- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ad Clerum Nru 358 - April 2004

Posted By admin On April 1, 2004 @ 10:31 am In 2004 | Comments Disabled

Nru. 358

APRIL 2004

Jekk nagħtu ħarsa madwarna, jekk nisimgħu l-aħbarijiet lokali u internazzjonali fuq ir-radju, television u mezzi oħra tax-xandir, insibu ħafna affarijiet li jnikktuna u jaħbtu jaqtagħulna qalbna. Biex nagħti biss ftit eżempji, biżżejjed insemmu l-kriminalità, is-serq, l-imxija tad-droga, l-inġustizzi, l-ispettru tal-qagħad, t-tixrid tal-pornografija, il-permissività u l-iskandli ta’ kull għamla, li nosservaw anki f’pajjiżna jaf bihom kulħadd. Din ix-xena kerha tkompli tiddallam wisq u wisq iktar, meta nilmħu dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra u li nistennew li għada pitgħada, għad jiġri wkoll f’pajjiżna; l-mard pandemiku, it-terroriżmu dejjem iktar arroganti, l-kuntrast dejjem jikber bejn l-għonja u l-foqra, r-relativiżmu morali, t-telfien tal-fidi u l-indifferenza jew l-abbandun tal-pratika reliġjuża, żgur li kollha huma fenomeni koroh, barra mill-ħafna oħrajn, li għandhom jallarmawna.

Madanakollu, jiġri x’jiġri, u kritika hemm hi kritika s-sitwazzjoni, ikun żball kbir, jekk naqtgħu qalbna, nippanikjaw u nippermettu li d-diffikultajiet jipparaliżżawna. Il-qtiegħ il-qalb u l-apatija huma l-ikbar telfa li nistgħu nagħmlu, u nkunu qegħdin nagħtu l-ikbar vantaġġ lil għadu spiritwali tagħna.

Mhux żmien ta’ pessimiżmu u ta’ disfatta, iżda żmien li nsaħħu l-fidi nisranija tagħna u l-fiduċja sħiħa fi Kristu rebbieħ. Jeħtieġ li nkunu pro-attivi; mhux ingergru biss u mbgħad norbtu jdejna, iżda nersqu iktar lejn Kristu u ningħaqdu iktar bejnietna; jekk naħdmu id f’id imdawlin bit-tagħlim ta’ Kristu, u mħeġġin bil-fiduċja fih, żgur li jirnexxilna nirbħu ħafna mid-diffikultajiet li nsibu ma’ wiċċna. Min hu realistà u jaf liema sħab għaddej minn fuqna, ma jistax ikun li ma jħossx tixjira ta’ biża; iżda dan l-biża jeħtieġ jiġi megħlub, għaliex la jagħmel ġid lilna u l-anqas lil ħidma pastorali tagħna. L-għajta ta’ l-Appostli li beżgħu li ser jegħrqu għandha tkun l-għajta tagħna wkoll (Mt 8,25; Lq 8,24) “Mulej, salvana għax ser negħrqu.”

Iżda barra minn hekk jeħtieġ li nieħdu b’serjetà ikbar u bla waqfien l-impenji li għandna kemm bħala nsara kif ukoll bħala saċerdoti. Hemm bżonn li naqdfu anki kontra l-kurrent u bla ma nħallu dirgħajna jintelqu. Jekk nittraskuraw it-talb u l-ħajja spiritwali tagħna, d-dagħbien tal-ħażen jobromna. Jekk nibqgħu lura fl-apostolat u l-ħidma pastorali tagħna, l-merħla titħarbat. Għalhekk hemm urġenza kbira li nisimgħu s-sejħa li jagħmlilna Kristu “Isru u itolbu” (Mt 26,48; Mk 14,38). Niftħu beraħ għajnejjna, u nkunu lesti għat-taqbida.

Wara li nkunu għamilna dak li stajna u dak li obbligati nagħmlu mbagħad, niftħu qalbna għat-tama u għall-fiduċja fi Kristu, b’fidi soda fil-ħniena infinita Tiegħu. Inħalluhom jidwu kontinwament f’widnejna u f’qalbna l-kelmiet tiegħu li jimlewna bil-kuraġġ (Ġw 16,33): “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”

Ninqeda b’din l-okkażjoni, sabiex nawguralkom “L-GĦID IT-TAJJEB” u nixtiqilkom li Kristu rxoxtat jfawwar qalbkom, bil-paċi u l-hena tiegħu u jimliekom b’entużjażmu qaddis.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2004/04/01/ad-clerum-nru-358-april-2004/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.