Titħabbar il-mewt ta’ Mons. Giovanni B. Gauci, Arċidjaknu tal-Katidral

mons-giovanni-b-gauci.jpgIlbieraħ, tard filgħaxija, is-Sibt 29 ta’ April 2017, tħabbret il-mewt ta’ Mons. Giovanni B. Gauci, Arċidjaknu tal-Kapitlu tal-Katidral u Rettur tal-Knisja ta’ Savina.

Mons. Giovanni B. Gauci twieled ir-Rabat, Għawdex fil-21 ta’ Frar 1938. Hu ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Ġużeppi Pace fil-Katidral tal-Assunta, nhar it-18 ta’ Marzu 1961.

Il-funeral tiegħu se jsir nhar it-Tlieta li ġej, 2 ta’ Mejju 2017, fil-Katidral tal-Assunta:

- 3.00pm: Il-fdalijiet tal-W.R. Arċidjaknu Mons. Giovanni Bosco Gauci jkunu esposti għall-qima u t-talb fil-Knisja ta’ Savina, ir-Rabat;

- 5.00pm: Talb fil-Knisja ta’ Savina mill-Kapitlu tal-Katidral u dritt wara korteo funebri bil-fdalijiet tal-W.R. Arċidjaknu Mons. Giovanni Bosco Gauci lejn il-Katidral;

- 5.30pm: Quddiesa tal-funeral.

Filwaqt li nitolbu għalih biex issa jara s-sebħ ta’ Kristu rxuxtat u glorjuż, nagħtu l-għomor lill-familjari tiegħu, fosthom lil ħuh Mons. Ġużeppi Gauci, u lin-neputijiet Dun Victor Vella, Dun Joe Vella Gauci u Dun John Meilak.

RIP

Ritratt: Ħajr lill-familjari ta’ Mons. Gauci.

Tagħrif bijografiku

Mons. Giovanni B. Gauci twieled ir-Rabat, Għawdex fil-21 ta’ Frar 1938. Hu ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Ġużeppi Pace fil-Katidral tal-Assunta, nhar it-18 ta’ Marzu 1961. Sena qabel, fl-1960, kien ġie ordnat djaknu f’Ruma.

Minbarra l-istudji tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex, bejn l-1957  l-1964 Dun Ġwann kompla jistudja Ruma, kemm bħala Seminarista fis-Seminarju Franċiż (1957-1961), fejn irritorna aktar tard bħala saċerdot (1961-1962), u wkoll fl-Università Pontifiċja Gregorjana u fl-Università Pontifiċja tal-Lateran, mnejn kiseb id-Dottorat fit-Teoloġija u Liċenzjat fil-Drittu. Bejn l-1961 u l-1964, Dun Ġwann kien residenti fil-Kulleġġ Nepomuċenu.

Fost l-uffiċċji li okkupa fid-Djoċesi, Dun Ġwann kien il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Għawdex, kemm taħt l-Isqof Nikol Cauchi (1998-2005) kif ukoll taħt l-Isqof Mario Grech (2005-2015); Kanoniku tal-Kapitlu tal-Katidral sa mill-1967, fejn serva bħala Teologu, Dekan u mbagħad Arċidjaknu (1981-2017); Rettur tal-Knisja ta’ Savina (1980-2017); Lekċerer fis-Seminarju Maġġuri (1964-2011), Imħallef u mbagħad Vigarju Ġudizzjali fit-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex (1968-1993); u Kunsillier tal-Moviment ta’ Kana. Sakemm saħħtu ppermettielu, sa ftit jiem qabel mewtu, Dun Ġwann baqa’ joffri l-ministeru saċerdotali u pastorali tiegħu fil-Knisja ta’ Savina bħala Rettur u bħala konfessur.