Ħames affreski ġodda għall-“Mixja tal-Pellegrin” fit-triq Ta’ Pinu

dsc_7020.jpg

Fit-triq li twassal għas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, fl-Għarb, Għawdex għadhom kemm twaħħlu l-misteri ta’ Il-Mixja tal-Pellegrin, ħames niċeċ f’forma ta’ bank li jservu ta’ waqfiet ta’ talb u riflessjoni għall-pellegrin fi triqtu lejn is-Santwarju tal-Madonna.  In-niċeċ fihom ħames affreski oriġinali, xogħol l-artist Sergio Favotto, ta’ fama internazzjonali.  Is-suġġetti tagħhom ġew magħżula minn Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju, minn fost l-invokazzjonijiet tal-Litanija Lawretana, bl-għan li jirrappreżentaw lid-diversi kategoriji ta’ nies li kuljum iżuru s-Santwarju.  It-temi magħżula huma Marija Għajnuna tal-Insara, Marija Kenn tal-Midinbin, Marija Saħħa tal-Morda, Marija Sultana tal-Familja u Marija Sultana tal-Paċi.

Ir-Rettur spjega kif b’hekk issa “inħoloq spazju ieħor ta’ talb biex ifakkar lil kull pellegrin li l-ħajja hija mixja kontinwa ta’ tfittxija u skoperta tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tiegħu; mixja li ssib il-qofol tagħha fis-Sema għaliex aħna pellegrini u ċittadini tas-Sema.  Fi tmiem din il-mixja l-pellegrin, wara li jkun għamel esperjenza tal-paċi ta’ Alla fis-Santwarju Ta’ Pinu, jiġi mistieden jirritorna lejn daru biex ikun huwa stess li jwassal il-paċi fil-familja, mal-morda, joqgħod attent biex ma jitlifx il-paċi interna bid-dnub, u fuq kollox ikun huwa stess bniedem lest biex dejjem jgħin lill-oħrajn.  B’ħekk il-ħajja tan-Nisrani ssir ħajja li tagħti glorja lil Alla”.

Waqt li s-Santwarju offra dawn l-affreski biex jitpoġġew fuq art komuni ħalli kulħadd ikun jista’ jgawdi din is-sbuħija spiritwali u artistika f’nofs il-kampanja sabiħa ta’ pajjiżna, il-Ministeru għal Għawdex ħa ħsieb il-bini ta’ dawn in-niċeċ biex waqt li jkompli jsebbaħ lil Għawdex, din tkun inizjattiva oħra li tgħin sabiex tagħti spinta oħra lit-Turiżmu Reliġjuż f’pajjiżna.

L-artista Sergio Favotto, li ħadem dawn l-affreski b’xejn u tahom b’donazzjoni lis-Santwarju, beda l-karriera tiegħu fl-arti sagra fl-1964.  Matul is-snin hu pproduċa xogħlijiet monumentali bħal affreski sagri għal knejjes u kollezzjonijiet privati.  Fl-2004 hu ħadem il-lunetti tal-koppla tal-Bażilika ta’ Montecassino, waqt li affreski oħra tiegħu jinsabu fil-Monasteru ta’ San Ġwann l-Evanġelista f’Lecce; u pittura tal-Kurċifiss li tinsab fuq l-altar tal-kappella privata tal-Kardinal Angelo Sodano.  L-artist studja sew l-arti Rinaxximentali u hu influwenzat minnha.  Hu jħaddem it-teknika antika tal-affreski u l-enkawst.  Huwa wkoll kelliem imfittex fil-qasam tal-arti.

L-inawgurazzjoni tal-Mixja tal-Pellegrin saret minn Dr Anton Refalo, Ministru għal Għawdex, nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju fid-9.30am.  F’diskors qasir, il-Ministru Refalo qal li “dan hu monument kbir mhux għal Ta’ Pinu biss, imma għal Għawdex kollu.  Il-ħajja tal-bniedem hija mixja li twasslek fejn il-Ħallieq, u din hija parti minn din il-mixja”.  Refalo saħaq fuq l-importanza tat-turiżmu reliġjuż għall-gżira Għawdxija, u sejjaħ lil Ta’ Pinu l-‘mekka’ ta’ dan it-turiżmu.

L-affreski ġodda tbierku mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, li f’messaġġ li ta għall-okkażjoni qal li “permezz ta’ din l-opra artistika, is-Santwarju qed ikompli t-tradizzjoni tiegħu li jżewweġ l-arti mat-twemmin”.

“Il-preżenza ta’ dawn l-affreski ser tqassar it-triq tal-pellegrin li qalbu tmexxih lejn id-dar ta’ Marija – għax jekk meta jibda jmidd il-passi tiegħu lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, ħafna drabi l-pellegrin ikun mgħobbi sewwa bit-toqol tat-tagħbija tal-ħajja personali u familjari, huwa u jieqaf quddiem dawn l-ikoni, il-faraġ u t-tama li jispiraw dawn ix-xbihat ser iserrħuh”, żied l-Isqof, li tenna li dawn l-affreski għandhom ukoll messaġġ soċjali qawwi.