knisja difatti, jeżistu xi membri, li għandhom din il-missjoni li jgħinu lill-insara l-oħra ħalli jdawwlu l-kuxjenza tagħhom u jifformawha tajjeb. Dawn huma l-ġenituri rigward uliedhom u l-edukaturi kollha, fosthom quddiem nett, aħna s-saċerdoti, ministri ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

Dwar ir-rwol tal-kuxjenza u l-ħtieġa tal-formazzjoni tagħha insibu tagħlim ċar u sabiħ fid-digriet tal-Konċilju Vatikan II Dignitatis Humanae, paragrafu 14(1080-1081) “L-insara waqt li jifformaw il-kuxjenza tagħhom, għandhom iżommu sewwa quddiem għajnejhom it-tagħlim qaddis u ċert tal-Knisja. Dan għaliex il-Knisja Kattolika, kif irid Kristu, hija l-għalliema tal-verità u dmirha hu li tħabbar u tgħallem b’mod awtentiku l-Verità, li hu Kristu, u fl-istess ħin tistqarr u ssaħħaħ bis-setgħa tagħha l-prinċipji ta’ l-ordni morali li joħorġu min-natura nfisha tal-bniedem. Barra minn dan l-insara, waqt li jqarrbu b’għerf lejn dawk li jinsabu barra, “bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, bil-kelma tas-sewwa” (2 Kor 6,6-7), għandhom iħabirku biex ixerrdu d-dawl tal-ħajja bil-fiduċja kollha u b’kuraġġ ta’ appostli saċ-ċarċir tad-demm. Id-dixxiplu hu marbut bi dmir gravi lejn Kristu l-Imgħallem tiegħu li jagħraf dejjem aktar il-verità li ħa mingħandu, li jxandarha bil-fedeltà u jħarisha bil-qawwa, mingħajr ma juża mezzi li ma jaqblux ma’ l-ispirtu ta’ l-Evanġelju“ - kelmiet ispirati mill-kitbiet tal-Kardinal John Henry Newman.

Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna b’mod partikolari f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni u ta’ talb li huwa r-Randan Imqaddes: Meta u kif nistgħu nwettqu dan l-impenn tagħna ta’ formazzjoni tal-kuxjenzi? U jekk aħniex inwettquh sewwa?

Okkażjonijiet li nwasslu l-messaġġ ta’ Kristu u t-tagħlim morali tal-Knisja tiegħu żgur li ma jonqsux, jekk nagħrfu napprofittaw ruħna minnhom. Biex insemmi xi eżempji, nixtieq infakkar illi:

(a)    Fl-omeliji tal-Ħdud u l-festi kif ukoll f’dawk li jsiru fl-okkażjoni tal-amministrazzjoni tas-Sagramenti u fil-funerali, jeħtieġ li fil-qosor, il-messaġġ li nagħtu jkun tabilħaqq ta’ għajnuna biex is-semmiegħa jdawwlu l-kuxjenzi tagħhom u jagħrfu b’mod aktar ċar liema huma d-dmirijiet varji tagħhom, hekk li jikkonvinċu ruħhom li f’din id-direzzjoni għandhom ikunu dejjem id-deċiżjonijiet tal-kuxjenza tagħhom.

(b)    L-istess, ngħidu, għall-konferenzi, l-priedki, speċjalment dawk tar-Randan, li niġu mistiedna biex nagħtu, fil-parroċċi, fi knejjes oħra u fl-irtiri u fil-lezzjonijiet lill-membri tal-għaqdiet u insara oħra. Waqt li nroddu ħajr lil Alla, li fil-kotra tagħhom l-insara għadhom jattendu għal dawn il-laqgħat, minkejja kull tfixkil, għandna wkoll l-obbligu li nipprovdulhom ikel bnin u “solidu” kif jgħid San Pawl u mhux kliem fil-vojt u ripetizzjonijiet li jdejjquhom.

(c)    Bla dubju ta’ xejn, il-mezz l-iktar effikaċi għall-formazzjoni tal-kuxjenzi, huwa l-Qrar jekk isir b’mod regolari. Fil-waqt li f’użu tal-mezzi l-oħra bħal omeliji u priedki, s-saċerdot ikun ikellem lill-massa, u mhux kull ma jgħid ikun jgħodd għal kulħadd; fil-qrar, il-konfessur jista’ jinżel għal-livell tal-penitent u jagħtih struzzjonijiet personalizzati. Importanti ħafna li dak li jgħid il-konfessur fil-Qrar ikun konformi dejjem mat-tagħlim uffiċjali tal-Knisja.

(d)    Ma nistgħux ninsew id-Direzzjoni Spiritwali, li hija effikaċi biex tgħin l-insara jifformaw il-kuxjenza tagħhom. Id-direttur spiritwali, bil-karità u l-ġentilezza kollha u mingħajr ma jipprova jimponi l-opinjoni tiegħu fuq ħaddieħor, iwassal t-tagħlim meħtieġ għall-persuni diretti minnu, jgħinhom jagħmlu dixxerniment u jsiru iktar doċili għall-ispirazzjonijiet ta’ l-Ispirtu s-Santu, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Ewwel u l-aqwa Direttur ta’ l-erwieħ, u s-saċerdot huwa biss strument f’idejh għas-santifikazzjoni tal-bnedmin.

Għalhekk jekk ikun meħtieġ, anke b’sagrifiċċju tagħna, ma għandna qatt inċaħħdu lil dawk li jixtiequ jagħmlu progress fil-ħajja tal-perfezzjoni, milli tingħatalhom id-direzzjoni spiritwali li jkollhom bżonn.

Ad Clerum Nru 356 - Frar 2004

Nru. 356

FRAR 2004

Fi żminijietna tinħass mewġa li għaddiet kważi mill-artijiet kollha tad-dinja, li forsi wieħed jista jsejjħilha “l-kriżi tal-primat tal-fidi u tal-grazzja.” Il-Papa fl-Ittra Apostolika Novo Millennio Inuente (n.33) jgħid li “fid-dinja ta’ llum minkejja s-sekularizzazzjoni mferrxa ħafna, hemm ukoll ħafna li għandhom l-għatx għall-ispiritwalità, u donnha li hija mfissra l-iktar fil-ħtieġa mġedda għat-talb.” Din l-mewġa ta’ kriżi ta’ ċerti valuri u ta’ sekularizzazzjoni, aktarx li dieħla bil-mod il-mod, fil-gżejjer tagħna wkoll.

Niltaqgħu, iktar spiss minn dari, ma’ nies, li jitkellmu b’ċertu mod li qishom qegħdin jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-Knisja jew diġa tilfuha. Jaħsbu forsi li wieħed jista’ jkollu lil Alla u jimxi wara Kristu, mingħajr ma jkollu x’jaqsam mal-Knisja. Ma tonqosx għalhekk il-kritika, mhux dejjem ġusta u oġgettiva kontra l-Knisja, l-operat tagħha u dawk resposnabbli mit-tmexxija tagħha.

Meħtieġ għalhekk, illum wisq iktar minn qatt qabel, li nitkellmu dwar il-misteru tal-Knisja u l-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II. Fuq kollox huwa importanti li kemm il-Kleru kif ukoll il-lajċi jagħrfu aħjar ir-raġunijiet għaliex il-Knisja nsejjħulha “Ommna” u liema huma d-dmirijiet li aħna bħala wliedha għandna versu lejjha.

Naħseb li din is-silta meħuda mid-diskors li għamel il-Papa Montini, meta kien għadu Arċisqof ta’ Milan, fl-10 ta’ Novembri 1960 tista’ titfa’ dawl fuq din l-eżiġenza ta’ żminijietna (G.B. Montini, Il-Knisja X’Inhi u X’Mhix (10 ta’ Novembru 1960) Malta 1963, 28-29):

“Għaliex il-Knisja hija Omm?
Insejħulha Omm għaliex tħobbna kif tħobb Omm, aktar minn kulħadd.
Tħobbna għax taqdina bl-istess awtorità tagħha u tfakkar lil min għandu s-setgħa fiha li hu ragħaj u għandu d-dmir jagħti ħajtu, jekk ikun hemm bżonn, għal ħutu.
Tħobbna meta tgħallem lid-dinja li l-ħajja hi sagra, u teħodha qabel kulħadd ma’ kull min iqum kontra l-eżistenza u d-dinjità tal-bniedem.
Hija tħobbna għax lesta biex tgħinna f’kull kondizzjoni tal-ħajja, tilqagħna meta nkunu tfal, tħeġġiġna meta nkunu żgħażagħ, tberikna meta nkunu kbar, tgħinna meta nixjieħu, tfarraġna fis-siegħa tal-mewt, tiftakar fina wara l-mewt, tgħinna jekk inkunu foqra, tikkurana fil-mard, issejħilna meta nagħmlu d-dnub, taħfrilna meta nindmu, u tqajjimna għat-tama meta niddispraw.
Tħobbna wkoll meta nħossuha qed titbiegħed minna, u jekk inkunu suppervi, sinjuri u ngħixu fil-kumdità hija twiddibna, u tikkastigana meta nwebbsu rasna, filwaqt li tfakkarna li bħala pellegrini m’għandniex nibqgħu lura fit-triq ta’ dil-ħajja.
U meta tingħaqad magħna, turina li tħobbna billi tahseb fil-problemi tagħna u ta’ ħabiba għarfa li hi, turina kif inħolluhom.
Tħobbna meta tagħtina mod ġdid ta’ kif naħsbu jiġifieri bit-teoloġija u l-mistika tagħha; ta’ kif naħdmu u nagħmlu l-ġid jiġifieri bil-qdusija; tal-ġmiel u tal-ħajja jiġifieri bl-arti tagħha li ma tgħejja qatt.
Tħobbna meta tgħallimna li aħna aħwa u li jenħtieġ li nwasslu sat-truf tad-dinja l-imħabba ta’ aħwa, f’din l-għaqda meraviljuża kattolika li tagħmilna ħaġa waħda u tajbin, bħal ma qatt ma konna qabel, u f’kull ma nagħmlu fix-xogħol u fil-paċi.
Tħobbna din l-Omm qaddisa, il-Knisja ta’ Kristu, għax fl-aħħar għandha l-kelma, il-grazzja u wegħda għal kull wieħed minna. Tistieden u tistenna kull wieħed minna.
U jekk tassew ġie mogħti lilna li nifhmu l-Knisja u li nagħrfuha bħala Ommna, li għal sekli sħaħ tmexxi u tipproteġġi ċ-ċiviltà tagħna, m’għandniex aħna nuruha aktar fiduċja u nkeċċu minna dik l-attitudni ingrata kontra l-Knisja li hi attitudni daqshekk inġusta u li ħafna drabi avvelenat ir-relazzjonijiet tagħna magħha?
U jekk inqisuha bħala Ommna, li ma tfittixx għaliha setgħa temporali jew privileġġ soċjali imma trid biss li tagħti lill-erwieħ d-doni tagħha ta’ verità u grazzja, m’għandniex inħossuna tassew ulied tagħha, mwildin mill-ġdid, għall-ferħ u għat-tama nisranija?”

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ad Clerum Nru 355 - Jannar 2004

Nru. 355

JANNAR 2004

Bdejna sena ġdida, u jeħtieġ li nġeddu wkoll l-ispirtu u l-ħeġġa tagħna. Dan nistgħu nagħmluħ mhux bil-ħila tagħna biss iżda bil-qawwa tal-grazzja t’Alla “ferħ u hena tiegħi” (Salm 43,4)

Iżda min-naħa tagħna rridu ngħinu wkoll lilna nfusna biex ma nitmewtux u l-anqas inħallu idejjna jintelqu. Iż-żgħożija spirtiwali tagħna jeħtieġ li nsostnuha b’ċerti mezzi li jissuġġerulna xi ekkleżjastiċi ta’ ħajja qaddisa u mimlija biż-żelu għas-salvazzjoni tal-bniedmin.

Ir-rizoluzzjoni li kien ħa għalih innifsu l-Beatu Papa Ġwanni XXIII, tgħodd ħafna għalina wkoll, membri tal-Kleru, sewwa jekk għadna żgħażagħ fl-età, kif ukoll jekk għaddew ħafna snin minn fuqna: “Kun fidil għall-programm ta’ pietà saċerdotali: l-Quddiesa, meditazzjoni fil-qosor, Brevjarju, Rużarju, żjara lil l-Imqaddes Sagrament, l-eżami tal-kuxjenza, il-qari ta’ kotba tajbin, iżda kollox b’entużjażmu ikbar ta’ karità” (Journal of a Soul, paġna 222).

Fost it-talb li aħna bħala saċerdoti nagħmlu ta’ kuljum, jixraq li nkunu familjari ma’ forma ta’ talb li kull ma jmur, qegħda ssir dejjem iktar popolari, anki fost il-lajċi li jridu jgħixu ħajja qrib lejn Alla; l-hekk imsejjħa “Lectio Divina.” Il-Patri Raniero Cantalamessa fil-ktieb tiegħu Amare la Chiesa, Meditazioni sulla Lettera agli Efesini, jagħtina ħjiel dwar il-Lectio Divina, fejn jgħidilna “La caratteristica della lettura spirituale della Bibbia, la lectio divina, rispetto a ogni altra forma di meditazione è che in essa la Scrittura rappresenta la “base”, non l’ “esponente”; non interviene, cioè, nel corso della meditazione per illustrare il tema prescelto, ma costituisce essa stessa il tema da cui tutto parte e a cui tutto riconduce. Altra nota caratteristica è che essa è anche di solito una lectio continua, lettura continuativa di un certo libro della Bibbia.” (paġna 5).

Biex niġġeddu fl-ispirtu, jiswa, wkoll li kemm nistgħu nżommu ruħna aġġornati f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja tal-Knisja. Għal dan l-aġġornament barra minn dak li nsibu fir-rivisti kattoliċi, u fl-aħbarijiet u programmi tar-radju u tat-televiżjoni, żgur li hemm ukoll sors jew għajn bla ma taqta f’ċerti websites ta’ l-internet bħal ma huma dak tal-Vatikan, tal-Kongregazzjoni tal-Kleru etċ.

Żgur li jkun utli ħafna għalina, li nagħżlu xi persunaġġi ħajjin jew mejtin, minn pajjiżna u barra minn pajjiżna biex inżommuhom bħala xempju jew “patterns” li fuqhom nipprovaw infasslu l-ħajja tagħna. Dawn jistgħu jkunu xi fundaturi ta’ ordnijiet reliġjużi jew il-pijonieri ta’ xi opri ta’ karità u ta’ apostolat, bħal ma kienu biex insemmi xi ftit minnhom, il-Beatu Dun Ġorġ Preca, il-Monsinjur Ġużeppi De Piro u Monsinjiur Mikiel Azzopardi: l-eżempju ta’ nies iddedikati għal ħidma qaddisa fil-qasam pastorali u ta’ l-apostolat, jurina t-triq li minnha għandna ngħaddu u li żgur li twassalna biex nilħqu l-ideal tagħna ta’ saċerdoti wisq iktar malajr u bla tfixkil mit-triq tal-liġijiet u ta’ l-istruzzjonijiet tal-bniedmin.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex