Jum id-Donaturi tad-Demm - Ċirkulari tal-Isqof Mario Grech

jum-id-donaturi-tad-demm-2015.jpg

41/2015

ITTRA ĊIRKULARI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Leħen id-demm ta’ ħutna jgħajtilna

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

Għeżież,

Jumejn ilu ċċelebrajna s-solennità liturġika tal-Qalb ta’ Ġesù. Aħna ninġibdu lejn din il-Qalb Divina, u nikkontemplaw l-imħabba ta’ Ġesù li wasslitu biex joffri demmu għall-fidwa tal-bnedmin. L-eżempju tal-imħabba ta’ Ġesù jqanqalna biex aħna wkoll nagħtu demmna lil xulxin. Propju llum, 14 ta’ Ġunju, fid-dinja kollha qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Dan il-Jum ifakkarna fil-ġest kbir u sabiħ ta’ ħafna nies li, imqanqlin mill-imħabba lejn l-oħrajn, regolarment jagħtu d-demm. Hu ġest żgħir ta’ ftit ħin, imma li jista’ jsalva ħajja ta’ persuna.

Il-ħajja tal-lum spiss ma tħalliniex naħsbu biżżejjed fuq dak li jkun qed jiġri madwarna. Għad li meta niġu bżonn, nistennew li nsibu s-servizzi kollha tas-saħħa li neħtieġu, ftit nirriflettu kemm persuni kuljum, minħabba raġunijiet diversi ta’ saħħa, fl-isptarijiet tagħna jingħataw id-demm. Forsi rridu ngħaddu minnu aħna jew xi ħadd mill-familjari tagħna biex nindunaw kemm hu bżonnjuż u prezzjuż id-demm! Id-demm ma jinxtarax. Id-demm ma fihx prezz. Il-ħtieġa tad-demm għall-kura tal-morda ma tonqos qatt. Anzi, it-tobba u l-infermiera jgħidulna li d-domanda dejjem tiżdied.

Quddiem din il-ħtieġa kontinwa, ma nistgħux inkunu indifferenti! L-għoti tad-demm hu ġest ta’ mħabba u solidarjetà mal-marid. Trid tkun bla demm biex tisma’ l-karba ta’ min qiegħed jilgħabha mal-mewt u tibqa’ passiv. Diversi Missirijiet tal-Knisja għallmuna li jekk ma naqsmux il-ġid tagħna mal-oħrajn, inkunu qisna qed nisirqu jew nheddu l-ħajja ta’ min ikun fil-bżonn (San Ġwann Kriżostmu); min jaħbi l-ġid biex iżommu għalih, huwa ħati ta’ omiċidju (San Klement ta’ Lixandra). Dan it-tagħlim nistgħu napplikawh għall-għażliet li nagħmlu quddiem id-domanda għad-demm: bl-għoti tad-demm tagħna nkunu nagħtu l-ħajja lil min għandu saħħtu fil-periklu. Il-karba ta’ ħutna li huma fil-bżonn tad-demm b’xi mod tfakkarna fil-kliem li Alla qal lil Kajjin:  “id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art” (Ġen. 4,10).

Il-Vanġelu tal-lum kellimna dwar il-parabbola taż-żerriegħa, li miżrugħa fl-art tagħti kotra ta’ frott. F’dan l-istaġun tal-festi, spiss infakkru qaddisin martri li xerrdu demmhom għal Kristu. Jekk inqisu d-demm tal-martri bħala “żerriegħa tal-Insara”, kemm aktar nistgħu ngħidu li d-demm offrut b’xejn lil min jeħtieġu, huwa żerriegħa ta’ ċiviltà umana mġedda li tirbaħ l-egoiżmu bil-ġenerożità u s-solidarjetà. Infatti, aktar ma’ toktor u tissaħħaħ id-drawwa li persuni jagħtu d-demm, aktar inkunu nibnu kultura ta’ ġenerożità u altruwiżmu, għax meta nagħtu d-demm inkunu qed nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn; inkunu nifirxu aktar l-ispirtu ta’ solidarjetà, partikularment ma’ min hu marid u dgħajjef; inkunu ninsġu sens qawwi ta’ fraternità u nirrikonoxxu li aħna l-bnedmin ilkoll demm wieħed – id-demm ta’ kulħadd għandu l-istess kulur u l-istess valur!

Barra li huwa ġest umanitarju mill-isbaħ, l-għoti tad-demm huwa wkoll azzjoni reliġjuża eżemplari. Għax li taqsam demmek ma’ ħaddieħor huwa għamla għolja ta’ karità li tqiegħed fil-prattika l-kmandament tal-imħabba li tana Ġesù. Il-marid li jirċievi d-demm jagħtina l-okkażjoni biex immissu lil Ġesù. Infatti, kif Ġesù jgħid li kien bil-ġuħ u tajnieh x’jiekol u kien bil-għatx u sqejnieh, hekk ukoll jaf jgħid li kellu bżonn id-demm u aħna tajniehulu. Barra minn hekk, meta persuna tagħti d-demm, tkun timita lil Ġesù li fl-Ewkaristija tana demmu, li fuq is-salib xerred demmu biex aħna ngħixu. Dawk li jieħdu sehem fl-Ewkaristija, speċjalment fil-quddiesa tal-Ħadd, jixorbu mill-kalċi tad-demm ta’ Kristu biex imbagħad dan l-istess demm imħallat mad-demm tagħhom jgħaddi fil-vini ta’ Kristu preżenti fil-marid.

Inħossni grat li bħala Għawdxin għandna numru kbir ta’ donaturi tad-demm. Għalhekk, qabel xejn nixtieq insellem lil dawk li b’mod regolari jmorru jagħtu d-demm. Intom benefatturi kbar tagħna u nħeġġiġkom tissuktaw b’dan l-għemil qaddis. Fl-istess waqt inħeġġeġ oħrajn, speċjalment żgħażagħ, biex jagħmlu l-qalb u ma jibqgħux lura milli jinvestu mħabbithom f’dan il-bank tad-demm. Nissuggerixxi li kulħadd, xi darba jew oħra f’ħajtu, jagħmel donazzjoni tad-demm. Nistieden ukoll lill-komunitajiet parrokkjali biex l-għoti tad-demm ikun waħda mill-attivitajiet regolari tal-parroċċa. Meta nagħtu d-demm inkunu nikkkomunikaw il-ferħ tal-Vanġelu: kull għotja tad-demm tkompli ċċarrat il-velu li jaħbi l-wiċċ kollu miżerikordja ta’ Alla l-Missier.

Nagħlaq billi f’isem il-Knisja nsellem u nirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam tat-trasfużjoni tad-demm, u nħeġġiġhom ikomplu f’dan il-ministeru speċjali tagħhom.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum, il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Download English version: circ-41-2015-blood-donors-day.pdf