MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU GĦALL-JUM DINJI TAL-MISSJONI 2015

Għeżież ħuti,

Il-Jum Dinji tal-Missjoni 2015 qed jiġi ċċelebrat bis-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata fl-isfond tiegħu u għalhekk minnha jirċievi stimolu għat-talb u r-riflessjoni.  Fil-fatt, jekk kull mgħammed hu msejjaħ biex jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu billi jxandar il-fidi milqugħa bħala don, dan jgħodd b’mod partikulari għall-persuna kkonsagrata, għax bejn il-ħajja kkonsagrata u l-missjoni hemm rabta qawwija.  Il-mixja wara Ġesù, li minnha tnisslet fil-Knisja l-ħajja kkonsagrata, twieġeb għas-sejħa biex nerfgħu s-salib tagħna u nimxu warajH, biex inkunu nixbhuh fl-għotja tiegħu lill-Missier u l-ġesti tiegħu ta’ qadi u mħabba, biex nitilfu ħajjitna ħalli nerġgħu nsibuha.  U la l-ħajja kollha ta’ Kristu għandha dan il-karattru missjunarju, l-irġiel u nisa li jimxu warajh iżjed mill-qrib għandhom jagħmlu tagħhom b’mod sħiħ dan il-karattru.

Id-dimensjoni missjunarja, li hi fl-istess natura tal-Knisja, hi intrinsika wkoll għal kull għamla ta’ ħajja kkonsagrata, u ma tistax tiġi mwarrba għall-ġenb mingħajr ma tħalli vojt li jisfigura l-kariżma.  Il-missjoni m’hix proselitiżmu jew sempliċi strateġija; il-missjoni tagħmel parti mill-“grammatika” tal-fidi, hi ħaġa essenzjali għal min jisma’ l-leħen ta’ l-Ispirtu li jissuġġerilu “ejja” u “mur”.  Min jimxi wara Kristu ma jistax ma jsirx missjunarju, u jaf li Ġesù “qed jimxi miegħu, jitkellem miegħu, jieħu n-nifs miegħu.  Iħossu lil Ġesù ħaj miegħu qalb il-ħidma missjunarja” (Eżortazzjoni appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu, 266).

Il-missjoni hi passjoni għal Ġesù Kristu u fl-istess waqt hi passjoni għan-nies.  Meta nintasbu fit-talb quddiem Ġesù Kurċifiss, nagħrfu l-kobor ta’ mħabbtu li tagħtina dinjità u tweżinna; u fl-istess waqt inħossu li dik l-imħabba ħierġa mill-qalb minfuda tiegħu trid tissawwab fuq il-poplu kollu ta’ Alla u fuq il-bnedmin kollha; u hekk inħossu wkoll li Hu jrid jinqeda bina biex jersaq dejjem eqreb tal-poplu maħbub tiegħu (ara ibid, 268) u ta’ dawk kollha li qed ifittxuh b’qalb sinċiera.  Fil-kmandament ta’ Ġesù “morru” hemm preżenti x-xenarji u l-isfidi dejjem ġodda tal-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza.  Fiha lkoll aħna msejħin inħabbru l-Vanġelu bix-xhieda ta’ ħajjitna; u b’mod speċjali mill-ikkonsagrati hu mitlub li jisimgħu l-leħen ta’ l-Ispirtu li jsejħilhom biex joħorġu lejn il-periferiji kbar tal-missjoni, fost in-nies li għadu ma waslilhomx il-Vanġelu.

Il-ħmistax-il anniversarju tad-Digriet tal-Konċilju Ad gentes qed jistedinna naqraw mill-ġdid u nimmeditaw dan id-dokument li ġab ċaqliqa kbira missjunarja fl-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata.  Fil-komunitajiet kontemplattivi reġgħet spikkat taħt dawl ġdid u b’elokwenza kbira l-figura ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Patruna tal-Missjonijiet, li nebbħitna dwar ir-rabta intima bejn il-ħajja kontemplattiva u l-missjoni.  Għal ħafna kongregazzjonijiet reliġjużi ta’ ħajja attiva n-nifs missjunarju li ta l-Konċilju Vatikan II twettaq fi ftuħ straordinarju għall-missjoni ad gentes, spiss imsieħeb mil-laqgħa ta’ aħwa rġiel u nisa ġejjin mill-artijiet u l-kulturi li magħhom huma ltaqgħu fl-evanġelizzazzjoni, hekk li l-lum fil-ħajja kkonsagrata nistgħu nitkellmu fuq interkulturalità mifruxa.  Propju għalhekk huwa urġenti li nipproponu mill-ġdid l-ideal fil-qalba tal-missjoni: Ġesù Kristu, u dak li huwa jitlob minna: id-don sħiħ tagħna nfusna għat-tħabbira tal-Vanġelu.  Ma jistax ikun hemm kompromessi f’dan: min, bil-grazzja ta’ Alla, jilqa’ l-missjoni, hu msejjaħ jgħix il-missjoni.  Għal dawn il-persuni, it-tħabbira ta’ Kristu, fid-diversi periferiji tad-dinja, issir il-mod kif huma jgħixu l-mixja tagħhom warajH u l-premju għat-taħbit u s-sagrifiċċji tagħhom.  Kull tendenza li wieħed jitbiegħed minn din il-vokazzjoni, anki jekk imsieħba minn motivazzjonijiet nobbli marbuta ma’ tant ħtiġijiet pastorali, ekkleżjali jew umanitarji, ma taqbilx mas-sejħa personali tal-Mulej għall-qadi tal-Vanġelu.  Fl-Istituti missjunarji dawk responsabbli mill-formazzjoni huma msejħa kemm biex juru b’mod ċar u onestà din il-prospettiva ta’ ħajja u ta’ azzjoni, u kemm biex ikunu awtorevoli fid-dixxerniment ta’ vokazzjonijiet missjunarji awtentiċi.  Fuq kollox indur lejn iż-żgħażagħ, li għadhom kapaċi jagħtu xhieda qalbiena u jidħlu għal ħidmiet ġenerużi u kultant kontra l-kurrent: tħallux min jisirqilkom il-ħolma ta’ missjoni vera, ta’ mixja wara Ġesù li timplika d-don tagħkom infuskom.  Fil-kwiet tal-kuxjenza tagħkom, staqsu lilkom infuskom x’inhi r-raġuni li għaliha għażiltu l-ħajja reliġjuża missjunarja u kejlu d-disponibbiltà li għandkom biex taċċettawha għal dak li hi: don ta’ mħabba għall-qadi tat-tħabbira tal-Vanġelu, waqt li tiftakru li, qabel ma hi bżonn għal dawk li ma jafuhx, it-tħabbira tal-Vanġelu hi ħtieġa għal min iħobb lill-Imgħallem.

Il-lum, il-ħajja missjunarja għandha quddiemha l-isfida li trid tirrispetta l-ħtieġa tal-popli kollha li jerġgħu lura lejn l-għeruq tagħhom u jħarsu l-valuri tal-kulturi tagħhom.  Ifisser li nagħrfu u nirrispettaw tradizzjonijiet u sistemi filosofiċi oħra, u lil kull poplu u kultura nagħrfulhom id-dritt li jħallu tgħinhom l-istess tradizzjoni tagħhom fl-għarfien tal-misteru ta’ Alla u fil-laqgħa mal-Vanġelu ta’ Ġesù, li hu dawl għall-kulturi u qawwa li kapaċi tibdilhom.

F’din id-dinamika kumplessa, nistaqsu lilna nfusna: “Min huma d-destinatarji pprivileġġjati tat-tħabbira tal-Vanġelu?”.  It-tweġiba hi ċara u nsibuha fil-Vanġelu stess: il-foqra, iċ-ċkejknin u l-morda, dawk li spiss huma mkasbra u minsija, dawk li m’għandhomx biex iħallsuk lura (ara Lq 14:13-14).  L-evanġelizzazzjoni indirizzata preferenzjalment lilhom hi sinjal tas-Saltna li Ġesù ġie jibni: “Hemm rabta inseparabbli bejn il-fidi tagħna u l-foqra.  Ma nitilquhom qatt waħidhom” (Eżortazzjoni appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu, 48).  Dan irid ikun ċar speċjalment għall-persuni li jħaddnu l-ħajja kkonsagrata missjunarja: bil-vot tal-faqar jagħżlu li jimxu wara Kristu f’din il-preferenza tiegħu, mhux ideoloġikament, imma billi bħalU jitwaħħdu mal-foqra, jgħixu bħalhom fil-qagħda prekarja tal-ħajja ta’ kuljum u billi jirrifjutaw kull għamla ta’ setgħa biex isiru aħwa tal-foqra, iwasslulhom ix-xhieda tal-ferħ tal-Vanġelu u l-espressjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla.

Biex jistgħu jgħixu x-xhieda Nisranija u s-sinjali ta’ l-imħabba tal-Missier fost iċ-ċkejkna u l-foqra, l-ikkonsagrati huma msejħa jippromovu fis-servizz tal-missjoni l-preżenza tal-fidili lajċi.  Diġà l-Konċilju Vatikan II qal: “Il-lajċi jikkoperaw fix-xogħol tat-tixrid tal-Vanġelu tal-Knisja u jieħdu sehem bħala xhieda u fl-istess ħin bħala strumenti ħajjin fil-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni” (Ad gentes, 41).  Hemm bżonn li l-missjunarji kkonsagrati b’kuraġġ jinfetħu dejjem iżjed quddiem dawk li huma lesti jikkollaboraw magħhom, anki jekk għal ftit taż-żmien, f’esperjenza f’dan il-qasam.  Huma aħwa li jixtiequ jipparteċipaw fil-vokazzjoni missjunarja li hi parti mill-Magħmudija.  Id-djar u l-istrutturi tal-missjonijiet huma mkejjen naturali fejn iħossuhom milqugħa u mwieżna fuq livell uman, spiritwali u appostoliku.

L-Istituzzjonijiet u l-Opri missjunarji tal-Knisja qegħdin f’kollox għas-servizz ta’ dawk li għadhom ma jafux bil-Vanġelu ta’ Ġesù.  Biex iwettqu b’mod effikaċi dan l-għan, huma għandhom bżonn tal-kariżmi u ta’ l-impenn missjunarju ta’ l-ikkonsagrati, imma anki l-ikkonsagrati għandhom bżonn ta’ struttura ta’ servizz, espressjoni ta’ l-għożża u l-attenzjoni ta’ l-Isqof ta’ Ruma biex jiggarantixxi l-koinonia, biex hekk il-kollaborazzjoni u s-sinerġija jkunu parti integrali mix-xhieda missjunarja.  Ġesù qiegħed l-għaqda ta’ bejn id-dixxipli bħala kundizzjoni biex id-dinja temmen (ara Ġw 17:21).  Din il-fehma waħda m’hix bħal xi sottomissjoni ġuridika-organizzattiva għal organiżmi istituzzjonali, jew li nissagrifikaw il-fantasija ta’ l-Ispirtu li jqanqal id-diversità, imma tagħmel iktar effikaċi l-messaġġ evanġeliku għax tippromovi dik l-għaqda ta’ fehmiet li wkoll hi frott ta’ l-Ispirtu.

L-Opra Missjunarju tas-Suċċessur ta’ Pietru għandha xefaq appostoliku universali.  Għalhekk teħtieġ ukoll ta’ bosta kariżmi tal-ħajja kkonsagrata, biex tista’ tersaq lejn ix-xefaq vast ta’ l-evnaġelizzazzjoni u tkun kapaċi tiżgura preżenza xierqa fuq il-fruntieri u fit-territorji milħuqa.

Għeżież ħuti, il-passjoni tal-missjunarju hi l-Vanġelu.  San Pawl seta’ jgħid b’wiċċu minn quddiem: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx il-Vanġelu!” (1 Kor 9:16).  Il-Vanġelu hu għajn ta’ ferħ, ta’ ħelsien u ta’ fidwa għal kull bniedem.  Il-Knisja taf sew b’dan id-don, għalhekk ma tegħja qatt tħabbar bla heda lil kulħadd “dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna” (1 Ġw 1:1).  Il-missjoni tal-qaddejja tal-Kelma – isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi – hi dik li ngħinu lil kulħadd, bla ma nħallu lil ħadd barra, jidħol f’relazzjoni personali ma’ Kristu.  Fil-qasam vast tal-ħidma missjunarja tal-Knisja, kull min hu mgħammed hu msejjaħ jgħix bl-aħjar mod l-impenn tiegħu, skond il-qagħda personali tiegħu.  Tweġiba ġeneruża għal din is-sejħa universali jistgħu joffruha l-ikkonsagrati, permezz ta’ ħajja intensa ta’ talb u ta’ għaqda mal-Mulej u mas-sagrifiċċju feddej tiegħu.

Waqt li nafda f’idejn Marija, Omm il-Knisja u xempju ta’ missjonarjetà, lil dawk kollha li, ad gentes jew fit-territorju fejn jgħixu, f’kull stat ta’ ħajja jikkoperaw mat-tħabbira tal-Vanġelu, nibgħat minn qalbi fuq kull wieħed u waħda minnkom il-Barka Appostolika.

Mill-Vatikan, 24 ta’ Mejju 2015
Solennità ta’ Għid il-Ħamsin

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard