Ad Clerum Nru 357 - Marzu 2004

Nru. 357

MARZU 2004

Fil-ktieb ta’ F. Bourdeu u A. Danet, Introduction to the Law of Christ, insibu dan il-paragrafu: “Anyone who wishes to remain in contact with the Spirit and let himself be guided by Him, must remain in contact with the Church and let himself be guided by her, for it is to her, to the Church His Spouse, that Jesus gives His liberating Spirit”(p.144).

Il-Knisja hija edukatriċi tal-kuxjenzi. Hija tgħallem lill-uliedha jħobbu t-tajjeb u jipprovaw jagħmluh, jobogħdu l-ħażin u jaħarbuħ. Fi ħdan il-Knisja difatti, jeżistu xi membri, li għandhom din il-missjoni li jgħinu lill-insara l-oħra ħalli jdawwlu l-kuxjenza tagħhom u jifformawha tajjeb. Dawn huma l-ġenituri rigward uliedhom u l-edukaturi kollha, fosthom quddiem nett, aħna s-saċerdoti, ministri ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

Dwar ir-rwol tal-kuxjenza u l-ħtieġa tal-formazzjoni tagħha insibu tagħlim ċar u sabiħ fid-digriet tal-Konċilju Vatikan II Dignitatis Humanae, paragrafu 14(1080-1081) “L-insara waqt li jifformaw il-kuxjenza tagħhom, għandhom iżommu sewwa quddiem għajnejhom it-tagħlim qaddis u ċert tal-Knisja. Dan għaliex il-Knisja Kattolika, kif irid Kristu, hija l-għalliema tal-verità u dmirha hu li tħabbar u tgħallem b’mod awtentiku l-Verità, li hu Kristu, u fl-istess ħin tistqarr u ssaħħaħ bis-setgħa tagħha l-prinċipji ta’ l-ordni morali li joħorġu min-natura nfisha tal-bniedem. Barra minn dan l-insara, waqt li jqarrbu b’għerf lejn dawk li jinsabu barra, “bi spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, bil-kelma tas-sewwa” (2 Kor 6,6-7), għandhom iħabirku biex ixerrdu d-dawl tal-ħajja bil-fiduċja kollha u b’kuraġġ ta’ appostli saċ-ċarċir tad-demm. Id-dixxiplu hu marbut bi dmir gravi lejn Kristu l-Imgħallem tiegħu li jagħraf dejjem aktar il-verità li ħa mingħandu, li jxandarha bil-fedeltà u jħarisha bil-qawwa, mingħajr ma juża mezzi li ma jaqblux ma’ l-ispirtu ta’ l-Evanġelju“ - kelmiet ispirati mill-kitbiet tal-Kardinal John Henry Newman.

Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna b’mod partikolari f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni u ta’ talb li huwa r-Randan Imqaddes: Meta u kif nistgħu nwettqu dan l-impenn tagħna ta’ formazzjoni tal-kuxjenzi? U jekk aħniex inwettquh sewwa?

Okkażjonijiet li nwasslu l-messaġġ ta’ Kristu u t-tagħlim morali tal-Knisja tiegħu żgur li ma jonqsux, jekk nagħrfu napprofittaw ruħna minnhom. Biex insemmi xi eżempji, nixtieq infakkar illi:

(a)    Fl-omeliji tal-Ħdud u l-festi kif ukoll f’dawk li jsiru fl-okkażjoni tal-amministrazzjoni tas-Sagramenti u fil-funerali, jeħtieġ li fil-qosor, il-messaġġ li nagħtu jkun tabilħaqq ta’ għajnuna biex is-semmiegħa jdawwlu l-kuxjenzi tagħhom u jagħrfu b’mod aktar ċar liema huma d-dmirijiet varji tagħhom, hekk li jikkonvinċu ruħhom li f’din id-direzzjoni għandhom ikunu dejjem id-deċiżjonijiet tal-kuxjenza tagħhom.

(b)    L-istess, ngħidu, għall-konferenzi, l-priedki, speċjalment dawk tar-Randan, li niġu mistiedna biex nagħtu, fil-parroċċi, fi knejjes oħra u fl-irtiri u fil-lezzjonijiet lill-membri tal-għaqdiet u insara oħra. Waqt li nroddu ħajr lil Alla, li fil-kotra tagħhom l-insara għadhom jattendu għal dawn il-laqgħat, minkejja kull tfixkil, għandna wkoll l-obbligu li nipprovdulhom ikel bnin u “solidu” kif jgħid San Pawl u mhux kliem fil-vojt u ripetizzjonijiet li jdejjquhom.

(c)    Bla dubju ta’ xejn, il-mezz l-iktar effikaċi għall-formazzjoni tal-kuxjenzi, huwa l-Qrar jekk isir b’mod regolari. Fil-waqt li f’użu tal-mezzi l-oħra bħal omeliji u priedki, s-saċerdot ikun ikellem lill-massa, u mhux kull ma jgħid ikun jgħodd għal kulħadd; fil-qrar, il-konfessur jista’ jinżel għal-livell tal-penitent u jagħtih struzzjonijiet personalizzati. Importanti ħafna li dak li jgħid il-konfessur fil-Qrar ikun konformi dejjem mat-tagħlim uffiċjali tal-Knisja.

(d)    Ma nistgħux ninsew id-Direzzjoni Spiritwali, li hija effikaċi biex tgħin l-insara jifformaw il-kuxjenza tagħhom. Id-direttur spiritwali, bil-karità u l-ġentilezza kollha u mingħajr ma jipprova jimponi l-opinjoni tiegħu fuq ħaddieħor, iwassal t-tagħlim meħtieġ għall-persuni diretti minnu, jgħinhom jagħmlu dixxerniment u jsiru iktar doċili għall-ispirazzjonijiet ta’ l-Ispirtu s-Santu, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Ewwel u l-aqwa Direttur ta’ l-erwieħ, u s-saċerdot huwa biss strument f’idejh għas-santifikazzjoni tal-bnedmin.

Għalhekk jekk ikun meħtieġ, anke b’sagrifiċċju tagħna, ma għandna qatt inċaħħdu lil dawk li jixtiequ jagħmlu progress fil-ħajja tal-perfezzjoni, milli tingħatalhom id-direzzjoni spiritwali li jkollhom bżonn.