Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Ċirkulari 15/2010

Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għeżież,
Fis-solennità tal-festa tal-Kunċizzjoni aħna rroddu ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja li tana fit-tnissil ta’ Marija ta’ Nazaret. Bit-tnissil għall-ħajja ta’ Marija feġġet it-tama għalina, għax minnha twieled Ġesù, il-Feddej tagħna.

Il-ħajja umana għandha valur assolut u għalhekk għandha tiġi mħarsa u mgħejjuna f’kull ċirkustanza, speċjalment f’mumenti meta tkun dgħajfa.

Dan ix-xahar qed infakkru l-anniversarju ta’ żewġ inizjattivi li d-djoċesi tagħna ħadet favur il-ħajja umana:

a) 10 snin ilu, fit-3 ta’ Diċembru 2000, il-Knisja fetħet Dar Arka li toffri kenn, kura u sapport lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom;

b) 25 sena ilu, fit-8 ta’ Diċembru 1985, il-Knisja fetħet Dar Ġużeppa Debono biex takkumpanja lix-xebbiet mhux miżżewġa li ser ikollhom tarbija u lill-familji tagħhom, u biex toħloq kuxjenza favur il-ħajja fil-ġuf.

Is-soċjetà tagħna hija ħafna rikonoxxenti lejn dawk kollha li bdew, għenu u għadhom iwieżnu dawn iż-żewġ proġetti b’risq il-ħajja umana. Iż-żmien qed jurina li kemm Dar Arka kif ukoll Dar Ġużeppa Debono kienu u huma għażliet provvidenzjali anke llum meta l-kultura tal-mewt qed taqbad l-art fostna wkoll.

Għalhekk, filwaqt li nitlob lil Alla bl-interċessjoni tal-Immakulata biex ikompli jitfa’ ħarstu fuq dawn iż-żewġt iDjar, nappella lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jgħinu lil dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ħalli jkomplu bil-ħidma tagħom favur kultura li tirrispetta l-ħajja.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum it-Tlieta, 7 ta’ Diċembru 2010.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons Salv Debrincat
Kanċellier