Ittra Pastorali tal-Isqfijiet: “Nerfgħu r-Responsabiltajiet tagħna”

ITTRA PASTORALI

MILL E.T. MONS. CHARLES J. SCICLUNA
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

ELEZZJONI ĠENERALI 2017

voting.jpg

NERFGĦU R RESPONSABBILTÀ TAGĦNA

Għeżież ħutna,

L-Elezzjoni Ġenerali hi ġrajja importanti ħafna fil-ħajja tas-soċjetà Maltija.Se nagħżlu lil min se nafdaw it-tmexxija ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Din hi responsabbiltà serja fuq spallejna li titlob minna li nippreparaw ruħna sew ħalli nagħmlu deċiżjoni infurmata.

Hi responsabbiltà li titlob minna li nivvutaw skont il-kuxjenza, li tfisser li quddiem Alla nagħrfu dak li hu veru u xieraq, u nagħżlu dak li hu tassew għall-ġid komuni u għal soċjetà ġusta. Il vot tagħna hu tweġiba għad domanda: x’tip ta’ soċjetà rridu għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet futuri?

Hi responsabbiltà li titlob minna li nagħżlu persuni ta’ għaqal u integrità, li jgħożżu u jħaddnu l-valuri etiċi li nemmnu fihom. Ewlieni fosthom hu l-valur tal-ħarsien tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem.

Inħeġġu lil kulħadd biex naqdu dmirna b’responsabbiltà, u nitolbu d-dawl u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu ħalli nagħmlu d-deciżjoni t-tajba.

Nitolbu biex fi kliemna u għemilna nkunu mmexxija dejjem bi spirtu ta’ djalogu, ta’ rispett kbir lejn il-verità u lejn xulxin, ukoll lejn min jaħsibha differenti minna.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

Maħruġa llum, 9 ta’ Mejju 2017, festa ta’ San Ġorġ Preca.

✠ Charles J. Scicluna                                                   ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta                                                          Isqof ta’ Għawdex

Ara format pdf:  38-ittra-pastorali-elezzjoni-generali-2017-mt.pdf

English pdf version:   38-pastoral-letter-general-election-2017-en.pdf