Ad Clerum Nru 356 - Frar 2004

Nru. 356

FRAR 2004

Fi żminijietna tinħass mewġa li għaddiet kważi mill-artijiet kollha tad-dinja, li forsi wieħed jista jsejjħilha “l-kriżi tal-primat tal-fidi u tal-grazzja.” Il-Papa fl-Ittra Apostolika Novo Millennio Inuente (n.33) jgħid li “fid-dinja ta’ llum minkejja s-sekularizzazzjoni mferrxa ħafna, hemm ukoll ħafna li għandhom l-għatx għall-ispiritwalità, u donnha li hija mfissra l-iktar fil-ħtieġa mġedda għat-talb.” Din l-mewġa ta’ kriżi ta’ ċerti valuri u ta’ sekularizzazzjoni, aktarx li dieħla bil-mod il-mod, fil-gżejjer tagħna wkoll.

Niltaqgħu, iktar spiss minn dari, ma’ nies, li jitkellmu b’ċertu mod li qishom qegħdin jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-Knisja jew diġa tilfuha. Jaħsbu forsi li wieħed jista’ jkollu lil Alla u jimxi wara Kristu, mingħajr ma jkollu x’jaqsam mal-Knisja. Ma tonqosx għalhekk il-kritika, mhux dejjem ġusta u oġgettiva kontra l-Knisja, l-operat tagħha u dawk resposnabbli mit-tmexxija tagħha.

Meħtieġ għalhekk, illum wisq iktar minn qatt qabel, li nitkellmu dwar il-misteru tal-Knisja u l-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II. Fuq kollox huwa importanti li kemm il-Kleru kif ukoll il-lajċi jagħrfu aħjar ir-raġunijiet għaliex il-Knisja nsejjħulha “Ommna” u liema huma d-dmirijiet li aħna bħala wliedha għandna versu lejjha.

Naħseb li din is-silta meħuda mid-diskors li għamel il-Papa Montini, meta kien għadu Arċisqof ta’ Milan, fl-10 ta’ Novembri 1960 tista’ titfa’ dawl fuq din l-eżiġenza ta’ żminijietna (G.B. Montini, Il-Knisja X’Inhi u X’Mhix (10 ta’ Novembru 1960) Malta 1963, 28-29):

“Għaliex il-Knisja hija Omm?
Insejħulha Omm għaliex tħobbna kif tħobb Omm, aktar minn kulħadd.
Tħobbna għax taqdina bl-istess awtorità tagħha u tfakkar lil min għandu s-setgħa fiha li hu ragħaj u għandu d-dmir jagħti ħajtu, jekk ikun hemm bżonn, għal ħutu.
Tħobbna meta tgħallem lid-dinja li l-ħajja hi sagra, u teħodha qabel kulħadd ma’ kull min iqum kontra l-eżistenza u d-dinjità tal-bniedem.
Hija tħobbna għax lesta biex tgħinna f’kull kondizzjoni tal-ħajja, tilqagħna meta nkunu tfal, tħeġġiġna meta nkunu żgħażagħ, tberikna meta nkunu kbar, tgħinna meta nixjieħu, tfarraġna fis-siegħa tal-mewt, tiftakar fina wara l-mewt, tgħinna jekk inkunu foqra, tikkurana fil-mard, issejħilna meta nagħmlu d-dnub, taħfrilna meta nindmu, u tqajjimna għat-tama meta niddispraw.
Tħobbna wkoll meta nħossuha qed titbiegħed minna, u jekk inkunu suppervi, sinjuri u ngħixu fil-kumdità hija twiddibna, u tikkastigana meta nwebbsu rasna, filwaqt li tfakkarna li bħala pellegrini m’għandniex nibqgħu lura fit-triq ta’ dil-ħajja.
U meta tingħaqad magħna, turina li tħobbna billi tahseb fil-problemi tagħna u ta’ ħabiba għarfa li hi, turina kif inħolluhom.
Tħobbna meta tagħtina mod ġdid ta’ kif naħsbu jiġifieri bit-teoloġija u l-mistika tagħha; ta’ kif naħdmu u nagħmlu l-ġid jiġifieri bil-qdusija; tal-ġmiel u tal-ħajja jiġifieri bl-arti tagħha li ma tgħejja qatt.
Tħobbna meta tgħallimna li aħna aħwa u li jenħtieġ li nwasslu sat-truf tad-dinja l-imħabba ta’ aħwa, f’din l-għaqda meraviljuża kattolika li tagħmilna ħaġa waħda u tajbin, bħal ma qatt ma konna qabel, u f’kull ma nagħmlu fix-xogħol u fil-paċi.
Tħobbna din l-Omm qaddisa, il-Knisja ta’ Kristu, għax fl-aħħar għandha l-kelma, il-grazzja u wegħda għal kull wieħed minna. Tistieden u tistenna kull wieħed minna.
U jekk tassew ġie mogħti lilna li nifhmu l-Knisja u li nagħrfuha bħala Ommna, li għal sekli sħaħ tmexxi u tipproteġġi ċ-ċiviltà tagħna, m’għandniex aħna nuruha aktar fiduċja u nkeċċu minna dik l-attitudni ingrata kontra l-Knisja li hi attitudni daqshekk inġusta u li ħafna drabi avvelenat ir-relazzjonijiet tagħna magħha?
U jekk inqisuha bħala Ommna, li ma tfittixx għaliha setgħa temporali jew privileġġ soċjali imma trid biss li tagħti lill-erwieħ d-doni tagħha ta’ verità u grazzja, m’għandniex inħossuna tassew ulied tagħha, mwildin mill-ġdid, għall-ferħ u għat-tama nisranija?”

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex