Titħabbar il-mewt ta’ Dun George Mercieca

revgeorgemercieca.jpgIlbieraħ, il-Ħamis 22 ta’ Jannar 2015, tħabbret il-mewt ta’ Dun George Mercieca, saċerdot mill-parroċċa tal-Katidral, ir-Rabat, Għawdex. Dun George miet filgħodu, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dun George twieled fis-7 ta’ Settembru 1944. Hu ġie ordnat saċerdot bħala Salesjan ta’ Don Bosco fl-14 ta’ Lulju 1974. Dun George studju fil-Liceo Classico “San Gregorio di Catania u fl-Università Pontificia Salesiana.

Fost il-ħidma tiegħu fil-parroċċa tal-Katidral, għal ħafna snin Dun George wettaq ħidma pastorali assidwa fiċ-Ċentru Parrokkjal. Hu kien ukoll direttur spiritwali tal-Banda Leone.

Dun George għallem it-teoloġija fl-INSERM, fejn għal xi snin kien ukoll Dekan tal-Fakultà tad-Domma. Għal diversi snin kienu ukoll għalliem fl-iskola tal-Gvern. Dun George jibqa’ magħruf ukoll għall-imħabba tiegħu lejn il-poeżija.

Il-Funeral ta’ Dun George Mercieca se jsir nhar IT-TNEJN 26 TA’ JANNAR 2015 fil-Knisja Katidrali
2.00pm  Korteo mill-Isptar Ġenrali għaċ-Ċentru Parrokkjali tal-Katidral, fejn jiġi esponut għall-pubbliku
3.30pm  Korteo funebri miċ-Ċentru Parrokkjali għall-Katidral, akkumpanjat mill-Banda Leone
4.15pm  Talba tas-Salmi fil-Katidral
4.30pm  Konċelebrazzjoni Praesente Cadavere immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech

RIP