39/2015
ITTRA PASTORALI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Randan 2015
KRISTU JIXXOTTA D-DMUGĦ
Għeżież,
Fil-ħajja tiegħi ta’ saċerdot rajt persuni jibku bil-ferħ; imma naf ħafna aktar li jolfqu għax qalbhom maqsuma. Filwaqt li huwa normali li f’mumenti sbieħ naqsmu l-ferħ tagħna mal-oħrajn, ħafna drabi, meta l-inkwiet iżurna, nibku waħidna, kemm għaliex min-natura tiegħu l-bniedem ifittex jostor dan l-iżvog intimu tiegħu, u kemm għaliex drabi oħra ma jsibx min jibki miegħu.
Demgħat
Fil-laqgħat li qed ikolli magħkom matul il-Viżta Pastorali, b’mod partikulari fiż-żjajjar fil-familji, qed niltaqa’ ma’ diversi sitwazzjonijiet ta’ qsim il-qalb.
Hemm dawk li huma mifnija bis-sens ta’ ħtija, għax ma jistgħux jaħfru lilhom infushom għal xi għelt li jkunu wettqu fl-imgħoddi.
Niftakar f’dawk il-morda li ssibhom bl-għata fuq wiċċhom biex jaħbu għajnejhom li jkunu jgħumu fid-dmugħ minħabba l-uġigħ qalil jew għax ikunu tilfu kull tama ta’ fejqan.
Iltqajt ma’ min ittallab u għadu jittallab biex iħallas għall-kura.
Inġib quddiem għajnejja lil dawk li huma bla xogħol, għandhom xogħol prekarju jew saret inġustizzja magħhom.
Għandi f’moħħi dawk il-koppji li ma jistgħux isawru familja, jew għandhom xi wild b’diżabilità serja, inkella għandu xi marda gravi.
Kif nista’ ninsa lil dawk il-familji fejn hemm il-firdiet? Jgħaddu s-snin, u ġenituri u wlied jibqgħu ma jitkellmux, id-demm tal-aħwa bħal donnu jsir semm, u nanniet u neputijiet ma jiltaqgħux.
Imbagħad hemm dawk li għaddejjin minn tbatija kbira għaliex iħossuhom imġennbin, jekk mhux ukoll ikkundannati mill-bqija minħabba li għażlu stil ta’ ħajja partikulari, jew dawk li kienu miżżewġin u issa qegħdin fit-tieni relazzjoni.
Hemm dawk li kapaċi jitbikkmu għax jinħaqru minħabba l-lewn tal-ġilda.
Il-Mulej jibki magħna
Lil dawk li jibku, nagħmlilhom kuraġġ. Nixtieq infakkarhom li jekk aħna l-bnedmin ma nagħtux kas tagħhom u nħalluhom jingħu waħidhom, Alla tant iħobbhom li jmil fuqhom u jibki magħhom. Wieħed Rabbi jirrakkonta li meta Mosè wasal biex imut, tant kien qed ibati bil-biża’ tal-mewt li Alla ħass għalih u niżel jitkellem miegħu wiċċ imb wiċċ, bata miegħu u bkieh . U fil-ktieb tas-Salmi nsibu li fl-ilfiq tagħna, Alla jiġma’ fi flixkun id-dmugħ tagħna, jgħodd id-demgħat waħda waħda u jieħu nota tagħhom fil-ktieb tiegħu (ara Salm 56:9). Daqshekk huwa qrib Alla ta’ kull min qed jibki!
Matul ir-Randan aħna mistiedna niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla li għandha qawwa li tfarraġ. F’dan iż-żmien naqraw ir-rakkont ta’ meta Ġesù qajjem lil Lazzru mill-mewt. Dakinhar Ġesù beka mhux tant għaliex il-ħabib tiegħu kien fil-qabar, imma għaliex ħass ħafna meta ra lil Marija u lill-familjari tagħha jibku. Quddiem il-biki tagħhom, Ġesù “ħass ruħu mqanqal u tħawwad” (Ġw 11:13). Ġesù ma staħax jesprimi s-sentimenti tiegħu quddiem it-tbatija umana. Fil-persuna ta’ Ġesù jibki ma’ min jibki, dawk li kienu preżenti ħassew it-taħbita tal-qalb ta’ Alla, tant li għal Ġesu qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Huma lemħu lil Alla jiftaħ dirgħajh beraħ biex iħaddan lil min kien mgħattan u jixxuttalu kull demgħa minn għajnejh (ara Apok 7:17).
Hi x’inhi r-raġuni għaliex għajnejk qed iqattru d-demgħat, Alla li qed jibki miegħek jixtieq idewqek il-kompassjoni u l-miżerikordja tiegħu. Id-dmugħ tiegħu jitħallat mad-dmugħ tiegħek u jibdlu minn dmugħ mielaħ fi dmugħ ħelu, għax id-dmugħ divin huwa n-nida tal-Ispirtu s-Santu .
Id-dmugħ li jaħsel il-ħtija
Dan jgħodd għal kull għamla ta’ tinwiħ, imma l-aktar jekk il-biki tagħna jkun il-karba siekta tagħna minħabba kull xorta ta’ dgħufija spiritwali li jista’ jkollna. Fil-fatt, mhux darba u tnejn jiġrilna li meta niġu wiċċ imb wiċċ mal-mard spiritwali tagħna, jew meta nsibu ruħna f’ċirkustanzi li huma f’kuntrast mat-tagħlim tal-Vanġelu, ninfexxu f’bikja profonda. Anki f’dawn is-sitwazzjonijiet, fejn madwarna u forsi fina wkoll ikun hemm riħa ta’ mewt morali u spiritwali, Alla jkun qrib tagħna, iħallina nibku fuqu u nxarrbulu riġlejh bid-dmugħ tagħna. Hekk għamel mal-mara midinba magħrufa li marret tfittxu fid-dar ta’ Xmun il-Fariżew: “Qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u xxottathomlu b’xuxitha” (Lq 7:38). Id-dmugħ sinċier tagħha jikxef l-emozzjoni qawwija li ġarrbet din il-mara meta għajnejha ltaqgħu mal-ħarsa miksura kollha ħniena u mogħdrija ta’ Ġesù, li ma jiġġudikahiex, lanqas iwarrabha, imma jaċċettaha kif inhi. Ġesù fehem li l-biki tagħha kien it-talba tagħha; li l-biki tagħha kien il-lingwaġġ sinċier ta’ qalb niedma u sogħbiena. Billi l-biki kien l-istqarrija tagħha, hi kisbet il-maħfra. Għax kif jgħid Sant’Ambroġ, “id-dmugħ ma jitlobx il-maħfra, imma jaqlagħha”. Id-dmugħ jaħsel il-ħtija.
L-istess ġralu San Pietru, fil-bitħa tal-palazz tal-Qassis il-kbir, wara li ċaħad lil Kristu tliet darbiet. Hemmhekk Pietru wkoll beka dmugħ tad-demm “b’qalb maqsuma” (Lq 22:62). Ma neskludix li Pietru ftakar fi kliem il-Mulej li jgħidilna: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq” (Ġoel 2:12). Imma nemmen ukoll li dakinhar Pietru xerred dmugħ ukoll daqskemm ħassu ferħan u grat li, minkejja n-nuqqas tiegħu, Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba. Kienet din il-ħarsa kollha mogħdrija ta’ Alla li qanqlet lil Pietru bil-ferħ. Id-dmugħ tal-indiema nbidel fi dmugħ ta’ stagħġib. Imberkin dawk li jibku ħtijiethom, għax dawl mis-Sema jibdlilhom id-dmugħ ta’ dwejjaq f’wieħed ta’ ferħ.
Fil-ħajja spiss jiġri li ċerti affarijiet narawhom biss jekk għajnejna jkunu xxarrbu bid-dmugħ. Hekk ġralhom il-mara midinba u Pietru: meta għajnejhom inħaslu bid-dmugħ, huma raw il-qdusija ta’ Alla u l-kruha tad-dnub. Barra minn hekk, għajnejn idemmgħu jafu jrattbu l-qalb iebsa tal-bniedem, kemm ta’ min jibki u kemm ta’ min ibikki. Peress li l-biki huwa taħriġ pur fl-imħabba, id-dmugħ iġelben jgħin lil min jibki jsir doċli biex jagħder id-dgħufija tal-oħrajn, jaħfer lil min ikun weġġgħu u jinsa l-passat ikrah. Għajnejn imdemmgħa biss jafu jaraw il-weġgħa f’għajnejn il-proxxmu tagħhom u jwaqqfulu l-għajnejn imbikkma tiegħu. Min jirreżisti li jibki għandu problema biex jara u jtaffi d-dgħufija tiegħu u tal-oħrajn.
Sant’Ambroġ jikteb li fil-Knisja l-konverżjoni ssir fl-ilma jew fid-dmugħ. Hawn huwa jirreferi għall-ilma tal-Magħmudija – esperjenza li aħna nġeddu fil-Velja tal-Għid il-Kbir – kif ukoll għad-dmugħ li xi kultant jimla għajnejna meta nersqu nqerru. Ngħożż ħafna dawk il-każi meta fil-konfessjonarju l-Mulej qiegħed ħdejja penitenti jolfqu b’sogħba u bil-ferħ. Ir-Randan huwa żmien ta’ grazzja fejn aħna nistgħu nagħmlu din il-konverżjoni tad-dmugħ billi niċċelebraw is-sagrament tal-Qrar.
Nibku ma’ min jibki
Huwa fatt li llum, mikulin mill-egoiżmu u l-indifferenza, ħafna mhumiex lesti li jibku ma’ min jibki. Ftit huma dawk li jaħlu ħinhom ma’ min jibki. Din l-imġiba tikxef li l-faqar uman tagħna qed jitkattar. Jekk min-naħa l-waħda sar aktar evidenti d-dmugħ tal-kukkudrilli, għax hawn min jaf tajjeb li jekk ma jibkix, ma jerdax la mingħand il-Privat u lanqas mingħand il-Gvern, min-naħa l-oħra hawn oħrajn bħal donnhom instaddulhom il-kanali tad-dmugħ jew qalbhom saret samma daqs il-blat. Dawn huma kapaċi jagħlqu għajnejhom u widnejhom quddiem it-tbatija tal-oħrajn. Għaldaqstant illum hawn ħafna jibku waħidhom.
Hemm bżonn nitgħallmu nibku ma’ min għandu l-madmad fuq spallejh. Jekk ma nitgħallmux nibku ma’ min jibki, ma nistgħux inkunu Nsara tajbin. Ġesù, li fih il-ħlewwa u t-tjieba ta’ Alla saru laħam, hekk għamel. Huwa ħass qalbu tingħasar għal dik il-familja li tilfet lil bintha (ara Lq 8:50); tbikkem meta ra lill-armla mill-belt ta’ Najn sejra tidfen lil binha (ara Lq 7:13); imqanqal mill-ħniena fejjaq lil wieħed lebbruż (ara Mk 1:40); tħassar lill-merħla mxerrda u mħawda għax bla ragħaj (ara Mk 6:34). Illum ukoll Ġesù jissokta jurina l-wiċċ tal-Missier b’qalb ta’ omm tfawwar bil-mogħdrija u l-kompassjoni. Hu li ma jaħmilx jara l-bniedem jibki, kif għamel fil-Palestina jagħmel illum magħna: huwa jieqaf mal-familja mġelġla, jipprovdi lil min hu bil-ġuħ, ifejjaq minn kull xorta ta’ mard, u lil min qata’ qalbu mill-ħajja jieqaf miegħu biex jerġa’ jibda jgħix.
Aħna, li fi kliem Missierna San Pawl għandu jkollna l-istess sentimenti ta’ Ġesù Kristu (ara Fil 2:5), xieraq li naħdmu fuqna nfusna biex bħal Ġesù nibku ma’ min jibki (ara Rum 12:15) u fl-istess waqt bħalu ngħinu biex tingħeleb it-tbatija li tkun taqsam qalb dak li jkun. Kemm qed nibki ma’ dawk li qegħdin fis-solitudni, dawk imwarrba mill-għeżież tagħhom, dawk li kellhom xi falliment, mal-foqra jew dawk li qegħdin f’riskju ta’ faqar, dawk li huma skartati jew abbużati? Kemm jimpurtani minn dawk li ġew misruqa mill-propjetà privata tagħhom jew mill-fama, jew minn dawk li huma sfruttati fuq ix-xogħol? Kemm nagħti kas ta’ dawk li huma mċaħħdin mill-jeddijiet tagħhom jew iħossuhom diskriminati minħabba l-abbuż tal-poter politiku, finanzjarju, ġudizzjarju, xjentifiku u istituzzjonali? Fi kliem ieħor, kemm qed nieqaf ħdejn dawk li huma msallbin minn ħuthom il-bnedmin? Inkunu nieqfu magħhom jekk, misjuqin mill-valuri tal-Vanġelu, fi spirtu ta’ solidarjetà, nuruhom attenzjoni personali u nħobbuhom, filwaqt li fl-istess ħin nindirizzaw il-kawżi strutturali tal-faqar u tal-abbużi li jagħmlu soċjetà mbikkma. Min jilqa’ u jixxotta dan id-dmugħ, ikun qed iwettaq għamla għolja ta’ ħidma karitattiva li l-Knisja tistedinna għaliha, partikularment matul ir-Randan imqaddes. Hija din l-imħabba lejn il-proxxmu li “tgħatti kotra ta’ dnubiet” (1 Pt 4:8).
Knisja li tisma’ l-biki
Anki fil-Knisja hemm min qiegħed jibki. Hemm min qed ifittex il-ħobż (il-Kelma ta’ Alla) imma qed jirċievi “ġebla”; hemm min jixtieq jiċċelebra s-sagramenti imma ma jistax; hemm min jixtieq jara Knisja mġedda imma qed isib ħafna reżistenza; hemm min tfixkel bl-eżempji ħżiena tagħna s-saċerdoti; hemm min fdana imma ngidem; hemm min instaram bil-firdiet u l-piki ta’ bejnietna; hemm min ixxellef u dlonk urewh il-bieb ta’ barra.
Fuq din ix-xorta ta’ Knisja, Ġesù jibki kif beka lil Ġerusalemm. Fi kliem il-Papa Franġisku, Kristu beka fuq il-Belt il-Qaddisa għax tant kienet kuntenta biha nfisha illi ma ntebħitx li Ġesù kien fuq l-għatba b’ħabbata tal-bieb f’idejh; billi kienet medhija fiha nfisha, Ġerusalemm ma ħassitx il-ħtieġa li lil Ġesù tiftaħlu biex jidħol. Għażlet li tingħalaq fiha nfisha. Hekk ukoll jista’ jiġri lill-Knisja: tiltewa fuqha nfisha u ma tarax x’hemm madwarha, u tibqa’ ddur fuqha nfisha u tibża’ toħroġ f’toroq ġodda. Knisja li, biex ma tbiddilx l-iskemi pastorali tal-bieraħ u ma titlifx iċ-ċertezzi tal-bieraħ, tippreferi tagħlaq għajnejha għas-sinjali taż-żminijiet, hija Knisja tal-biki.
Barra minn hekk, jekk il-Knisja tagħna ma jkollhiex il-bibien miftuħa beraħ biex min qed jibki jsib fiha l-kenn u l-faraġ, aħna nfallu fil-missjoni tagħna bħala ħabbara tal-Vanġelu. Għaliex jekk inżommu ’l bogħod minn dawk li jibku, min ser jemmen u jilqa’ l-Bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu? Il-ħeġġa ta’ dawk li huma msejħa biex ixandru l-Vanġelu tiddependi minn kemm huma konvinti li hawn persuni jibku! Hija ħasra li fil-Knisja fadal min għadu ma jistax jifhem li ħidma maħsuba biex ittaffi t-tbatija li tbikki tiġi qabel kull “opra” oħra. Forsi hemm bżonn ukoll li nħallu lil dawk li jibku jevanġelizzawna, għax fil-biki tagħhom huma jiltaqgħu ma’ Kristu li jibki.
Dawk qrib ħuthom li jbatu
L-appell tiegħi huwa li napprofittaw minn dan iż-żmien tar-Randan biex bl-għajnuna ta’ Alla jonqos il-biki, li hu espressjoni ta’ diqa, u joktor il-biki tal-ferħ. Nemmen li bi ftit attenzjoni kapaċi nkomplu nkattru dawk il-ġesti li huma xhieda li aħna għandna qalb kbira li tħobb u tħenn. Huwa fatt li fostna hawn diversi li lesti jbatu biex itaffu t-tbatija tal-oħrajn, bħalma huma dawk il-ġenituri li jgħaddu ljieli sħaħ imqajmin biex ikunu qrib ta’ wliedhom; dawk li jduru bl-anzjani f’darhom; dawk li jwettqu ħidma ta’ volontarjat; dawk li regolarment jagħtu d-demm; dawk li fl-impieg tagħhom, partikularment fil-caring profession, jagħtu aktar minn dak li hu mitlub biex itaffu t-tbatija; dawk il-ħaddiema li jaħdmu sigħat żejda biex jibbenefikaw sħabhom fil-bżonn; il-membri fl-Għaqdiet tal-Appostolat li jmorru jżuru lill-morda u l-anzjani; u tant oħrajn. Ħidmiet ta’ din ix-xorta huma ta’ min ifaħħarhom u jweżinhom. Fuq kollox, nagħmel sejħa speċjali liż-żgħażagħ, imżejna b’enerġija u ideali, biex filwaqt li jkunu minn ta’ quddiem fis-soċjetà u fil-Knisja biex nibnu dinja fejn ma jkunx hemm biki, ma jibżgħux jieħdu inizjattivi biex ikunu qrib ta’ min qed jibki.
Inqiegħed din ir-riflessjoni taħt il-ħarsien tad-Duluri, dik li bkiet ma’ Binha jibki, bkiet mad-dixxipli meta wara l-mewt ta’ Binha sfaw waħidhom, imma bkiet ukoll bil-ferħ meta rat lil Kristu Rxoxt.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar it-Tlieta, 10 ta’ Frar 2015, Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.
+Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Mons. Salv Debrincat
Kanċillier
Niżżel kopja PDF: 39-2015-pastorali-randan-2015.pdf
Download English PDF version: 39-2015-pastoral-letter-for-lent-2015-christ-wipes-away-the-tears.pdf