Novembru - ix-Xahar tal-Erwieħ

Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Erwieħ Mejtin kollha
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
It-Tnejn 2 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

XEWQAT MHUX MITMUMA

pr152432b.jpg

It-2 ta’ Novembru huwa jum ta’ diqa.  Inġarrbu n-niket għax niftakru f’għeżież tagħna li l-mewt fatmitna minnhom darba għal dejjem.  Imma t-tifkira ta’ ħutna li mietu tfakkarna f’tip ieħor ta’ niket.  Għaliex ġie li jseħħ li meta l-mewt taħsad il-ħajja ta’ xi ħadd minna, speċjalment meta tkun mewt ħesrem, ħafna affarijiet jibqgħu mhux kompluti – nibqgħu b’għadd ta’ unfinished symphonies!

Hemm persuni li jmutu mnikkta għaliex jitilqu mingħajr ma jaraw uħud minn xewqithom mitmuma.  Forsi wieħed ikun ilu snin miksur ma’ xi ħadd u qabel imut ikun jixtieq jagħmel paċi, imma għal xi raġuni jew oħra ma jirnexxilux.  Hemm dawk li jagħlqu għajnejhom għal din id-dinja mċaħħda minn tgħanniqa jew tbissima ta’ xi ħadd għażiż għalihom!  Hemm dawk li jkunu jixtiequ jitilqu fil-paċi, imma dawk ta’ madwarhom jibqgħu ma jagħtuhomx dan is-sodisfazzjon.  Kemm hija esperjenza kiefra li fl-aħħar jiem ta’ ħajjitna mmutu bil-piena!

Imma mbagħad hemm dawk li l-mewt ta’ persuna tħallihom imħawdin għax huma wkoll ikunu xtaqu jiddrittaw ħwejjeġ mgħawġa imma l-minġel tal-mewt ikun wasal qabilhom.

Jien naf min huwa mnikket qatigħ għax kien miġġieled ma’ persuna u din ġiet nieqsa qabel ma’ reġgħu għamlu ħbieb.

Naf b’oħrajn li għandhom għoqda fuq l-istonku tagħhom għax kienu ħatja ta’ inġustizzja li saret ma’ individwu li llum jinsab taħt ix-xorok.  Kieku llum, min ħawwad u bexkel jixtieq isewwi l-ħsara, imma jaf li issa huwa tard wisq.

Hemm min miet misruq u dak li serqu llum qalbu mimlija nikta għax jixtieq irodd lura, imma fl-istess waqt jaf li qatt ma jista’ jkollu dan is-sodisfazzjon, għax il-misruq issa midfun.

Niltaqa’ ma’ persuni li għandhom il-għali għax fiż-żmien biz-zekzik tagħhom taw fama ħażina lil xi ħadd li llum ġie nieqes.  Illum jixtiequ ħafna jroddulu lura l-isem tajjeb li ħadulu, imma issa dan għab.

Persuna tinsab ħafna mnikkta għax kien hemm bniedem li offrielha l-maħfra, imma dakinhar din issuppervjat u rrifjutat.  Illum din l-offerta ma għadhiex possibbiltà għax din il-persuna mietet.

Wieħed li spiss ikun f’ċimiterju qalli li mhux darba u tnejn, meta ċ-ċimiterju jkun vojt, jara individwi jibku dmugħ jaħraq fuq l-oqbra għax ikunu jixtiequ jagħmlu rikonċiljazzjoni mal-persuna midfuna.  Dawk li għadhom f’din id-dinja jsejħu, imma s-sejħa tagħhom tibqa’ bla tweġiba.

Qed ngħid dan l-ewwel nett biex noqogħdu attenti ħalli ħadd minna ma jasal imnikket fi tmiem ħajtu; imbagħad, biex ngħassu fuqna nfusna ħalli dak li għandna nagħmlu, nagħmluh u ma nkunux kawża tal-imrar għalina nfusna.  Jekk għandna xi dejn ma’ ħutna li telqu qabilna, dan nistgħu npaċuh billi nissufragawhom bit-talb u bil-karità.  Għalhekk il-jum tal-Għid tal-Imwiet, barra li huwa jum li fih noffru talb b’suffraġju għal ħutna mejtin, huwa wkoll opportunità biex min għandu l-ħtieġa, jirrikonċilja ruħu ma’ dawn ħutna li ħallewna.

Ir-ritratt hu mill-Quddiesa li fl-istess ġurnata ċċelebra l-Isqof fil-parti estiża taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija f’Għawdex. (Ħajr: MGOZ - George Scerri)