Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex fl-okkażjoni tas-Sena Saċerdotali

Maltese - PDF Version

English - PDF Version

Ċirkulari 7/2009

Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

fl-okkażjoni tas-Sena Saċerdotali

“Il-fedeltà ta’ Kristu, il-Fedeltà tas-Saċerdoti”

L-Ordinazzjoni llum (ilbieraħ) ta’ tliet saċerdoti ġodda tfakkarna li Kristu għadu jżejjen lill-Knisja tiegħu f’Għawdex b’għadd sabiħ ta’ saċerdoti li jagħtu servizz lill-Knisja f’pajjiżna u ’l barra minn xtutna.

Naf li ħafna minnkom titkellmu dwar is-saċerdoti u l-missjoni tagħhom. Il-kotra għandhom għożża kbira lejn is-saċerdoti tagħna, u bir-raġun, għax eżempji ta’ saċerdoti qaddisin fid-djoċesi kien hemm u għad hemm.

Biex is-saċerdoti stess ikomplu jikbru fil-qdusija billi jkunu dejjem aktar leali lejn Kristu, u biex il-poplu t’Alla u s-soċjetà jifhmu u japprezzaw aktar il-ġmiel u l-ħtieġa tal-ministeru saċerdotali fil-Knisja biex il-bniedem isalva ruħu, il-Papa Benedittu XVI ħabbar li nhar il-Ġimgħa li ġejja, solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, fil-Knisja universali tibda Sena Saċerdotali Speċjali. Din is-sena tfakkar il-150 sena mill-mewt ta’ San Ġwann Marija Vianney, il-Kurat ta’ Ars, eżempju veru ta’ ragħaj fil-qadi tal-merħla ta’ Kristu.

Matul din is-sena, aħna lkoll – Saċerdoti, Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi – ser infittxu li ngħinu lil xulxin biex ikollna viżjoni mġedda tas-saċerdot kattoliku, nitgħallmu nkomplu nħarsu lejh bl-għajnejn tal-fidi, u nitħeġġu fit-talb għas-saċerdoti u għall-vokazzjonijiet.

Għalhekk nappella lill-Poplu t’Alla, speċjalment lill-morda, biex matul din is-Sena Saċerdotali jkomplu jitolbu bil-ħeġġa biex din l-esperjenza providenzjali tqaddisna lkoll.

Fid-Djoċesi tagħna ser nagħtu bidu għal din is-sena b’ċelebrazzjoni liturġika bis-sehem tas-saċerdoti kollha tad-djoċesi fil-Knisja parrokkjali tal-Fontana, fejn hija meqjuma l-Qalb ta’ Ġesù. Iċ-ċelebrazzjoni se ssir nhar il-Ġimgħa li ġejja, 19 ta’ Ġunju, fil-5.00pm., fil-jum iddedikat għat-talb għall-qdusija tas-saċerdoti.

Nitlob fuqkom ilkoll il-barka tal-Mulej.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum is-Sibt, 13 ta’ Ġunju 2009.

Mons Salv Debrincat    + Mario Grech
Kanċellier                        Isqof ta’ Għawdex