Omelija fit-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf
Il-Ħadd 8 ta’ Frar 2015
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
XANDARA TAL-VANĠELU TAL-ĦAJJA
Fost ix-xandara tal-Vanġelu nilmaħ lilkom, ommijiet li bħalissa qegħdin iġorru t-tarbija fil-ġuf, flimkien ma’ żwieġkom. Fil-fatt, kull tarbija li titnissel hija aħbar tajba, għaliex dan ifisser li Alla, l-awtur ta’ kull ħajja, qed joffri lill-koppja u lill-umanità ħajja ġdida. Sa mit-tnissil tagħha kull persuna għandha għax trodd ħajr lil Alla għall-eżistenza tagħha; imma kull ħajja umana ġdida hija bħal warda li bi ġmielha u fweħitha ssebbaħ il-ġnien (l-umanità). Għalhekk kull tarbija li titnissel hija barka minn Alla għas-soċjetà kollha.
Meta tissieħbu ma’ Alla fit-tnissil tat-tarbija qegħdin tgħidulna li l-ħajja hija n-nifs ta’ Alla. Għaliex il-ħajja umana hija sagra, jistħoqqilha kull qima u rispett mill-mument li titnissel sa meta tintemm b’mod naturali. Għalhekk, għeżież ġenituri li qed tistennew it-tarbija tagħkom titwieled, intom qegħdin tgħidulna biex naħarbu dak kollu li jista’ jhedded il-ħajja umana jew iqegħidha fil-periklu. Hija tassew ħasra li l-kultura tal-iskart li bħal donnha taħbat terfa’ rasha, taf tikkundizzjona l-viżjoni tagħna tal-ħajja umana!
Meta lqajtu d-don tal-ħajja, intom il-ġenituri għamiltu att ta’ fiduċja f’Alla. Intom urejtu li temmnu fil-Providenza divina u għalhekk ma qtajtux qalbkom mill-piż u r-responsabbiltajiet li ġġib magħha tarbija ġdida. Il-fekondità tagħkom takkuża l-kultura antikonċezzjonali tal-lum. Għalhekk, meta nisimgħukom ixxandrulna dan il-Vanġelu tal-ħajja, tagħmlulna l-qalb biex aħna wkoll inkunu ġenerużi mal-ħajja. Huma diversi dawk il-ġenituri li huma ttentati li jkunu xħaħ mal-ħajja umana għax jaħsbu li ma jaffordjawx jitimgħu, ilibbsu u jedukaw ’l-ulied li Alla lest jagħtihom. Huwa fatt li l-kultura materjalista u edonista tal-lum ħawdet ftit mhux ħażin l-iskala tal-valuri tagħna, u għaldaqstant qed inpoġġu l-ewwel dak li forsi għandu jiġi fit-tielet u r-raba’ post! F’dan il-kuntest, intlaqat sew id-daqs tal-familja.
M’iniex konvint li s-soċjetà tagħna hija konxja biżżejjed mill-fatt li r-rata tat-twelid f’pajjiżna hija baxxa ħafna. Dan ngħidu b’mod partikulari għal Għawdex. Ma rridx inkun negattiv, imma nasal biex ngħid li l-mod kif qed tiċkien il-popolazzjoni f’Għawdex huwa allarmanti. ’Il quddiem dan il-fattur soċjoloġiku ser ikollu effetti negattivi serji fuq is-soċjetà u jikkundizzjona qatigħ il-futur tal-gżira tagħna. Nifhem li l-familji li jixtiequ jkunu ġenerużi mal-ħajja jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sagrifiċċji u diffikultajiet marbuta mal-għadd tal-ulied. Għalhekk nagħmel appell lill-awtoritajiet ċivili biex jieħdu miżuri soċjali mmirati biex iwieżnu lil dawk il-familji li ma jibżgħux jiċċelebraw il-ħajja. Ilkoll, inklużi l-intrapriżi privati, irridu nagħtu s-sehem tagħna biex ikollna ambjent li jinkuraġġixxi t-tnissil responsabbli tal-ħajja umana.
Intom li qed tistennew it-twelid tat-tarbija tagħkom qed tkellmuna dwar il-ġmiel tal-paternità u l-maternità. Fil-ħajja x’hemm li jista’ jiżboq is-sodisfazzjon u l-ferħ li l-missier u l-omm iġarrbu f’dak kollu li titlob minnhom il-vokazzjoni tagħhom bħala ġenituri? L-għażla ġeneruża tagħkom li tkunu ommijiet u missirijiet hija ta’ kuraġġ lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna biex jikbru fl-istima ta’ din il-vokazzjoni. Mhux daqshekk ovvju li l-ġenerazzjoni li tielgħa tħares b’ottimiżmu lejn il-waqt li persuna tkun ġenitur. Dan l-aħħar, waqt il-Viżta Pastorali, kont ma’ grupp ta’ żgħażagħ u waħda tfajla qaltli quddiem kulħadd li tippreferi li l-ewwel tagħmel karriera professjonali, imbagħad xi darba tibda taħseb biex tifforma familja. Dan ir-raġunament huwa frott ta’ żmienna. Għalhekk għandna napprezzaw li ġenituri bħalkom li qegħdin tistennew, tkomplu tħabbrulna dan il-Vanġelu tal-ħajja.
Il-preżenza tagħkom f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu tixhed mhux biss il-fiduċja tagħkom fl-għajnuna tal-Omm tagħna tas-Sema, imma wkoll ix-xewqa tagħkom li sa mill-mument li wliedkom għadhom fil-ġuf tqegħduhom fil-preżenza ta’ Ġesù. Nitlob għalikom biex bl-għajnuna tas-Sema intom mhux ixxandru l-Vanġelu tal-ħajja, imma wara li wliedkom jitwieldu, tgħinuhom jgħixu l-ħajja tal-Vanġelu.
Ritratt: John Cordina