Żjara tal-Isqof Anglikan Dr Geoffrey Rowell fis-Seminarju ta’ Għawdex

Nhar is-Sibt li għadda, 11 ta’ Frar, L-Isqof Anglikan Dr Geoffrey Rowell, Isqof ta’ Ġibilterra fl-Ewropa, kien il-mistieden speċjali fis-Seminarju ta’ Għawdex fejn ta konferenza bl-Ingliż dwar il-figura tal-Kardinal il-Beatu John Henry Newman. Il-Kardinal Newman għandu rabta kemm mal-Knisja Kattolika kif ukoll mal-Knisja Anglikana.

Għall-konferenza kienu preżenti diversi saċerdoti u reliġjużi, flimkien ma’ numru ta’ Nsara tal-Komunità Anglikana f’Għawdex, akkumpanjati miċ-Chaplain tagħhom. L-isqof Rowell kien milqugħ minn Mons Isqof Mario Grech u mir-Rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri. Mons Ġużeppi Farrugia, għalliem tad-Dommatika fis-Seminarju Maġġuri u fl-Università ta’ Malta, qabel il-konferenza għamel kelmtejn ta’ introduzzjoni tal-mistieden distint u tal-figura tal-Kardinal Newman.