L-ISPIRTU JAĠIXXI WKOLL BARRA MILL-KNISJA

Omelija fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
Is-Sibt 23 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Għalkemm il-profeta jgħid li Alla jsawwab l-Ispirtu tiegħu fuq “il-ħlejjaq kollha… imqar fuq il-qaddejja rġiel u nisa” (Ġoel 3:1-2), jien konvint li ħafna fil-Knisja għandhom diffikultà biex jaċċettaw din il-libertà ta’ Alla.  Mhux lakemm nifhmu kif Alla kapaċi jqassam l-Ispirtu tiegħu fuq kulħadd mingħajr ma joqgħod jagħżel għal raġuni ġeografika, soċjoloġika jew ta’ twemmin. 

Ladarba Alla jsawwab l-Ispirtu tiegħu fuq il-ħlejjaq kollha, dan ifisser li l-Ispirtu jasal ukoll fuq dawk li għal xi raġuni jew oħra huma “barra” mill-Knisja.  Nibża’ li din il-verità tista’ tħawwad u tfixkel lil diversi, iktar u iktar jekk, kif jgħid il-profeta, l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem ukoll fuq il-“qaddejja”.  Fil-mentalità Biblika l-qaddej ma kien jiswa għal xejn.  Kien meqjus bħala “skjav” u għalhekk kien imjassar, skartat u nieqes mil-libertà.  Il-kundizzjoni tiegħu kienet tneżżgħu mid-dinjità umana tiegħu.  Minkejja kollox, Alla jaf jixħet fuqu l-Ispirtu tiegħu.  Għalhekk l-Ispirtu ta’ Alla jista’ jitkellem anki b’dawk li jinsabu fit-truf nett, u allura ma humiex minn dawk li s-soltu jpoġġu fuq quddiem; anki dawk li jistgħu jkunu mgħobbija b’xi madmad tal-ħajja jew il-kurrent ikun tefagħhom fuq in-naħa tal-iskart tas-soċjetà u tal-Knisja, jafu jkunu messaġġiera ta’ Alla!

Għalhekk sinċerament nitlob lil Alla biex jgħin lilna bħala Knisja biex ma nagħmlux reżistenzi għall-Ispirtu s-Santu li huwa preżenti fil-Knisja, imma mhux fil-Knisja biss.  Dan l-aħħar il-Papa Franġisku qalilna biex ma nagħlqux lill-Ispirtu f’gaġġa u hekk nimblukkaw l-azzjoni tiegħu.  Hemm bżonn ngħassu fuqna nfusna biex ma nillimitawx lill-Ispirtu s-Santu għal ċerti skemi mentali, formularji u ritwali.  Jekk jiġri dan, allura ma jibqax l-Ispirtu ta’ Alla imma jsir l-ispirtu tal-bniedem.  Anki l-istituzzjoni tal-Knisja trid toqgħod ħafna attenta, għax faċli li jekk ma jkunx l-Ispirtu ta’ Alla li janimaha, ikun l-ispirtu tan-nies tal-Knisja… u l-ispirtu ta’ dawn in-nies mhux l-Ispirtu ta’ Alla.  L-ispirtu tal-Knisja għandu jkun l-Ispirtu ta’ Alla, imma mhux dejjem huwa hekk.  Matul l-istorja ġieli l-ispirtu tan-nies tal-istituzzjoni tal-Knisja faga l-Ispirtu ta’ Alla.

Fl-Atti tal-Appostli naqraw li darba f’Ċesarija kien hemm Kornelju, ċenturjun Ruman.  Dan kellu dehra ta’ anġlu ta’ Alla li talbu biex jibgħat għal Pietru li kien Ġaffa u jistiednu jiġi d-dar tiegħu.  Minkejja li Kornelju kien pagan u ma kienx minn “ta’ ġewwa”, għax ma kienx jagħmel parti mill-poplu l-magħżul ta’ Alla, Pietru jasal id-dar ta’ dan iċ-ċenturjun u baqa’ dieħel “sa ġewwa”.  Hemmhekk Pietru jistqarr li l-Ispirtu ta’ Alla kien qallu li għal Alla la hemm profan u anqas imniġġes… u “li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun…  Waqt li kien qed jitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh… u dawk li kienu ma’ Pietru stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll” (Atti 10:44-45).  Interessanti li Pietru “stagħġeb” li f’dan il-każ, l-Ispirtu ta’ Alla kien antiċipah – li l-Ispirtu ta’ Alla kien wasal għand Kornelju u l-familja tiegħu – fuq din ir-realtà profana u mniġġsa – qabel ma dawn ġew mgħammdin!  Mhux ta’ b’xejn li anki llum ħafna ma jridux iniżżluha li l-Ispirtu ta’ Alla jaf ikun preżenti f’realtajiet profani u mniġġsa!

Verament ma kienx hemm motiv għalfejn Pietru jistagħġeb, għaliex Ġesù kien diġà tahom indikazzjonijiet preċiżi.  Ġesù daħħal stil ġdid għalkollox – kien jiekol mal-midinbin, għamel il-mirakli s-Sibt, tħallat mal-pagani…  Imma mid-dehra d-dixxipli ma fehmu xejn minn dan u ma ridux ibiddlu n-nuċċali, biex jibqgħu jaraw kollox skont il-mentalità u t-tradizzjonijiet li kellhom.  Fi kliem ieħor kienu wisq marbutin mas-suppost ċertezzi li kellhom.  Imma fil-każ ta’ Kornelju, Pietru fehem li Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġin.  Għal Pietru l-qagħda tal-familja ta’ Kornelju kienet realtà li mhux biss ma kienx jixirqilha attenzjoni pastorali imma kienet ta’ min iwarrabha.  Imma kien propju f’din is-sitwazzjoni profana u mniġġsa li seħħet il-“konverżjoni” – kemm il-konverżjoni ta’ familja pagana u kemm il-konverżjoni tal-qalb u l-moħħ pastorali ta’ Pietru li kien jaħseb li kien jemmen qatigħ.  Hawnhekk Pietru fehem li Alla huwa wisq ikbar u qawwi mill-istess istituzzjoni; huwa għaraf li anki persuna profana u mniġġsa saret għalih “għalliema”.

Nemmen li aħna għandna ħafna x’nitgħallmu minn din il-ġrajja.  Alla qed jgħidilna biex infittxu dawk il-messaġġi li qiegħed jgħaddilna wkoll minn dawk il-persuni u sitwazzjonijiet li qatt ma nimmaġinaw li jistgħu jkunu strument tal-Ispirtu s-Santu!  Ma aħniex ħielsa mir-riskju li l-formazzjoni tagħna, il-ġerħat tagħna, ir-riġidità tagħna u l-inċertezzi tagħna jwassluna biex inqiegħdu lill-Ispirtu s-Santu f’gaġġa, kif kien ittentat jagħmel Pietru.  Illum ukoll aħna għandna bżonn “nikkonvertu” u naċċettaw li anki llum l-Ispirtu ta’ Alla jaf ikun kreattiv u mhux konformista; huwa Alla imprevedibbli imma mhux kontradittorju.  Għalhekk sewwa li nibqgħu nsejħu lill-Ispirtu s-Santu jiftħilna l-menti u l-qlub tagħna għas-sinjali tal-preżenza tiegħu li jistgħu qegħdin ’l hinn miz-zuntier f’realtajiet u stejjer li aħna niġġudikawhom bħala profani u mniġġsa.  F’dawn ir-realtajiet jaf ikun hemm xi żerriegħa tal-verità (semina verbi).  Aħna jrid ikollna dik il-ħila li naqraw x’inhu jgħid l-Ispirtu mhux biss fil-Knisja imma wkoll barra mill-Knisja.

Huwa fatt li qegħdin ngħixu f’kultura li kulma jmur qiegħda tinża’ l-libsa Kristjana.  Illum nifhem li bil-kundanni ma aħna ser nibdlu lil ħadd; anqas ma għandna nirtiraw mill-pjazza.  Imma kif jgħid Eżekjel, għandna nħallu lil Alla joħroġna mill-qabar tagħna (37:1-14).  Ma nistagħġbux li għandna bżonn l-esperjenza xejn sabiħa tal-qabar u tal-mewt, għax din l-esperjenza hija obbligatorja għal min imbagħad irid jagħmel l-esperjenza tal-qawmien.  It-tama Nisranija twassalna biex infittxu u naraw x’inhu jgħid l-Ispirtu ta’ Alla anki f’din il-kultura.  Għax jekk l-għażliet li qed tagħmel is-soċjetà qed inisslu għadd ta’ mistoqsijiet, wara dawk l-għażliet hemm persuni li huma maħbubin minn Alla, anki jekk huma stess ma jafux – huma persuni mifdijin minn Ġesù.  Jekk huma mifdija bid-demm ta’ Kristu, ma jistax ikun li dawn ma għandhom xejn tajjeb fihom.  Fihom ukoll jaf ikun hemm l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem.  Il-kapaċità tagħna bħala komunità ekkleżjali hija li aħna nintebħu x’inhuma dawn l-elementi pożittivi fihom u noffru proposti pastorali biex inweżnuhom fil-mixja tagħhom.

Illum qegħdin irroddu ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja kkonsagrata fid-Djoċesi.  Nitolbu lil Alla jgħin lill-ikkonsagrati jfanndu ħalli jaraw x’għamlu l-fundaturi tagħhom meta ħallew l-Ispirtu jmexxihom.  Żgur li huma qraw is-sinjali ta’ żminijiethom u l-Ispirtu s-Santu nebbaħhom biex jagħtu proposti pastorali li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-bniedem ta’ żmienhom.  Inħeġġeġ lill-ikkonsagrati jikkultivaw id-dimensjoni profetika tas-sejħa tagħhom, għax ikun gwaj kbir jekk fil-Knisja tiġi nieqsa l-profezija.  Kif nistqarru fil-Kredu, huwa permezz tal-profeti li jitkellem l-Ispirtu s-Santu.  Il-persuni kkonsagrati huma meħtieġa fil-Knisja biex jgħinuna naqraw ir-realtà ta’ madwarna mhux bi kriterji soċjoloġiċi imma bil-lenti tal-Ispirtu; akar ma jirnexxielna nirrikonoxxu x’inhu jgħid l-Ispirtu lill-Knisja llum, aktar inkunu nistgħu nagħtu s-sehem tagħna b’risq ċiviltà aktar umana.