Stqarrija għall-Istampa
Kurja Veskovili ta’ Għawdex
6 ta’ Novembru 2015
L-Ittra tal-Isqof ta’ Għawdex dwar l-ambjent issa fi ktejjeb għat-tfal
L-Ittra li l-Isqof Mons. Mario Grech kiteb lit-tfal Għawdxin fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, li fuq xewqa tal-Papa Franġisku ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fil-Knisja Kattolika fl-1 ta’ Settembru 2015, issa hi ppubblikata fi ktejjeb attraenti tal-kulur li f’dawn il-jiem qed jitqassam b’xejn lill-istudenti kollha bejn it-tielet u s-sitt sena fl-iskejjel primarji ta’ Għawdex.
Fil-ktejjeb, Nieħdu ħsieb id-dinja tagħna, id-disinni tal-artista żagħżugħa Cynthia Saliba adattati għat-tfal jakkumpanjaw it-test tal-ittra ħelwa miktuba mill-Isqof ta’ Għawdex f’lingwaġġ li jinftiehem mill-ġenerazzjoni ż-żgħira.
Fiha Monsinjur Grech iħeġġeġ lit-tfal biex japprezzaw l-ambjent ta’ madwarhom u jibdew minn età żgħira jidraw miżuri favur l-ambjent.
It-tqassim tal-pubblikazzjoni, f’daqs ċkejken u mimlija bi stampi tal-kulur, u b’tipi li jiġbdu l-għajnejn tal-qarrejja ċkejknin, huma maħsuba biex jgħinu iżjed lit-tfal jilqgħu l-messaġġ tal-Isqof. Hu jagħlaq l-ittra tiegħu bl-istess talba li l-Papa Franġisku jikkonkludi biha l-Enċiklika Laudato Si’.
Din l-inizjattiva kienet possibbli grazzi għall-għajnuna finanzjarja ta’ Curmi & Partners.
Kopji tal-pubblikazzjoni jistgħu jinkisbu mill-Kurja tad-Djoċesi ta’ Għawdex.