L-Arċisqof Scicluna fl-ewwel żjara uffiċjali lill-Knisja ta’ Għawdex ibierek il-mużajċi ġodda f’Ta’ Pinu
“F’att solenni tagħha l-Konferenza Episkopali Maltija tħabbar li s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex u dak tal-Madonna tal-Mellieħa f’Malta huma ż-żewġ Santwarji Nazzjonali ta’ pajjiżna”. Dan ħabbru l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, President tal-Konferenza Episkopali Maltija, waqt l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof Metropolita ta’ Malta, fid-Djoċesi ta’ Għawdex. (Għalkemm dawn iż-żewġ siti Marjani ilhom meqjusa bħala santwarji nazzjonali, sa issa ma kien hemm l-ebda digriet uffiċjali tal-Konferenza li jikkonferma dan.)
L-Erbgħa 27 ta’ Mejju 2015, l-Arċisqof Scicluna ġie mistieden imexxi Quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu, fejn miegħu, flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex, ikkonċelebraw il-kappillani u l-kleru Għawdxi. Qabel il-Quddiesa, fil-5.15pm, l-Arċisqof Scicluna mexxa r-rit tat-tberik tat-tliet mużajċi ġodda ta’ Marco Ivan Rupnik SJ li dan l-aħħar twaħħlu mal-faċċata tas-Santwarju. F’kelmtejn ta’ merħba, l-Isqof ta’ Għawdex irringrazzjah tal-preżenza tiegħu u wiegħdu t-talb tal-Knisja f’Għawdex fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu, waqt li rrikkmandah fl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, li l-Arċisqof Scicluna għandu tant għal qalbu.
F’ġest tassew simboliku u mhux previst mill-programm imħabbar, l-Isqof Grech talab lill-Arċisqof Scicluna jbierek hu floku l-mużajċi l-ġodda, biex dan ukoll jibqa’ sinjal tal-komunjoni taż-żewġ Djoċesijiet f’riġlejn Marija. Qabel it-tberik, Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju, ta spjega ħafifa tas-simboliżmu teoloġiku ta’ dawn l-opri ġodda ta’ arti sagra.
Fl-omelija tal-Quddiesa, l-Arċisqof ta’ Malta sellem lil “ħuti Għawdxin” u radd ħajr lill-Isqof Mario għall-kliem ta’ merħba tiegħu f’dan is-Santwarju Nazzjonali Marjan. Din id-dar ta’ Alla, qal l-Arċisqof, trid tkun ukoll bieb tas-Sema fejn wieħed iħossu qrib ta’ Omm Alla u miġbud mis-sejħa ta’ Marija: “Ejja, ejja”. Jekk nersqu lejha, nersqu wkoll lejn Ġesù, kif naraw fil-mużajk li għadu kemm tbierek.
L-Arċisqof Scicluna kompla josserva kif fix-xbieha tal-mużajk Marija tidher qed tippreżentalna lil Binha tfajjel liebes stola ta’ saċerdot, għax hu Iben Saċerdot u Vittma li joffri ħajtu għall-meħla. F’dik l-istola hemm aħna, għax Hu qed iġorrna fuq spallejh, u hemm imħabbtu għalina. Meta nħarsu lejn dan il-mużajk aħna u deħlin mill-bieb tas-Santwarju, ħa niftakru wkoll li dan hu l-bieb tal-ħniena, għax l-istola dehbija hi sinjal tal-għotja tiegħu li kisbilna ħniena u maħfra.
Il-Vanġelu tal-għaxar xebbiet ġie mħabbar minn Dun Tarċisju Camilleri, il-Vigarju Ġenerali l-ġdid tad-Djoċesi ta’ Għawdex. F’kumment dwar din is-silta tal-Vanġelu, l-Arċisqof Scicluna qal li jeħtieġ nitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu taqlgħalna d-don tal-għaqal ħalli meta jiġi, l-Għarus isibna nilqgħuh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna. Għalhekk jeħtieġ naħsbu għaż-żejt fil-kus biex il-musbieħ tagħna jibqa’ jixgħel.
X’inhu l-għaqal?, staqsa Mons. Scicluna. Hu don tal-Ispirtu s-Santu, li mhux biss jgħinek tevita l-bluha, imma wkoll tħares lejn l-għerf li ġej mill-Kelma ta’ Alla u tagħraf twettaqha f’ħajtek. Aħna nisimgħuha l-Kelma, imma ħafna drabi ma nħalluhiex tagħmel frott fina għax ix-xewk u l-għolliq tal-ħajja joħnoqha. Nitolbu lil Marija, xempju tas-smigħ, biex timliena bil-kuraġġ ngħixu l-Kelma li nisimgħu.
L-għaqal veru jgħallmek torbot qalbek ma’ dak li jibqa’ għal dejjem u tgħożż l-imħabba vera, imħabba bħal dik li biha ħabbna u għallimna nħobbu l-Mulej, tenna l-Arċisqof. Ejjew ma naqtgħu qatt qalbna mill-ħniena ta’ Alla! Dan l-istess għaqal jipperswadik li int midjun mal-ħniena ta’ Alla, imma fl-istess ħin iqawwik ukoll biex temmen li Alla se jaħfirlek dejjem. Alla għandu għatx kbir biex iħaddan lill-bniedem ma’ qalbu. Hu jimla l-kus tal-ħajja bil-ferħ Nisrani u bil-fwieħa tal-ħajja safja.
L-Arċisqof Scicluna temm il-ħsieb tiegħu bi stedina mħeġġa biex nitolbu lil Marija u nħallu għajnejna jiltaqgħu mal-ħarsa ħanina tagħna, ħalli turina lil Ġesù, għax fejn hemm Ommu, hemm Hu, il-Ħaruf li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.
Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech, f’isem il-Knisja f’Għawdex, ippreżenta lill-Arċisqof Scicluna kwadru tal-fidda tal-Madonna Ta’ Pinu, u mbagħad wara l-innu tal-aħħar huma daħlu fil-Kappella fejn quddiem ix-xbieha tal-Verġni Mbierka talbu t-tliet Avemarijiet irrikkmandati minnha lil Karmni Grima.
Il-liturġija solenni kienet animata mill-Kor Stella Maris taħt id-direzzjoni ta’ Carmel P. Grech, u ġiet imxandra fuq Radju Marija. Fl-istess okkażjoni l-Knisja f’Għawdex kienet qed tfakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju miż-żjara tal-Q.T. il-Papa San Ġwanni Pawlu II waqt il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu lill-gżejjer Maltin f’Mejju 1990.
Ritratti: John Cordina