Omelija fil-149 sena mit-twaqqif tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù
Kappella tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
IS-SAĊERDOT LI JERFA’ S-SALIB TA’ ĦUTU
Fl-okkażjoni tal-149 sena mit-twaqqif tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù fid-Djoċesi ta’ Għawdex, dalgħodu Monsinjur Isqof iċċelebra l-Quddiesa flimkien mal-formaturi u s-seminaristi fil-Kappella tal-istess Seminarju.
Fir-riflessjoni tiegħu, Monsinjur Isqof qiegħed bħala mudell għas-seminaristi lil San Karlu Borromeo li llum taħbat it-tifkira tiegħu. Huwa qal li, kif osserva l-Beatu Pawlu VI meta kien għadu Arċisqof ta’ Milan, San Karlu kien mogħni b’entużjażmu pastorali, bi spirtu ġeneruż, u b’fidi li tiġbed u “tikseb” il-qlub. Dan kollu San Karlu ġabu mill-għaqda tiegħu ma’ Kristu. Ir-riflessjoni teoloġika waħidha mhix biżżejjed biex wieħed isawwar qalb ta’ ragħaj, imma bħal San Karlu jeħtieġ li fuq kollox ikollna l-intelliġenza tal-qalb. Monsinjur Isqof semma kif bejn l-Ordinazzjoni u l-Ewwel Quddiesa tiegħu, San Karlu kien għamel ix-xahar Injazjan u dan immarka profondament il-ministeru tiegħu bħala Isqof ta’ Milan.
Fid-dawl tal-Vanġelu tal-ġurnata (Lq 14:25-33), l-Isqof irrifletta fuq il-periklu tagħna li nkunu dixxipli li nimxu ma’ djul Kristu imma ma jkollniex esperjenza tiegħu. Meta Ġesù jgħidilna li biex wieħed ikun dixxiplu tiegħu jrid “jobgħod” lil missieru, ’l ommu u ’l ħutu, dan m’għandniex nifhmuh f’sens negattiv kontra l-affarijiet li huma tajbin fihom infushom. Imma dan il-kliem għandna nilqgħuh bħala kriterju li permezz tiegħu neskludu dak li jista’ jfixkel il-laqgħa tagħna ma’ Kristu. Min ikollu x-xorti li jiskopri l-ġmiel ta’ Kristu, iħalli kollox biex ma jitilfux. Fil-ħajja kollox isir relattiv ħdejn il-qligħ kbir li hemm fi Kristu.
Din il-laqgħa ma’ Kristu ma tifridniex mill-bnedmin, anzi twassal lil dawk li huma ragħajja tal-erwieħ biex jerfgħu l-piż tal-oħrajn. Fil-fatt għas-seminarista li qed jifforma ruħu għas-saċerdozju, is-sejħa sabiex jerfa’ salibu u jimxi wara Kristu għandha tiġi mifhuma bħala missjoni biex mhux biss jerfa’ s-salib tiegħu nnifsu imma wkoll dak tal-oħrajn. Bħala saċerdoti ma nistgħux nibqgħu “gallerija” quddiem is-slaleb tal-proxxmu tagħna. Bħal Kristu li aċċetta s-salib biex jerfa’ fuq spallejh it-toqol tad-dnub tal-umanità, is-saċerdot ma għandux jibża’ jġorr id-dnub ta’ ħutu l-bnedmin biex jaħarqu fin-nar tal-imħabba divina.
Għaldaqstant hija l-esperjenza personali tagħna ma’ Kristu li tagħmilna persuni mogħnija b’fidi li tiġbed lill-bnedmin lejn Alla.
F’dan l-anniversarju, l-Isqof awgura li s-Seminarju jkompli jkun dar li tifforma dixxipli li fihom jissawwar Kristu. Fl-aħħar nett, hu talab lill-Mulej għall-benefatturi kollha ħajjin u mejtin tas-Seminarju.