MIXJA PAWLINA FIL-BELT FL-OKKAŻJONI TAS-SENA PAWLINA

English Version

sena-pawlina-logo.jpgFl-okkażjoni tas-Sena Pawlina, nhar il-Ħadd, 8 ta’ Frar 2009, jumejn qabel il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, f’seba’ knejjes tal-belt Valletta se ssir ċelebrazzjoni kateketika mnebbħa mill-Ittri ta’ San Pawl.

L-inizjattiva qed tissejjaħ Mixja Pawlina.

Mons. Pawl Cremona O.P., Arċisqof ta’ Malta u Mons. Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca se jippresiedu Liturġija ta’ Talb fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu.  Din il-Liturġija se ssir fi tliet ħinijiet: fl-4.30p.m., fil-5.15pm u fis-6.00pm


F’seba’ knejjes oħrajn se jkun hemm ċelebrazzjonijiet f’forom diversi mibnijin fuq suġġetti meħudin mill-Ittri ta’ San Pawl.  Dawn jinkludu drama, mużika u mima,  waqt li saċerdoti studjużi tal-Bibbja jagħmlu preżentazzjoni qasira ta’ katekeżi.

Il-knejjes li fihom se jsiru dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma dawn: Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, Knisja tal-Ġiżwiti, Knisja ta’ San Duminku,  Knisja ta’ Santu Wistin, Knisja Ta’ Ġieżu, Knisja ta’ San Franġisk u  Knisja ta’ San Ġakbu.

L-ewwel ċelebrazzjoni f’dawn is-sena’ knejjes ssir fit-3.00pm.  F’kull knisja jkun hemm ripetizzjoni taċ-ċelebrazzjoni kull tliet kwarti ta’ siegħa: fl-3.45pm, fl-4.30pm, fil-5.15pm u fis-6.00pm.  Hekk in-nies ikunu jistgħu jmorru minn knisja għal oħra u jie]du sehem f’esperjenzi diversi.

Fil-Kappelli tal-Monasteri ta’ Sant’Ursula u ta’ Santa Katerina se jkun hemm Adorazzjoni fis-skiet.

Fil-wesgħat ta’ Bieb il-Belt, Kastilja, quddiem il-bini tal-Qorti, quddiem il-Palazz u quddiem is-Suq tal-Belt, kif ukoll fit-toroq fejn hemm il-knejjes li fihom se ssir ċelebrazzjoni, se jkun hemm membri ta’ movimenti reliġjużi jkantaw kant reliġjuż u jagħtu tagħrif lill-pubbliku dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġurnata.

Wara li jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet, f’uħud mill-knejjes se jkun hemm Quddiesa.