Żjara tal-Kardinal Agostino Vallini fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu

Nhar il-Ħamis li għadda, 9 ta’ Frar 2012, il-Kardinal Agostino Vallini, il-Vigarju tad-djoċesi ta’ Ruma, mexxa pellegrinaġġ lejn is-Santwarju Ta’ Pinu. F’dan il-pellegrinaġġ ħadu sehem ukoll erba’ isqfijiet awżiljari ta’ Ruma: l-E.T. Mons Guerino Di Tora, l-E.T. Mons. Benedittu Tuzia u l-isqfijiet il-ġodda Mons. Matteo Maria Zuppi  u Mons. Lorenzo Leuzzi, flimkien ma’ mija u ħamsin saċerdot mid-Djoċesi ta’ Ruma.

Hekk kif waslu fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, ingħataw merħba mill-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech flimkien mar-rettur tas-Santwarju Dun Gerard Buhagiar. Wara, il-kardinal mexxa konċelebrazzjoni li fiha ħa sehem ukoll l-isqof ta’ Għawdex flimkien ma’ xi saċerdoti Għawdxin. Fil-bidu tal-quddiesa l-Isqof ta’ Għawdex stqarr: “Għalina din hija okkażjoni speċjali mhux biss għan-numru sabiħ ta’ saċerdoti li nġabru f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu, iżda għaliex dawn is-saċerdoti ġejjin kollha mid-djoċesi ta’ Ruma, djoċesi li għandha rabta speċjali mal-Knisja f’Għawdex. Matul dawn l-aħħar 40 sena madwar 84 mis-saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Għawdex għaddew żmien fid-djoċesi ta’ Ruma kemm minħabba l-istudji li għamlu fl-universitajiet pontifċji kif ukoll fejn wettqu l-ministeru pastorali tagħhom f’diversi parroċċi ta’ din il-belt, uħud minnhom anke bħala kappillani”. Għalhekk, kompla jgħid l-Isqof, “din hi okkażjoni ta’ ferħ, din hi laqgħa bejn żewġt aħwa. Aħna nħarsu lejn id-Djoċesi ta’ Ruma bħala oħtna l-kbira”.

Fl-omelija tiegħu l-Kardinall Vallini fisser li huwa ta’ pjaċir kbir għalih li flimkien mal-isqfijiet awżiljari u s-saċerdoti qed jinġabru bħala familja f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu. Ħuwa saħaq li llum aktar minn qatt qabel qegħdin ngħixu f’dinja sekularizzata; imma dan ma għandux jaqta’ qalb is-saċerdot, għaliex il-bniedem għandu bżonn ta’ Kristu. Bħall-Verġni Mbierka, b’umiltà u b’imħabba, is-saċerdot huwa msejjaħ biex iwassal fil-qalb ta’ kull bniedem lil Kristu”.

Wara l-quddiesa l-pellegrini niżlu fis-sala tas-Santwarju għal ftit kafè, fejn ukoll saret taħdita li matulha sar qsim ta’ esperjenzi tal-ħajja pastorali f’Għawdex. Infatti, minbarra l-Isqof Grech, tkellmu wkoll ir-rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri,  Dun Giovanni Curmi li hu s-Segretarju Pastorali tad-djocesi, u Dun Anthony Teuma delegat għall-pastorali familjari. Min-naħa tiegħu l-Kardinal Vallini faħħar il-ħidma tas-saċerdoti Għawdxin ġewwa Ruma u rringrazzja uffiċċjalment lid-Djoċesi Għawdxija talli għal aktar minn erbgħin sena ilha toffri dan is-servizz utli. Bħalissa fid-Djoċesi ta’ Ruma hemm tnax-il saċerdot li qed jaħdmu f’diversi parroċċi ġewwa Ruma - wieħed minnhom bħala kappillan.