Pastorali tar-Randan tal-Isqfijiet Maltin

ITTRA
PASTORALI

MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta

u

MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

Randan 2012

EŻILJU

Għeżież ħutna,

Wasalna għaż-żmien tar-Randan. Iż-żmien tar-Randan irid iwassalna għall-ġrajjiet kbar tat-tbatija, mewt u Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dawn il-ġrajjiet huma tant importanti fil-ħajja tagħna li hemm bżonn nirriflettu fuqhom u nħejju għalihom tul dawn l-erbgħin jum li ġejjin. Dawn l-erbgħin jum iridu jdaħħluna fl-atmosfera ta’ dawn il-ġrajjiet billi nitolbu, iżda wkoll billi nirriflettu xi jfissru għalina.

L-Eżilju tal-Poplu Lhudi

Din is-sena aħna xtaqna li nirriflettu fuqhom fid-dawl ta’ kelma griega ‘Diaspora’. Ma nixtiqux li inthom tibżgħu minn dan il-kliem, u għalhekk nixtiequ li nfissrulkom din il-kelma.

Din il-kelma tfisser ‘Eżilju’ . Hija tindika ż-żmien meta l-Poplu Lhudi kien qiegħed jgħix fl-‘Eżilju’, ’il bogħod minn art twelidu. Dan ġara f’żewġ mumenti tal-Istorja tal-Poplu Lhudi.
L-ewwel wieħed kien meta kienu l-Eġittu. Din l-istorja bdiet meta Ġakobb u t-tfal tiegħu niżlu l-Eġittu minħabba li kien hemm ħafna ġuħ u tispiċċa madwar is-sena 1280 qabel Kristu meta, permezz ta Mosè, Alla ħariġhom mill-Eġittu. Il-Lhud reġgħu rritornaw lejn l-Art Imqaddsa. Dan nistgħu naqrawh fil-kotba tal-Esodu u tad-Dewteronomju.

It-tieni Eżilju kien meta l-poplu kollu ġie meħud ġewwa l-Babilonja fis-seklu VI qabel Kristu. Huma damu hemmhekk 50 sena u rritornaw fis-sena 537 qabel Kristu taħt il-Persjani.

Dawn iż-żewġ rakkonti huma mumenti ta’ tbatija kbira, iżda wkoll ta’ ferħ kbir. Fiż-żewġ każi kien hemm xi affarijiet li żammew ħajja fil-Poplu x-xewqa li jirritornaw lejn l-art tagħhom.

L-ewwel bħala poplu huma kienu jiltaqgħu flimkien u jibku dan l-eżilju. Dan nistgħu narawh fis-salm 137: “F’xatt ix-xmajjar ta’ Babel, hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon…Kif nistgħu ngħannu l-għanja tal-Mulej f’art barranija? Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!” (vv. 1.4.5). Dan kien marbut ma’ xewqa kbira li xi darba jerġgħu lura lejn l-art Imwiegħda.

It-tieni fatt huwa li Alla dejjem wasslilhom il-Kelma tiegħu biex tmexxihom. Mingħajrha ma kienx ikollhom direzzjoni. Fil-hrug mill-Eġittu, Alla tahom il-kmandamenti wara li għażlu lilu biex imexxihom. Wieħed jipprova jimmaġina x’poplu kien ikun kieku żammew dawn il-kmandamenti!

Fil-ħruġ milll-Eżilju ta’ Babilonja, huma skoprew il-Kelma ta’ Alla mill-ġdid u ferħu għaliex kellhom lilha li tmexxihom: “Mbagħad Esdra fetaħ il-Ktieb.. u kulħadd qam bilwieqfa… (u wieġbu) ‘Ammen, Ammen’.. U nxteħtu għarrkubbtejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima lill-Mulej… Għax il-Poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi” (ara: Neħ 8, 5-9). Issa l-Poplu ħassu protett għaliex waqgħet fuqu l-Barka tal-Kelma tal-Mulej.

L-Eżilju ta’ Ġesù

Ġesù, meta kien fostna, għex ukoll ġo fih innifsu din l-esperjenza tal-Eżilju.

Din l-istorja tiġi spjegata fl-Ewwel Kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. “Fil-bidu kien il-Verb, u l-verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla… Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (1,10.11). Anki Ġesù biex isalvana kellu jgħaddi minn dan l-Eżilju, bogħod umanament mill-Missier, u miċħud mill-Poplu li ġie biex isalva.

Ġesù ħass dan kollu fuq is-Salib: hu kien bogħod umanament minn Alla l-Missier: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’, (Mt 27,46). F’dak il-mument ukoll ħass ukoll l-eżilju mill-poplu tiegħu li kien qiegħed isallbu. F’din id-dieqa kollha nistgħu nifhmu aħjar dawk il-mumenti ta’ meta Ġesù mar ifittex li jkun qrib ta’ Alla l-Missier fil-mumenti tat-talb. Anki fil-mument tal-mewt ta’ Ġesù nistgħu naraw it-talba tiegħu ta’ ritorn għand il-Missier wara li temm il-missjoni tiegħu: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23,46).

Nistgħu nifhmu wkoll għaliex Ġesù qabel ma beda l-missjoni tiegħu jxandar il-Bxara t-Tajba, kien għażel l-Appostli u nies oħrajn biex jgħixu f’komunjoni miegħu. Kien isib il-ferħ tiegħu meta kien ikun imdawwar mill-appostli li kien għażel, ikellimhom fuq Alla l-Missier, u fuq it-triq li tridna twassalna għandu. Huwa ċar li huwa ried li aħna nkunu f’komunita’ għaliex ma nafux li hu ppriedka waħdu, iżda dejjem meta mdawwar mill-appostli maħbubin tiegħu. Huwa kien għażel id-dixxipli tiegħu qabel ma beda l-missjoni tiegħu, u l-missjoni tiegħu saret fil-kuntest ma’ dan iċ-ċirku żgħar, fejn seta’ jħossu f’ambjent li seta’ jaqsam magħhom dak li kien imnebbah biex jgħidilhom.

L-Eżilju tagħna

Aħna wkoll, irridu ngħixu l-fidi tagħna f’din ir-realta’ tal-Eżilju.

Qegħdin ngħidu dan għaliex jekk ma nindunawx li qegħdin fl-Eżilju mhux se jseħħ dak li aħna semmejnielkom fil-Pastorali tal-Avvent fuq il-bidla. Iż-żmien tar-Randan huwa l-iktar żmien tajjeb biex nagħmlu din il-kunsiderazzjoni.

Ġesù kien tkellem fuq id-damiġġani ġodda biex jintefa’ fihom inbid ġdid (Mt 9,17). Aħna nkunu d-damiġġani ġodda meta nilqgħu din r-realta’ ġdida li permezz tagħha ngħixu fl-istennija tal-ħruġ tagħna mill-Eżilju ta’ din id-dinja. Imbagħad inkunu nistgħu nilqgħu t-tagħlim ġdid ta’ Ġesù, mingħajr tfixkil.

Skont San Pawl, aħna “ċittadini flimkien mal-qaddisin u n-nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2,19). Il-Mulej ħalaqna għall-eternita’, u x-xewqa tan-nisrani trid tkun li xi darba huwa jilħaq dan l-għan li jgawdi lill-Mulej għall-eternita’. Sfortunatament m’għadniex nitkellmu biżżejjed fuq dan il-fatt, iżda huwa fundamentali għall-mixja spiritwali tagħna. Jekk nagħrfu li għadna fl-eżilju, allura ma nintrabtux wisq mal-ħwejjeġ ta’ din l-art, u nibdew naħsbu għall-ħwejjeġ li jwassluna għall-ħajja ta’ dejjem.

L-Eżilju tagħna fil-kultura u r-Randan

L-eżilju huwa dak kollu li jbegħidna minn Alla. Kulħadd għandu tiegħu, imma nistgħu nsemmu ftit eżempji. Meta taħseb li dak li tiddeċiedi inti huwa tajjeb jew ħażin bla ma tagħmel l-ebda rabta tal-Kelma ta’ Alla. Meta taħseb li f’ħajtek m’għandekx bżonn lill-Mulej Ġesu u lill-Knisja li ħallielna Hu, ħlief meta tiltaqa’ ma’ xi emerġenza (mard, funeral, problema). Meta tintilef fil-ġirja għall-affarijiet materjali bla ma tagħti każ l-etika u l-ġustizzja. B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li nkunu fl-eżilju spiritwali meta f’ħajjietna npoġġu fil-ġenb il-kmandamenti ta’ Alla.

Il-Kelma ta’ Alla wrietna li fl-eżilju, il-poplu l-maghzul intebaħ li flok akkwista ħafna liberta’ minn Alla, sar ilsir tiegħu nnifsu u ta’ oħrajn. Bosta bnedmin, anke fi żmienna, għandhom din l-esperjenza. Jaħsbu li jekk jitilqu lil Alla jsiru aktar liberi u jagħmlu li jridu. Fil-fatt isibu li dan mhux veru. U ħafna drabi f’din is-sitwazzjoni ta’ miżerja, ħafna jintebħu kemm għandhom bżonn ta’ Alla u jerġgħu jduru lejh.

Ir-Randan huwa ż-żmien meta aħna iktar naħsbu biex nagħżlu li nħarsu ‘l quddiem lejn is-Saltna mwiegħda minn Ġesù lilna lkoll. Il-ħsieb fuq il-Misteru tal-Għid - il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù - fir-Randan għandu jkun dejjem quddiem għajnejna.

Ir-Randan jibda jkollu iktar sens bħala għażla tat-triq li teħodna barra mill-Eżilju.Il-hin tat-talb iktar mis-soltu; ir-rażan mill-affarijiet purament materjali, inkluż is-sawm minn dak kollu li jxaqlibna lejn il-materjaliżmu; il-Qari tal-Kelma ta’ Alla li fiha t-triq għall-art imwiegħda; is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-Qrar) li jgħinna nifhmnu iktar it-tajjeb u l-ħażin fil-ħajja tagħna; li wieħed jersaq iktar lejn l-Ewkaristija, huma kollha sinjali ta’ bniedem li mhux biss għażel li joħrog mill-Eżilju, iżda li beda jimxi t-triq li tgħinu jidħol fil-fond fil-ħajja u fil-kultura nisranija. Din hija x-xewqa tagħna għalikom ilkoll.

Nibagħtu fuqkom il-Barka Appostolika tagħna.

Illum, 10 ta’ Frar 2012.
Solennità tal-Appostlu Missierna San Pawl.

+PAWL CREMONA O.P.                                                                                                              +MARIO GRECH
Arċisqof ta’ Malta                                                                                                                           Isqof ta’ Għawdex