L-Isqof Mario Grech jassisti għall-ħatra tal-Kardinal tal-ET Propero Grech

“Il-funzjoni ta’ dalgħodu fil-bażilika ta’ San Pietru kienet kommoventi. L-ewwel nett għax fost il-Kardinali l-ġodda li għamel il-Papa Benedittu kien hemm l-Em. T. il-Kardinal Prospero Grech OSA - wieħed minna l-Maltin. It-tieni għaliex iċ-ċerimonja offrietilna esperjenza qawwija ta’ Knisja universali b’tant elementi ġejjin minn realtajiet ekkleżjali differenti.   Huwa fatt li min ma jħarisx lejn din il-ġrajja bl-għajnejn tal-fidi, ma jirnexxilux jifhem it-tifsira sħiħa tagħha. Infatti l-kulur aħmar li jiddomina dalgħodu faċli jagħti l-impressjoni ta’ pompożità u trijonfaliżmu! Però din tkun interpretazzjoni miskina ħafna. Kif qal il-Papa Bendittu fl-omelija, il-kulur aħmar għandu jfakkarna fil-martirju li jfisser xhieda! Dawn l-irġiel li ntagħżlu bħala kardinali issa għandhom ir-responsabilità li jagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu. U d-dinja li qed ngħixu fiha, dinja li qed tfittex xhieda ta’ min joqgħod fuqhom, għandha bżonn ħafna ta’ din ix-xhieda! Ma għandix dubju li l-Kardinal Prospero Grech joffri din ix-xhieda, kemm bil-ħajja personali u pprovata tiegħu bħala reliġjuż Agostinjan, kif ukoll bħala teologu. It-teologu huwa dak li jfittex il-verita f’Alla u meta jsibha jagħti x-xhieda tagħha bil-kitba.  Il-Kardinal Grech wettaq dan u nittamaw li l-Mulej jagħtih is-saħħa biex jibqa’ jwettqu.”