Id-Djoċesi ta’ Għawdex trodd ħajr flimkien mal-Arċisqof Emeritu Cremona

15j_2900.jpg

Nhar is-Sibt 17 ta’ Jannar filgħaxija, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Insara tad-Djoċesi ta’ Għawdex ingħaqdu ma’ Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof Emeritu ta’ Malta, biex iroddu ħajr lil Alla għall-ministeru pastorali tiegħu fit-tmun tal-Knisja f’Malta.  Ma’ Mons. Cremona kkonċelebraw Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, u għadd ta’ kappillani u saċerdoti Għawdxin.

Fl-omelija, l-Isqof Mario rringrazzja lill-Arċisqof Cremona għall-medjazzjoni tiegħu bejn Alla u l-bniedem.  Fil-fatt, Mons. Cremona nqeda bil-ministeru tiegħu biex jgħin lill-bniedem jagħraf ir-rieda ta’ Alla u hekk isib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet eżistenzjali tiegħu, konvint li Kristu huwa t-tweġiba ta’ Alla l-Missier lill-umanità.  Mons. Cremona ħadem biex Kristu jkun fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà, u għalhekk bir-raġun jixraqlu t-titlu ta’ “missier spiritwali”, għaliex nissel lil ħafna għall-ħajja tal-Ispirtu, żied l-Isqof ta’ Għawdex.

Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech f’isem id-Djoċesi Għawdxija offra inċiżjoni tal-Madonna Ta’ Pinu lill-Arċisqof Emeritu Cremona, waqt li wassallu r-ringrazzjament tiegħu personali u tad-Djoċesi kollha għall-ministeru episkopali tiegħu.

Ritratt: John Cordina