Illum, l-Erbgħa 21 ta’ Jannar 2014, il-qniepen ħabbru b’niket il-mewt tal-Kan. Ġużepp Sacco, mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex. Dun Ġużepp miet dalgħodu, ftit wara li ddaħħal fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dun Ġużepp twieled fil-5 ta’ Awwissu 1935. Hu kien ordnat saċerdot fit-2 ta’ April 1960.
Dun Ġużepp kien saċerdot umli u eżemplari, imfittex ħafna għall-qrar u direzzjoni spiritwali, kemm minn saċerdoti kif ukoll minn lajċi. Hu kien dejjem disponibbli għall-ħtiġijiet tal-Knisja u tal-Poplu ta’ Alla. Qeda b’rettitudni kbira u bi tbissima sempliċi u ġenwina kull ministeru li kien afdat bih.
Minbarra l-ħidma assidwa tiegħu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ u membru tal-Kapitlu tal-Bażilika Ġorġjana, Dun Ġużepp serva għal ħafna snin bħala uffiċċjal tal-Kurja djoċesana, kemm bħala arkivist u wkoll fl-uffiċċju tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Dun Ġużepp ħadem fil-Moviment Azzjoni Soċjali sa mit-twaqqif tiegħu f’Għawdex. Kien ħabrieki fil-Leġjun ta’ Marija, u sas-sajf li għadda kienu għadu jmur Peregrinatio pro Christo barra minn Malta. Kien disponibbli għall-qrar f’diveri parroċċi u knejjes oħra tal-gżira. Sakemm kien possibbli għalih, Dun Ġużepp qatt ma rrifjuta li jgħin fil-ħidma tal-Knisja. Sa Settembru li għadda, minkejja l-età avvanzata tiegħu, serva għal diversi xhur bħala Kappillan tal-Isptar, b’dedikazzjoni kbira għall-kura spiritwali tal-morda u tal-anzjani. Kien jifraħ kull darba li jista’ jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, f’dawn l-aħħar ġimgħat, Dun Ġużepp kien qiegħed jgħix fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb.
Nitolbu għalih, biex issa jirċievu l-ħlas imwiegħed għall-qaddejja fidila u twajba tal-Vanġelu.
RIP
Funeral tal-Kanonku Ġużepp Sacco – IS-SIBT 24 TA’ JANNAR 2015
2.00pm Il-fdalijiet ta’ Dun Ġużepp ikunu esponuti fil-Knisja ta’ San Ġakbru
3.30pm Għasar tal-Mejtin fil-Knisja ta’ San Ġakbu u korteo għall-Bażilika ta’ San Ġorġ
4.00pm Konċelebrazzjoni Praesente Cadavere immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech fil-Bażilika ta’ San Ġorġ
Ara wkoll http://www.stgeorge.org.mt/news_details.asp?NewsID=2299