Iħallina Dun Karm Cassar

Francesco Pio Attard

dun-karm-cassar.jpgIllum il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju 2015, fis-solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù meta l-Knisja titlob għall-qdusija tas-saċerdoti tagħha, fis-7.45am ħalliena fl-età ta’ tlieta u disgħin sena it-tieni l-ixjeħ saċerdot tad-Djoċesi ta’ Għawdex, Dun Karm Cassar minn Għajnsielem.  Minkejja l-età tiegħu, Dun Karm baqa’ sal-aħħar jispira żelu kbir għal Kristu u l-Knisja, u naturalment għal raħal twelidu!  Ħafna huma l-kitbiet li ħarġu mill-pinna tiegħu dwar l-istorja tar-raħal ta’ Għajnsielem u l-parroċċa tiegħu.

Dun Karm twieled fl-14 ta’ Settembru 1921, l-iżgħar fost seba’ aħwa.  Ta’ tmien snin daħal abbati u ssieħeb ukoll mal-“Kavallieri ta’ Sant’Antnin”, grupp vokazzjonali tal-Patrijiet Franġiskani ‘ta’ Ġieżu’ f’Għajnsielem.  Membru tal-Għajnsielem Sea Scouts, beda minn ċkunitu juri interess fil-mużika u daħal idoqq il-klarinett mal-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem.  Tgħallem ukoll il-pjanu, u b’hekk għal erbgħin sena sħaħ seta’ jagħti servizz bid-daqq ta’ l-orgni fil-knisja l-qadima ta’ Għajnsielem.

Wara li temm l-istudji tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex, ġie ordnat saċerdot fis-16 ta’ April 1949 flimkien ma’ tliet sħabu oħra, li llum ilkoll ħallewna.  Fl-1 ta’ Mejju ta’ wara ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fil-knisja parrokkjali l-qadima tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem.

Nistgħu ngħidu li fil-ministeru saċerdotali tiegħu dan il-qassis Għawdxi ma ħeliex żmien u ta kull ma seta’ biex jaqdi lill-Knisja.  Għal sitta u għoxrin sena sħaħ mexxa ċ-Ċirklu tal-Azzjoni Kattolika Virgo Lauretana, fejn ħoloq bosta attivitajiet għat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, mnejn ħarġu wkoll bosta plejers tal-futbol għal ma’ Għajnsielem FC.  Kien ukoll direttur tal-Grupp tal-Abbatini tal-parroċċa, u iktar minn hekk, direttur djoċesan tal-Piccolo Clero ta’ Għawdex.  Fi żmienu saru erba’ kungressi djoċesani tal-abbatini f’Għawdex, u akkumpanja għal tliet darbiet lill-abbatini Għawdxin fil-Vatikan.

Dun Karm kien ukoll attiv bħala direttur spiritwali fil-Leġjun ta’ Marija, u ddedika tmienja u tletin sena jgħallem il-katekiżmu fil-parroċċa.  Għal tant snin, kull xahar kien joħroġ il-Kruċjata Ewkaristika, karta manwali b’għadd ta’ ħsibijiet sbieħ għal kull età.

Kif semmejna, l-iżvilupp kulturali u soċjali ta’ Għajnsielem kien ħafna għal qalb Dun Karm.  Ma kienx hemm ħaġa f’Għajnsielem li ma tinteressahx, u għal din il-lokalità ddedika ħajtu kollha.  Kiteb kemm felaħ dwar ir-raħal u kien l-ewwel editur tar-rivista annwali tal-Banda San Ġużepp, li tagħha nħatar President Onorarju sa mewtu.  Kien jixraqlu li fl-1995 jingħata mill-Kunsill Lokali l-ewwel edizzjoni ta’ Ġieħ Għajnsielem.  Barra l-interess tiegħu fl-avvanz spiritwali u pastorali tal-parroċċa, kien ukoll benefattur ta’ bosta opri għall-knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem.  Għalkemm għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu ma joħroġx mid-dar, anki minn hemm kompla jagħmel il-ġid bil-kitba u t-tagħlim, speċjalment fuq l-istazzjon komunitarju tal-parroċċa, Radju Lawretana, li kien ħafna għal qalbu.

Għandna għax nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan is-saċerdot twajjeb, għaref u qaddis, li nqeda b’kull okkażjoni biex iwettaq ħidma fejjieda fl-għalqa tal-Mulej.  Ninqeda bi kliemu stess fl-2009, fis-sittin anniversarju tas-saċerdozju tiegħu, meta kiteb: “Nittama li l-Mulej issa jkollu ħniena minni billi jagħtini l-maħfra tan-nuqqasijiet kollha li stajt ikkommettejt f’ħajti, filwaqt li nistenna bis-sabar l-imħabba tiegħu u d-dirgħajn ta’ Marija Santissma, Ommu u Ommna, biex jilqgħuni ħalli nibqa’ nħobbhom u ngawdihom għal dejjem fis-Sema”.

Il-Funeral ta’ Dun Karm se jinżamm nhar it-Tlieta li ġej, 16 ta’ Ġunju.  Fis-2.30pm il-katavru jkun espost fil-knisja l-qadima ta’ Għajnsielem, fl-4.30pm isir it-talb tas-Salmi, u wara korteo għall-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Loreto, fejn fil-5.00pm toħroġ il-Quddiesa præsente cadavere.

Ħajr: Rivista Għajnsielem, Ġunju 2009; Ritratt: Radju Lawretana