Talb għax-xita
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Ċirkulari 14/2010

Talb għax-xita

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għeżież,
Smajt il-karba ta’ diversi persuni li jaħdmu l-art biex ngħollu leħinna f’talba ħerqana lil Alla, Sid il-ħolqien, biex jagħtina x-xita.

In-nuqqas ta’ ilma beda jinħass sewwa fostna. Dan iġib miegħu effetti negattivi mhux biss għall-bhejjem imma wkoll għalina. Għalhekk, inħeġġeġ biex kemm fil-familji kif ukoll fil-knejjes isir talb lil Alla, bl-interċessjoni tal-Madonna, biex jagħtina l-barka tax-xita f’waqtha.

Billi ġie li fostna jkun hemm min bir-rimi irresponsabbli tal-iskart jikkontamina l-ilma, kif ukoll min b’mod abbużiv iħaffer biex itella’ l-ilma, xieraq li nagħmlu wkoll talb ta’ riparazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet kontra l-ambjent naturali.

Minkejja kollox, ma għandna qatt nitilfu t-tama f’Alla. Hu li bagħtilna lil Ibnu li sar bniedem u għammar fostna, żgur li se jieħu ħsiebna u jipprovdielna dak li neħtieġu biex ngħixu.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum il-Ġimgħa, 3 ta’ Diċembru 2010.

+ Mario Grech    Mons Salv Debrincat
Isqof ta’ Għawdex

Mons Salv Debrinca

Kanċellier

NB     Biex tinqara fil-quddies tas-Sibt  filgħaxija, 4 u tal-Ħadd, 5 ta’ Diċembru 2010.
___________________________________________

Nota għall-Kappillani u Retturi

1.    F’xi ġurnata tal-ġimgħa d-dieħla ssir quddiesa votiva għaż-Żmien iż-żriegħ tar-raba’ (paġna 914; Kolletta “għax-xita” – paġna 926).
2.    Fit-talb tal-fidili fil-quddies tingħad din it-talba: Nitolbuk, Mulej, biex iżżur l-art tagħna u ssaqqiha bix-xita f’waqtha, ħalli artna ma ċċaħadniex mill-frott tagħha. Nitolbu.
3.    Qabel il-Barka Sagramentali, jingħad talb għax-xita (Ritwal paġni 181-183).