Bħalma tħabbar fit-22 ta’ Mejju, l-Konferenza Episkopali Maltija ħasset li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni Ambjent, tiżviluppa f’waħda interdjoċesana, jiġifieri li tkun responsabbli wkoll mid-djoċesi ta’ Għawdex. Il-KA tixtieq tirringrazzja lill-Isqfijiet ta’ dawn il-gżejjer tal-fiduċja li wrew fil-ħidma tagħna, kif ukoll lil dawk kollha li matul dawn l-aħħar snin esprimew ix-xewqa li jseħħ dan l-iżvilupp.Aħna mwegħdu li l-impenn tagħna ser ikun l-istess bħal qabel. Infatti bħala l-ewwel pass f’dan l-iżvilupp, il-KA ser tħejji pjan ta’ ħidma li issa ser jinkludi lil Għawdex.
Il-KA ma tixtieqx tħalli din l-okkazjoni tgħaddi mingħajr ma tagħmel dan l-appell dirett lejn kull individwu – kulħadd skont ir-rwol li għandu fis-soċjetà. Spiss in-nuqqas ta’ qbil f’diversi kwistjonijiet ambjentali fil-gżejjjer tagħna (li huma tant limitati fir-riżorsi ambjentali tagħhom), jaraw il-bidu tagħhom min-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-partijiet involuti. Dan iwassal għal kunflitt b’mod li, minflok isiru tentattivi sabiex jinstab ftehim (li fih tirbaħ kull naħa), tinħela ħafna enerġija f’pika u kontroversji. Sitwazzjonijiet bħal dawn imorru ’lil hinn mit-twettiq tal-ġid komuni u jostakolaw il-progress sostenibbli ta’ pajjiżna. Is-soluzzjoni għal dawn il-konflitti tinsab f’impenn akbar lejn ir-responsabbiltà u t-trasparenza fl-operat ta’ KULL min hu nvolut fl-ambjent (mill-għola awtorità tal-pajjiż sa’ kull ċittadin) b’mod li dan ikun irid jagħti kont lis-soċjetà għal għemilu.
Il-KA qed terġa’ ssostni dan abbażi ta’ riflessjonijiet u stqarrijiet li ħarġet matul is-snin dwar diversi kwistjonijiet ambjentali f’pajjiżna. Aktar milli toffri soluzzjonijiet immedjati għas-sintomi tal-problemi ambjentali ta’ pajjiżna, l-iskop tal-KA minn dejjem kien dak li tgħin sabiex tkun identifikata u eliminata l-kawża tagħhom. Forsi kien hemm każijiet li l-appelli tal-KA waqgħu fuq widnejn torox (jew li għażlu li ma jagħtux widen) u forsi wkoll intużaw għall-skopijiet oħra li jmorru ’lil hinn mill-intenzjoni li għalihom kienu saru. Għalhekk il-KA ser tfakkar xi ftit mir-rakkomandazzjonijiet li għamlet fil-passat li kienu jwasslu għal aktar responsabbiltà.
1. Fil-kwistjoni tal-iżvilupp tal-impjant tal-iskart ta’ Sant Antnin, in-nies tal-lokal baqgħu ma emmnux li r-riskji ta’ dan l-impjant, setgħu jkunu kkontrollati kif stipulat min-nies tekniċi. Il-KA waqt li kienet qablet mal-proġett, kienet ukoll issuġġeriet li jitwaqqaf Bord Regolatorju bis-sehem ta’ rappreżentanti tal-WasteServ, tal-MEPA u, b’mod speċjali, tal-komunitajiet tar-reġjun. Il-Bord Regolatorju kellu jkun responsabbli sabiex jissorvelja kull stadju tal-proġett kif ukoll tal-operat ta’ dan l-impjant. L-ironija tas-sitwazzjoni kienet li fl-istorbju tal-kwistjoni, il-partijiet konċernati, filwaqt li kkwotaw li qablilhom mill-istqarrija tal-Kummissjoni, injoraw kompletament is-suġġeriment li jitwaqqaf il-Bord Regolatorju – u li kellu jagħti aktar setgħa u kontroll lir-residenti fid-deċiżjonijiet ambjentali li jsiru fil-lokalità tagħhom.
2. Fil-kwistjoni dwar it-tibdil fil-konfini tal-iżvilupp li seħħew fl-2006, il-KA kienet appellat lil dawk kollha li jistgħu jkunu nvoluti fit-tkabbir tal-konfini fid-dmir li jpoġġu l-ġid komuni u l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna bħala l-ewwel priorità. Dan id-dmir għandu jkun ir-responsabbiltà ta’ kull ċittadin Malti … speċjalment jekk hu Nisrani. Ftit hemm evidenza li dan l-appell ħalla xi effett fuq l-għażliet li saru.
3. Fl-2006, l-awditur tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar ikkonkluda li jew il-Bord tal-MEPA jew dak tad-DCC ma kienx mexa kif suppost u li l-għażliet li saru għal ċerti żviluppi la kienu ġustifikati u lanqas ibbażati fuq raġunar ċar. Il-KA kienet staqsiet (u għadha tistaqsi) jekk kull min kellu xi responsabbiltà politika u/jew teknika f’dawn il-każijiet, kienx kostrett jagħti rendikont għal għemilu. F’dawn il-jiem, il-MEPA ħarġet il-permess għall-iżvilupp fil-Wied tal-Marga, il-Qala, Għawdex. Parti mill-iżvilupp propost jaqa’ barra miż-żoni għall-iżvilupp, u jmur kontra l-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna, li kienet fasslet l-istess Awtorità. Din it-tip ta’ inkonsistenza fi ħdan il-MEPA jwassal għall-nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadin fis-sistema u jnibbet suspetti serji dwar kemm l-operat tagħha hu wieħed oġġettiv.
4. Il-festi tagħna huma eżempju ieħor ta’ fejn hemm nuqqas ta’ responsabbiltà lejn il-proxxmu. Għal dawn l-aħħar snin, il-KA appellat sabiex jiefqu l-abbużi li spiss iseħħu kemm fil-ħruq tan-nar u kemm fl-imġieba ta’ xi wħud waqt il-festa. Wasal iż-żmien li KULL min hu responsabbli jwettaq id-dmirijiet li titlob minnu l-kariga li jokkupa. Dan jgħodd anke fejn jidħol il-logħob tan-nar fejn: (a) l-awtoritajiet ċivili għandhom juru rieda ferm aktar soda sabiex jirranġaw ir-regolamenti li jikkontrollaw il-produzzjoni u l-ħruq tal-logħob tan-nar; (b) il-mezzi tax-xandir għandhom jifhmu r-responsabbiltà ġurnalistika tagħhom li jqajmu diskussjoni nazzjonali aktar razzjonali fuq kif jistgħu jkunu kkontrollati darba għal dejjem l-eċċessi. Jidher li sa issa li l-interess tal-mezzi tax-xandir iqum biss meta sseħħ xi disgrazzja; (ċ) l-awtoritajiet lokali (dawk ċivili u dawk tal-Knisja) għandhom jaħdmu flimkien sabiex il-festi tagħna jġibu l-għaqda u mhux ta’ firda fil-komunità.
5. Fl-aħħar stqarrija li ħarġet f’Marzu, 2009 il-KA kienet qablet mar-Reviżjoni tal-Istrateġija tal-Immaniġġjar tal-Iskart Solidu fuq il-bżonn li jitjiebu t-technical standards u l-codes of practice f’kull operazzjoni li għandha x’taqsam mal-immaniġġjar tal-iskart. Dawn il-prattiċi għandhom ikunu żviluppati f’kull livell: ibda mill-ġbir tal-iskart mit-triqat sal-ogħla tekniku responsabbli fl-impjanti tat-trattament (jew inċineraturi) tal-iskart. Wasal iż-żmien li r-responsabbiltà tal-operatur għandu jkollha marbut magħha l-obbligu (liability) lejn il-pubbliku. Dan ifisser li operatur imħallas sabiex jaċċerta li mpjant jaħdem tajjeb fil-limiti ta’ kriterji stabbiliti, għandu jinżamm responsabbli individwalment u direttament għal kull dannu fuq is-saħħa tan-nies jew fuq ir-riżorsi ambjentali, jekk ikun ippruvat li dan id-dannu seħħ b’negliġenza fl-operat tiegħu. Din ir-responsabbiltà trid tinġarr ukoll mill-entità li tħaddem lil dan l-impjegat. Dan għandu japplika għal kull settur u mhux biss għal dak tal-iskart.
6. Fl-istess stqarrija l-KA faħħret id-dokument: “Strateġija Nazzjonali ta’ Miżuri ta’ Politika u Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra” għax irrakomanda politika kordinata sabiex din il-problema tkun indirizzata fuq livell nazzjonali. Għalhekk il-KA ma tistax tifhem kif filwaqt li d-dokument jissuġġerixxi li jinstabu mezzi sabiex it-traffiku f’toroq arterjali jkun aktar mexxej fl-istess ħin toħrog direttiva li wħud minn dawn it-toroq ikollhom limitu ta’ veloċità ta’ 60 km fis-siegħa. Dwar l-impjant il-ġdid tal-Power Station f’Dellimara, l-awtoritajiet huma fid-dover li jaraw li din tkun kompatibbli ma’ għażliet strateġiċi oħra li qiegħed jieħu l-istess Gvern f’oqsma bħal per eżempju dawk li jikkonċernaw t-tniġġiż u l-kwalità tal-arja.
Nifhmu li għad fadal ħafna x’isir sabiex nilħqu dan il-livell ta’ responsabbiltà (accountability) u sabiex tinqered darba għal dejjem l-attitudni tax-“xejn mhu xejn”. Ninnutaw b’dispjaċir li din l-attitudni hija komuni mhux biss fejn jidħol l-ambjent imma fil-prattiċi tax-xogħol f’Malta l-iktar fis-servizz pubbliku. Iżda nemmnu li dan is-sens ta’ responsabbiltà għall-aġir jista’ jitwettaq biss jekk ikun żgurat li kulħadd iwettaq xogħlu kif imiss mingħajr ebda indħil … kemm ta’ natura politika u/jew amministrattiva.
Kull strateġija ambjentali tirnexxi jew tfalli fil-fażi tal-implimentazzjoni tagħha. F’din l-implimentazzjoni hemm tliet livelli ta’ responsabbiltà: dik politika, dik amministrattiva u dik teknika. Normalment ir-responsabbiltà tal-politiku tiddependi mill-għażla tal-poplu waqt elezzjoni. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għal min iġorr responsabbiltà amministrattiva jew operattiva. Donnu f’pajjiżna m’għandniex la l-kultura u lanqas il-qafas legali meħtieġ sabiex persuna tinżamm responsabbli għal għemilha lejn min isofri xi dannu f’dan is-sens.
Il-KA tixtieq tindirizza dan l-appell għal aktar responabbiltà u trasparenza lejn kull ċittadin. Wara kollox nemmnu li dawn l-elementi importanti fl-imġieba tagħna huma mħeġġa mill-valuri morali tan-Nisrani. Nitolbu lil Alla li fil-ħidma ġdida tagħha, b’risq iż-żewġt djoċesi ta’ Malta u ta’ Għawdex, il-KA tkun xhieda ħajja ta’ dawn il-valuri bażiċi.