Għotjiet ta’ €14,500 f’solidarjetà mal-Insara tal-Libja u tal-Ħonduras

Solidarjetà mal-Insara tal-Libja u tal-Ħonduras

 
Illejla, it-Tlieta 28 ta’ Ġunju 2011, Mons Isqof Mario Grech għadda s-somma ta’ €4,000 lill-Isqof Silvertru Magro OFM, Vigarju Apostoliku ta’ Bengażi. Offerta simili ser titwassal ukoll lill-Vigarju Apostoliku ta’ Tripli, l-Isqof Giovanni Martinelli OFM. F’nota personali, l-Isqof Grech wassal il-viċinanza tal-poplu Għawdxi mal-Knisja fil-Libja, u wiegħed it-talb biex ma ddumx ma sseħħ il-paċi fil-Libja.
 
L-Isqof Magro kien qed imexxi Għasar solenni fil-Bażilika tan-Nadur, fejn qed tiġi ċċelebrata l-festa tal-qaddisin San Pietru u San Pawl. F’kelmtejn ta’ radd il-ħajr, hu wera l-apprezzament lejn il-poplu Għawdxi għal dan il-ġest ta’ solidarjetà mal-Knisja fil-Libja.
 
Il-flus kienu nġabru bħala parti mis-sawma ta’ Ras ir-Randan imnedija b’sens ta’ solidarjetà mal-Insara li jgħixu fil-Libja u li bħalissa, flimkien mal-poplu Libjan kollu, għaddejjin mill-esperjenza diffiċli tal-gwerra.
 
Fl-istess jum, Mons Isqof Mario Grech ikkomunika l-għotja ta’ €6500 lill-Isqof Joe Bonello OFM, Isqof Koadjutur fid-djoċesi ta’ Juticalpa, il-Ħonduras. L-Isqof Bonello, imwieled ix-Xagħra, Għawdex, ġie ordnat isqof  fi Frar li għadda, u f’Marzu għamel żjara fid-Djoċesi Għawdxija.